Aħbarijiet | 31 ta’ Jannar 2010 Nr 171
Fl-aħħar tliet xhur tal-2009 intilfu 594 impieg
Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt
Figuri li għandha f’idejha din il-gazzetta u li huma kkonfermati mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ l-ETC jikxfu li fl-aħħar tliet xhur biss tas-sena li għaddiet tilfu l-impjieg 594 persuna. Dan ifisser li kien hemm medja ta’ aktar minn sitt ħaddiema kuljum li tkeċċew mix-xogħol.
L-istatistika turi li l-akbar ammont ta’ sensji ngħata fir-ristoranti u fil-lukandi. F’din il-kategorija biss, bejn Ottubru u Diċembru li għadda, tilfu l-impjieg 124 ħaddiem. Din il-figura tammonta għal 21 fil-mija tal-ammont kollu tal-ħaddiem li ngħataw is-sensja.
It-tieni l-akbar ammont ta’ ħaddiema li tkeċċew, 108 b’kollox, kienu jaħdmu f’impjiegi li joffru servizzi personali u xogħol fil-komunità.
Daqqa ta’ ħarta simili kienet lill-ħaddiema fin-negozji li jixtru u jbigħu bl-imnut. B’kollox kien hemm 95 ħaddiem li tkeċċew minn dan is-settur.
Tlieta u disgħin ħaddiem ieħor li ngħataw is-sensja fl-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet kienu jaħdmu fil-qasam tal-kostruzzjoni.
Il-minġel tas-sensji laqat ukoll in-negozji li jbigħu u jikru l-proprjetà. Bejn Ottubru u Diċembru tilfu x-xogħol minn dan il-mistier 59 persuna.
Figuri li ppubblika din il-ġimgħa stess l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ikkonfermaw li fi tmiem is-sena li għaddiet kien hemm 11,986 qiegħda u 175,581 tal-popolazzjoni li ma kinitx attiva. Il-parti l-kbira ta’ dawk bla xogħol għandhom bejn il-15 u l-24 sena. Il-maġġoranza tal-irġiel bla xogħol jirriżulta li ilhom ifittxu xogħol għal aktar minn sena.
Setturi
A Intermedjarji finanzjarji
B Agrikoltura, kaċċa u afforestazzjoni
C Elettriku, gas u provvistà ta’ ilma
D Mining u xogħol fil-barrieri ħlief materjal li jipproduċi enerġija
E Saħħa u xogħol soċjali
F Sajd
G Edukazzjoni
Ħ Trasport, ħażna u komunikazzjoni
I Manifattura
J Real Estate, kiri ta’ proprjetà u business activities
K Kostruzzjoni
L Negozju wholesale u bl-imnut
M Oħrajn, komunità, soċjali u servizzi personali
N Lukandi u ristoranti