Ittri | 31 ta’ Jannar 2010 Nr 171
Lino Ellul,
San Gwann
Altru li kienu interessanti ħafna l-kummenti ta’ dawk li fil-gazzetta Ilum tal-10 ta’ Jannar tkellmu dwar l-ewwel tliet snin mill-ħatra tal-Arċisqof tagħna Mons Pawlu Cremona.
Iżda bir-rispett kollu li żgur jixraq lejn kulħadd, jekk jien irrid nitkellem dwar il-ħidma tal-Arcisqof, altru li ma nistax ninsa l-Ittri Pastorali ta’ dawn l-aħħar tliet snin, għax fil-każ, kif qatt nista’ ninsa l-Pastorali ta’ Santa Marija ta’ Awwissu 2007, meta flimkien mal-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech, tkellmu ċar u tond dwar dak li qed jistenniena fl-eternità?
Kif qatt nista’ ninsa l-aħħar Pastorali ta’ dan l-Avvent, meta wkoll flimkien mal-Isqof ta’ Għawdex, dawn tkellmu ċar u tond dwar xi jfisser li tkun Kattoliku? Forsi mhux dan huwa l-qofol tat-twemmin tagħna? Għax fil-każ x’inhi l-verità? Fil-fatt nemmen li hemm bżonn imminenti li aħna l-Kattoliċi nifhmuha darba għal dejjem li jekk skont il-Kotba Mqaddsa hi verità assoluta li Kristu miet għal kulħadd daqshekk ieħor hi verità assoluta li fl-istess Kotba Mqaddsa ma jeżisti l-ebda vers li jiggarantixxi s-salvazzjoni lil kulħadd.
Dan jikkonfermah kemm Kristu meta ċar u tond qalilna “jekk ma tindmux ilkoll tintilfu xorta waħda” (Lq.13,1-5) kif ukoll fl-ittri kollha tal-Appostli. Appuntu, għal kull min fostna l-Kattoliċi jrid li jemmen bis-serjetà li teżisti l-eternità, fl-opinjoni tiegħi aħna m’għandniex inkomplu nisimgħu ħafna ineżattezzi u kontradizzjonijiet kontra dak li jgħidu kemm Kristu kif ukoll l-Appostli.
Allura issa jmiss kemm lill-predikaturi li se jagħmlu l-eżerċizzi tar-Randan, kemm lis-saċerdoti fl-omeliji, kif ukoll lil dawk il-katekisti kollha fostna, biex dawn kollha flimkien jibdew jitkellmu ċar u tond bl-istess lingwaġġ Kattoliku Appostoliku Ruman li tkellmu bih l-Isqfijiet tagħna dwar il-Pjan tas-Salvazzjoni.
Għax fil-każ xi jfisser eżatt dak li qalulna Eżekjel 33,7-9; Kristu, Mt.18,15-17 u San Pawl 2Tim.3,16-17;4,2-5, meta bħal ħafna u ħafna passi oħrajn mill-Kotba Mqaddsa dawn għabbewna bir-responsabbiltà għas-salvazzjoni ta’ xulxin?