Sport | 31 ta’ Jannar 2010 Nr 171
Kien u għadu midħla tal-futbol Malti
Mark Attard
Fil-ftit jiem ċans li għamel f’Malta għal btala qasira ħadt iċ-ċans tiegħi biex niltaqa’ siegħa ma’ Atanas Marinov, kowċ li m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni ma’ dawk kollha dilettanti tal-futbol Malti.
Il-Bulgaru għandu konnessjonijiet kbar mal-futbol Malti. Ilu midħla sew sa mill-1996, meta dakinhar Gencho Dobrev kien għamillu kuntatt ma’ St. Patrick’s u s-Segretarju tagħhom Manuel Gauci biex eventwalment kienu l-imħuħ li ressquh lejn pajjiżna.
Marinov jitkellem miegħi fuq l-esperjenzi tiegħu kollha li kellu hawn. Minn dawk glorjużi ta’ meta wassal lil Birkirkara biex jirbħu l-ewwel kampjonat fl-istorja tagħhom sa dawk ta’ meta kien ma’ Marsaxlokk u ġie mneħħi bil-pulit wara serje ta’ riżultati negattivi.
Jiżbilanċja ruħu favur żewġ plejers meta nistaqsih fuq il-livell ta’ plejers li għandna f’Malta u fuq l-aqwa plejer jew tnejn li qatt kellu taħt il-gwida tiegħu.
“Jien ikkowċjajt 13-il sena ta’ futbol fil-Premier iżda kont insegwi qabel u għadni nsegwi s’issa l-futbol Malti. Nisma’ ħafna diskors fuq min huma l-aqwa plejers ta’ Malta ta’ dawn l-aħħar snin. Jien nibqa’ ngħid li f’dawn l-aħħar snin Malta ma kellhiex aħjar minn Joe Brincat u Ivan Zammit u mhux qed ngħid hekk għax kienu fit-tim tiegħi ma’ Birkirkara. Kellhom intelliġenza kbira, kienu teknikament perfetti u jafu l-logħba bl-amment. Għalija kienu l-aqwa tnejn li kelli u li qatt rajt kemm ili nsegwi l-futbol Malti.
“Iżda jien introduċejt ħafna żgħażagħ oħra li llum ninsab kburi bihom li huma stabbiliti fil-kampjonat Premier. Bdejt lil Kenneth Scicluna, Adrian Ciantar u Adrian Pulis minn f’St. Patrick’s. F’Birkirkara bdejt lil Roderick Briffa u fil-Hamrun kelli lil Roderick Bajada, Mauro Brincat, Ryan Fenech u lil ħuh Roderick. Ma’ Valletta bdejt lil Ian Zammit.
“Iżda biex tagħmlu l-pass li jmiss bħala avvanz fil-livell tridu tkunu kuraġġużi u tbiddlu. Hemm bżonn tagħmlu l-pass li jmiss. Eżempju tajjeb hu dak li qed jagħmlu Valletta bl-iskema professjonali. Hemm bżonn aktar plejers jilagħbu barra u aktar plejers barranin ta’ livell fil-kampjonat Malti. Il-mentalità professjonali hi dik bħal ta’ Valletta.”
Atanas Marinov twieled fil-15 ta’ Ottubru 1958 fi Plovdiv, il-Bulgarija. Ġie f’Malta għall-ewwel darba fl-1996 meta dakinhar ingħaqad ma’ St. Patrick’s. F’Malta kien kowċ anki ma’ Birkirkara, Hamrun, Valletta u Marsaxlokk. Meta spiċċa minn Marsaxlokk kien mar il-Bulgarija ma’ Botev Plovdiv biex minn hemmhekk spiċċa l-kowċ tat-tim nazzjonali Bulgaru ta’ Taħt id-19-il sena.
“Kont ġejt Malta grazzi għal Gencho Dobrev. Kienet is-sena 1996 meta kien għamel kuntatt ma’ St. Patrick’s. Dakinhar tkellimt ma’ Manuel Gauci, is-Segretarju tal-klabbs. Kont ġejt għal 3 snin ma’ Ħaż-Żabbar u rbaħna promozzjoni għall-Premier Division. Qatt ma sibt problema ma’ ħadd u nista’ ngħidlek li f’dak il-klabb hemm nies qalbhom tajba.”
Marinov illum hu l-kowċ nazzjonali tal-Bulgarija ta’ Taħt id-19-il sena. Ilu sentejn f’din il-kariga b’kuntratt li wasal biex jiskadilu x-xahar id-dieħel. Iżda l-futur tiegħu għadu ma jafux.
“S’issa għadni hemm iżda l-kuntratt se jispiċċa x-xahar id-dieħel. Kelli kuntratt ta’ sentejn u rrid nerġa’ nitkellem kif immur lura l-Bulgarija. Għal dawn is-sentejn lgħabna diversi partiti bħala tim nazzjonali. Irbaħna 6 logħbiet, ġejna draw tnejn u tlifna 6 logħbiet. Din hi l-istatistika tiegħi kemm ili li ħadt f’idejja lil dan it-tim.
“Jekk jien u l-Assoċjazzjoni nkunu kuntenti b’xulxin beħsiebni nibqa’ u nġedded il-kuntratt. Għad irrid nara x’se jgħiduli u x’se jipproponu ġdid. Li hu żgur hu li rrid nibqa’ fil-kowċing. Jien qatt ma ngħid qatt f’din il-karriera. Jekk ikolli offerta tajba minn Malta naċċettaha wkoll. Ili hawnhekk snin twal u jekk nerġa’ nikkowċja hawn mhux se tkun xi ħaġa ġdida.
“Il-futur tiegħi se jibqa’ fil-futbol. Mort lura l-Bulgarija għax kelli bżonn inġib il-liċenzja Pro tal-Uefa. U rnexxieli wara sena studju. Xtaqt nagħmilha Malta iżda dan il-kors għadu ma jsirx hawn. Illum nista’ nikkowċja f’kull rokna tad-dinja.
Malta t-tieni pajjiż tiegħi iżda għadni ma tkellimt u ħadd għadu ma kellimni. Naħseb li jien l-uniku kowċ barrani li għamilt 13-il sena nikkowċja l-Premier f’Malta. Mhu se nissorprendi lil ħadd jekk nerġa’ nikkowċja hawn.”
Marinov jgħidli li ġie Malta fuq btala iżda ma jeskludix li l-futur tiegħu jista’ jkun hawn jekk tinqala’ opportunità tajba. Fil-ftit jiem li għamel hawn segwa anki żewġ partiti mill-kampjonat Premier.
“Rajt żewġ logħbiet, Hamrun kontra Msida u Valletta kontra Hibernians. Għoġbuni ż-żewġ logħbiet għax kienu eċċitanti. Hamrun kellhom partita tajba ħafna u nemmen li għandhom barranin tajbin ħafna. Jidhru kompetittivi u ħallew impressjoni tajba.
Valletta u Hibernians kellha livell għoli ħafna. Kienet partita tal-attakki u fl-aħħar mill-aħħar rebaħ l-aħjar tim.
“Nemmen li Valletta se jirbħu l-kampjonat. Għandhom kollox professjonali, mill-plejers sas-sistema li qed jaddottaw. Għandhom il-fortuna li mhux il-klabbs kollha lokali jistgħu jagħmlu bħalhom. Għandhom President bħal Victor Sciriha li jista’ jagħtihom dan kollu u l-ismijiet li għandhom fit-tim mhux ċajta.”
Nitkellem miegħu fuq l-isbaħ żmien li kellu f’pajjiżna meta rebaħ il-kampjonat ma’ Birkirkara. Marinov kien sar eroj fost il-poplu Karkariż għax inzerta l-ewwel kowċ li ġab il-kampjonat f’dan ir-raħal f’għeluq il-50 sena mit-twaqqif tiegħu.
“Kien spiċċali l-kuntratt ma’ St. Patrick’s u kont mistieden ukoll biex nibda ma’ Birkirkara. Veru li kont l-ewwel kowċ li ġibt il-kampjonat f’Birkirkara iżda ma nistax nieħu l-mertu kollu waħdi. Dak il-kampjonat kien wasal bis-saħħa ta’ kulmin b’xi mod kellu x’jaqsam mal-klabb.
“Kienu żminijiet sbieħ bi plejers bħal Savic, Pintac, Braunovic, Brincat, Zammit, Suda, Nwoko, Zahra, Spiteri u Cutajar u b’żgħażagħ bħal Briffa u Galea. Kelli problemi lil min se nħalli barra iktar lil min se nilgħab.
“Kien hemm atmosfera kbira fost il-poplu Karkariż. Kien poplu ġenwien u ma nafx li qatt xi darba kelli battibekk ma’ xi ħadd. Għad għandi rispett kbir lejn il-poplu Karkariż sal-lum u dan jafuh huma wkoll. Qatt ma mort fuq it-televiżjoni ngħid kontra l-partitarji jew kontra l-plejers u l-Kumitat. Dejjem iddefendejthom kemm stajt.
“Wara Birkirkara għamilt sentejn ma’ Hamrun. Qatt ma kelli problemi kbar ma’ ħadd u tant hu hekk li ma’ Hamrun mort darbtejn. Kien ġabni ma’ Hamrun Victor Tedesco, persuna li kien intelliġenti ħafna. Jiddispjaċini li m’għadux magħna u nħsadt meta smajt bl-aħbar tal-mewt tiegħu.
“Ma’ Marsaxlokk kellna aspettattivi kbar. Bdilna ħafna plejers u ġew ħafna ġodda. Iżda ridna ż-żmien biex noqogħdu. Tant kemm kien hemm aspettazzjonijiet kbar li kull logħba ridna bilfors nirbħuha u kollox beda ġej ħażin u kontrina. Kelli ftit żmien biex nagħmel it-tim li stajt.
“Fit-tieni sena tiegħi ma’ Marsaxlokk ġabu lil Ray Farrugia ‘iż-Żażu’ biex noqogħdu flimkien u jien ma qbiltx magħha. Jien qatt ma noqgħod x’imkien biex nieħu s-salarju biss u allura tlaqt bil-kwiet.
“Dak iż-żmien President tagħna kien Victor Sciriha u allura nixtieq niċċara l-punt li llum għandi l-aqwa relazzjoni miegħu. Qatt ma spiċċajna bil-ġlied u llum aħna ħbieb kbar. Sciriha raġel intelliġenti ħafna u lest niddiskuti f’kollox miegħu.”
“Kont ikkowċjajt ukoll lill-Belt iżda għal sena waħda. Kienet sena ħażina ħafna. Kien għadu jitlaq Joe Caruana Curran u s-sitwazzjoni ma kinitx mill-isbaħ. Iżda x-xogħol tagħna ta’ kowċ hu dejjem mimli pressjoni. Il-pressjoni għalina qisha ħobż. Jien ngħid li l-pressjoni tagħmilni aktar b’saħħti. L-importanti li dejjem nikkontrollaha. Jekk m’għandi xejn kont dejjem kapaċi nikkontrolla d-dressing room u l-plejers.”
Marinov jgħidli li matul is-snin ra l-livell tat-tim nazzjonali Malti jogħla. Jgħidli li qed jara titjieb u li t-tim nazzjonali Malti tgħallem jagħlaq ħafna d-difiża tiegħu.
“Qed nara titjib. Li titlef fl-aħħar ħinijiet ma’ Żvezja tajjeb ħafna. Rajthom kontra l-Bulgarija li anki jekk tliftu 4-1 fit-tieni taqsima r-riżultat ġie 1-1. Kieku dakinhar ma kienx hemm Berbatov għall-Bulgari naħseb li Malta ma kinux jitilfu. Berbatov għamel id-differenza kollha. Meta tkellimt mal-President u l-kowċ nazzjonali Bulgaru qaluli li kienet logħba diffiċli anki jekk il-logħba spiċċat 4-1.”
Marinov jikkonkludi miegħi billi jagħtini ħjiel fuq dak li jista’ jkun il-futur tiegħu fix-xhur li ġejjin.
“Il-futur tiegħi se jibqa’ fil-futbol. Mort lura l-Bulgarija għax kelli bżonn inġib il-liċenzja Pro tal-Uefa u rnexxielhi wara sena studju.
“Kien Gencho Dobrev il-bniedem li ġabni Malti. Illum li wasalt s’hawn irrid ngħid grazzi lilu u lil Manuel Gauci li ntroduċieni fil-futbol Malti. Ma nistax ninsa lil Victor Tedesco, lil Victor Sciriha, lil Victor Zammit u lill-plejers kollha li kelli kemm domt hawn. Naħseb li kelli relazzjoni mill-aqwa mal-plejers kollha matul is-snin li mingħajr ma nikkastigahom kienu kollha jafu li miegħi jirrikjedu serjetà kbira.”