MediaToday

Sport | 31 ta’ Jannar 2010 Nr 171

Bookmark and Share

Isem Darmanin Demajo jitħassar u jinħeba mill-istorja tal-MFA

Skumnikat

Mark Attard
mattard@mediatoday.com.mt

Norman Darmanin Demajo, eks-Teżorier tal-Malta Football Association u għal snin twal persuna li serva fil-Youth Committee tal-Uefa u delegat tal-ogħla livell tal-istess organu, kien eskluż minn kull attività ta’ ċelebrazzjoni li ħejjiet l-MFA fil-jiem li għaddew f’għeluq il-100 sena mill-kampjonat nazzjonali u l-50 sena membri fil-Uefa u l-Fifa.
L-iktar xokkanti minn din l-istorja kollha mhix l-esklużjoni tal-preżenza tal-persuna mill-attivitajiet li saru, iżda aktar minnhekk hu l-fatt li saħansitra ismu kien imneħħi mill-Istorja tal-Assoċjazzjoni fi kważi kull artiklu li għamlet l-MFA u li esponietu għall-attenzjoni tal-pubbliku.
Sorsi interni fl-MFA li tkellmu mal-gazzetta Illum fl-aħħar jiem ħassew dispjaċir kbir għal dan il-fatt li persuna tal-integrità ta’ Darmanin Demajo qed titħalla barra u tintesa f’kull attività li jkollha l-Assoċjazzjoni għax sempliċiment għandu pika personali miegħu l-President Joe Mifsud.
Ikkuntattjat minn din il-gazzetta għar-reazzjoni tiegħu Darmanin Demajo ftit li xejn kellu x’jikkummenta.
“Miniex sorpriz b’dak li reġa’ seħħ fuqi. Din l-istorja ilha tirrepeti ruħa għal snin twal fil-konfront tiegħi. Anzi kont inkun aktar sorpriż li kieku ġejt mistieden. Iddispjaċut biss għall-fatt kif ismi ma deher imkien f’artiklu li deher fuq uffiċjali Maltin li taw servizz f’isem pajjiżhom taħt il-kappell tal-Uefa.”
Matul l-aħħar sigħat inkiteb artiklu għas-sit uffiċjali tal-MFA dwar persuni minn Malta li ħadmu fi ħdan il-UEFA u li taw kontribuzzjoni lill-futbol Ewropew fejn isem ‘id-Dede’ ma deher imkien bl-intenzjoni ċara kienet li jinħeba u jintesa mill-Istorja. F’dan l-artiklu jissemmew bir-raġun dawk li bħalissa jagħmlu parti mill-amministrazzjoni tal-MFA u li għandhom karigi f’diversi bordijiet oħra fosthom il-Viċi Presidenti Karmenu Bartolo u Ludovico Micallef, is-Segretarju Ġenerali Joe Gauci u t-Teżorier Alex Manfre.
Magħhom ma setax jonqos li jsir eloġju lil Joe Mifsud, il-President attwali li ilu għal ħafna snin membru tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Uefa u li dan l-aħħar sar wieħed mill-Viċi Presidenti tagħha.
Iżda fl-istess artiklu jissemmew persuni li ħadmu bla heda fil-passat bħall-eks-Presidenti Giuseppe Mifsud Bonnici u George Abela u lill-eks Segretarju Ġenerali tal-MFA Joe Sacco, li miet ftit tax-xhur ilu.
Iżda Darmanin Demajo ma ssemma mkien fl-artiklu u jekk ma tkunx involut fil-futbol u ma tkunx taf ftit dwar il-passat tal-MFA, dan l-artiklu żgur li ma jgħinekx biex tkun taf il-fatti eżatti tas-snin l-imgħoddija.
Sorsi għolja li għandha din il-gazzetta mill-MFA u li tkellmu magħna qalulna li minbarra isem Norman Darmanin Demajo, minn dan l-artiklu tħallew barra xi ismijiet oħra li iżda ma jġorrux l-istess piż li ġarr isem Darmanin Demajo u għalhekk iddeskrivew dan kollu bħala fatt gravi li xi ħadd, jew l-awtur tal-artiklu jew min kellu l-bżonn li l-istorja tinkiteb b’dan il-mod, ħalla l-biża’ tiegħu jew il-mibegħda tirbaħ fuq il-prinċipji, l-etikà u l-fatti.

Dan ikompli joħroġ ċar hekk kif l-istess sorsi tagħna kkonfermaw b’ċertezza li l-istess Darmanin Demajo ma kienx mistieden biex jattendi għal-lejla li saret f’Dar il-Mediterran nhar il-Ħamis li għadda u li għaliha, minbarra dawk li bħalissa jokkupaw karigi fil-klabbs jew fl-MFA, kienu mistiedna dawk il-Maltin kollha li ħadmu fil-UEFA u fil-FIFA fil-passat u wkoll l-eks-uffiċjali tal-MFA, Presidenti ta’ assocjazzjonijiet Ewropej tal-futbol, membri fi ħdan il-bordijiet tal-MFA u xi nies oħra.
Darmanin Demajo kellu passat mill-iktar sinjur fil-UEFA fejn saħansitra kien ikun mistieden regolari biex jindirizza konferenzi lill-uffiċjali minn madwar l-Ewropa fir-rigward tal-Youth Football.
Hu kien wieħed mill-aktar delegati stmati u kien ukoll inkarigat biex ikun fit-tim organizattiv ta’ wieħed mill-Kampjonati Ewropej u għalhekk dan kollu jitfa’ dubji serji ta’ kif jista’ jkun li ġie minsi bi żvista minn tant persuni intelliġenti li għandha l-Assoċjazzjoni magħha.
Darmanin Demajo kellu esperjenzi oħra kbar kemm dam fl-MFA u fil-Uefa. Hu kien id-delegat inkarigat mill-UEFA għal-logħba mis-semi-finali tal-Uefa Cup bejn Galatasaray u Leeds United li ntlagħbet f’Istanbul f’April tas-sena 2000.
Dakinhar żewġ partitarji ta’ Leeds United kienu maqtula b’daqqiet ta’ sikkina qabel il-logħba biex is-sitwazzjoni kienet waħda ta’ tensjoni u biża’ kbira.
Kien Darmanin Demajo li ħa d-deċizjoni li l-logħba ma titħassarx u tintlagħab xorta biex dik id-deċizjoni kienet fissret ħafna għall-Uefa li kienet irrikonoxxiet lid-delegat Malti għall-kuraġġ u l-mod professjonali li bih dakinhar ħa f’idejh ir-responsabbiltà u kkontrolla sitwazzjoni xejn pjaċevoli.
Persuna b’kariga mill-iktar għolja fl-MFA qalilna li din l-esperjenza biss kienet ukoll biżżejjed biex bniedem ikun imfakkar għas-servizz tiegħu fil-Uefa, aħseb u ara jekk wieħed jieħu perjodu sħiħ ta’ sitt snin fejn Darmanin Demajo kien delegat ta’ aktar minn 75 logħba fil-kamp internazzjonali ma’ timijiet bħal Roma, Liverpool, Arsenal, Leeds, Valencia, Inter, Chelsea, Olympique Marseille, Lazio, Real Madrid, Milan, Celtic, Galatasaray, Porto, Aston Villa u Newcastle.
Dan biex wieħed ma jsemmix l-impenji li kellu f’partiti internazzjonali u li fis-sajf tal-2000 kien id-delegat responsabbli tal-Uefa mill-venue u l-logħbiet li kienu se jintlagħbu f’Charleroi waqt il-Kampjonat Ewropew, Euro 2000, li sar fil-Belġju u l-Olanda.
F’Charleroi kienu lagħbu t-timijiet ta’ Grupp A ta’ dik il-kompetizzjoni, il-Portugal, ir-Rumanija, l-Ingilterra u l-Germanja bil-logħba diretta bejn l-Ingilterra u l-Ġermanja tkun skjedata bħala waħda mill-iktar riskjużi minħabba l-ordni pubblika u l-biża’ ta’ ġlied bejn il-partitarji taż-żewġ pajjiżi.
Dan kien it-tieni att oxxen fil-konfront ta’ Darmanin Demajo fi ftit jiem. Ftit tal-jiem ilu Darmanin Demajo ma tħalliex ikun delegat f’isem il-klabb tiegħu, għax fl-opinjoni tal-President Mifsud, fil-passat kien għamel ħsara kbira lill-MFA u allura anqas għandu jirfes l-għatba tal-uffiċini f’Ta’
Qali.
Persuna midħla sew ta’ Ta’ Qali qaltilna li isem Darmanin Demajo kien inkluż f’pubblikazzjoni biss li l-MFA ħarġet fi tmiem din il-ġimgħa.
Il-ktejjeb jagħti ħarsa lejn is-snin li sawru l-kampjonat nazzjonali Malti u l-parteċipazzjoni lokali fil-kamp internazzjonali u f’paġna minnhom kienu elenkati dawk kollha li ħadmu fil-Fifa u fil-Uefa.
L-istess persuna qalilna li r-relazzjoni bejn Joe Mifsud u Norman Darmanin Demajo ilha li spiċċat snin ilu u dan jafu kulħadd iżda wieħed ma jistax jinsa li qed ngħixu f’pajjiż demokratiku fejn anki jekk neċessarjament ma taqbilx mal-avversarji tiegħek għandek tagħtihom dak li hu tagħhom bi dritt.
Il-mistoqsijiet wara dawn il-manuvri kollha kontra Darmanin Demajo jiqbgħu: Għalfejn hu daqshekk importanti li l-eks-Teżorier tal-MFA jinżamm ’il bogħod kemm jista’ jkun miċ-ċrieki tal-futbol Malti?
Għalfejn il-preżenza tiegħu u ismu jagħtu daqshekk fastidju lil ċerti individwi fl-MFA? Għalfejn jekk hemm kwistjoni personali bejn żewġ persuni għandna saħansitra naslu biex innessu parti mill-istorja? L-MFA ta’ min verament hi, tal-klabbs jew ta’ xi individwu?

 

 



Vista fis-Sinagoga



President għal kulħadd



Il-qasba u l-pixkerija


Il-Punt - Micahel Camilleri
Direttiva industrijali negattiva

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan