Intervista | 31 ta’ Jannar 2010 Nr 171
Carmel, iben Karmenu Grima, jirrakkonta l-istorja ta’ missieru
Harry Vassallo
Nhar il-15 ta’ Ottubru 1979 Karm Grima, ċioè missieri, tela’ l-Belt għand il-Ministru Agatha Barbara u hemm sab il-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Cachia. Talabhom skorta biex ikellem lill-Prim Ministru għax qal li din kienet it-tielet darba li tela’ biex ikellem lill-Prim u ma ħallewhx. Ta’ min jgħid li kien Dom Mintoff stess li waqt li kien fuq iż-żiemel il-Marsa stieden lil Karm Grima jiġi jkellmu f’Kastilja fuq il-problema Lorry Sant għax hemm ma kienx post addattat.
Għalhekk Karm Grima kien imxebba’ bl-atteġġament tal-messaġġiera f’Kastilja li kull darba jitlob appuntament ma’ Mintoff ħass li kienu qed jgħadduh biż-żmien speċjalment meta kien diġà kixef ħsibijietu li kien se jikxef lil Lorry Sant fuq korruzzjoni f’affarijiet serji.
Xi xhur wara l-inċident missieri kien stqarr miegħi li l-Kummissarju Cachia ma kienx ta kasu u qallu “Mur ’l hemm, Karm, għax illum għandi ħafna x’nagħmel.” Kienet il-ġurnata tal-anniversarju tat-30 sena ta’ Dom Mintoff bħala Mexxej tal-MLP u għalhekk f’saħna Karm Grima aġixxa waħdu u reġa’ mar Kastilja u dawn ta’ Kastilja, li kienu diġà infurmati li kien ġej, lestew għalih.
Missieri spiċċa bi tliet balal f’ġismu u xebgħa f’rasu bil-ħadid tal-pistoli. Ħasbuh u xtaquh li miet imma Alla l-Imbierek ħallieh ħaj. Ta’ min jgħid li kuntrarju għal dak kollu li nkiteb fil-gazzetti, ċioè li Karm Grima mar biex joqtol lill-Prim, il-Prim Ministru Mintoff kien f’parti oħra ta’ Kastilja u f’laqgħa mal-Ambaxxatur tal-Korea ta’ Fuq u sar jaf bl-inċident xi tliet sigħat wara li ġara.
Kull min kien hemm jew ried jaf x’ġara seta’ faċilment jaqra l-inkjesta Filletti li tispeċifika li: “Karm Grima għandu jiġi akkużat bi tkissir u storbju f’Kastilja imma mhux ħati ta’ attentat ta’ qtil fuq il-Prim Ministru” u tkompli tgħid min spara u kif ġew sparati disa’ tiri li tlieta minnhom spiċċaw f’ġisem Karm Grima.
Nafu żgur li kellu fuqu l-kartiera b’xi flus u bir-ritratt tiegħu, ittra ta’ ferħ lil Dom Mintoff f’għeluq it-30 sena bħala Mexxej u ittra akkużatorja fuq Lorry Sant. Il-kartiera nsterqet u wara rajna dan ir-ritratt tiegħu fuq nett ta’ paġna tal-gazzetta In-Nazzjon Tagħna l-għada tal-każ.
Minn Kastilja xi ħadd ġera bih kollu dmija lejn l-isptar u dritt daħħluh fl-Operating Theatre fejn għamlulu xi 40 punt f’rasu u għalqulu l-feriti tat-tliet balal. Il-balal baqgħu f’ġismu għax ma kinux ta’ periklu għal ħajtu. U Karm Grima spiċċa fl-ITU ħdejn ħu l-Ministru Freddie Micallef li kien marid serjament.
Hekk kienet il-ġurnata tal-15 ta’ Ottubru 1979 u jien smajt l-aħbar fuq ir-radju u dlonk qalbi ħebritni x’kien ġara. Naf li missieri kien ammiratur kbir ta’ Dom Mintoff u kont naf li kellu jiltaqa’ miegħu f’Kastilja u kont widdibtu ħafna fuq Lorry Sant u l-marmalja tiegħu. Imma li mar biex joqtol lill-ħabib tiegħu ma’ niżżilthiex.
Għajb għall-President Anton Buttigieg li flok ikkalma l-qiegħa iktar saħħan l-irjus bl-istqarrija li għamel. Kien qal li sar attentat fuq ħajjet Dom Mintoff u f’ħajja t’Alla l-Imbierek ma weġġa’ ħadd għajr l-awtur tal-vjolenza.
Aħna l-aħwa Grima domna xi jiem fil-biża’. Infatti għal tlett ijiem sħaħ bqajna ġewwa nisimgħu magħluqin fi djarna u ma nitkellmux. Kien il-Ħamis tliet ġranet wara l-każ li sibt lil ħuti kollha wara biebi biex naraw x’se nagħmlu.
Freddie Micallef
Fi żmien hekk diffiċli trid issib persuna b’qalb tajba u li ma ddawwarx wiċċha meta tarak magħfus. L-uniku wieħed fil-qrib kien Freddie Micallef, l-eks-Ministru, u fid-dlam, fid-9.30pm ilkoll il-ħames aħwa Grima konna barra l-bieb tad-dar ta’ Micallef nistennewh ġej mill-Parlament.
Hekk kif niżel mill-karozza għaraf lili, qabadni minn spallti u ġibidni ġewwa daru waħdi mingħajr ma xegħel fis-salott, kważi mudlam u t-tnejn bil-wieqfa. Micallef beda eċċitat jgħid kif dawk il-ħnieżer ta’ madwar Lorry Sant ħarqu u kissru; kif fl-istqarrija li ħareġ l-MLP tal-Mosta benġilha ftit biex missierna ma jidhirx hekk ikrah u kif meta mar fl-ITU biex jara lil ħuh moribund daħlu ċorma tal-Fusellu jgħajtu: “Fejn hu l-Mosti?” u minflok laqqatha ħuh li tefgħuh mal-art; kif is-Sur Freddie iddefendih u beda jagħti bis-siġġu biex iżommhom; u kif għal xejn talab l-għajnuna ta’ Moran u l-Kummissarju Cachia li kienu hemm għax dawru wiċċhom u telqu. Freddie Micallef qalli li missieri qala’ l-pajpijiet tal-magni li kellu mwaħħlin miegħu u nħeba taħt xi mejda.
Patri Dionisju Mintoff
Ftehimna li l-aħjar triq għalina kienet li nfittxu medjatur dirett ma’ Dom Mintoff u li dan kien Patri Dionisju Mintoff, ħu l-Prim Ministru. Dik il-lejla stess bqajna sejrin Ħal Far, il-Kappella ta’ Patri Dionisju, li b’idejh miftuħa laqagħna.
Bqajna niltaqgħu miegħu kważi kull jum għal xi xahrejn. Mal-andament tal-komunikazzjoni ma’ Dom Mintoff aħna tlabna biex missierna ma joqtluhx għax kienu diġà saru erba’ attentati fuq ħajtu. Konna lesti li jieħu l-ħtija kollha hu basta jżommu fi sptar f’saħħtu u kuntent; li jsir ġuri ġust u ekwu kif jixraq f’demokrazija u ktibna ittra aħna wliedu fejn kellna ngħidu li missierna kien xi ftit għajjien u ġara dak li ġara. Wassalnihielu lil Dom Mintoff biex naraw jistax jaħfirlu; insomma, il-krib kollu li wieħed jista’ jaħseb biex ma joqtlux lil missierna. Dan kollu wassalnieh lil Dom Mintoff permezz ta’ Patri Dionisju.
Il-biża’ li joqtlu lil missierna ma kinitx tħallina moħħna kwiet. Kienu saru erba’ attentati fuq il-ħajja ta’ missierna: f’Kastilja meta ferut bi tliet tiri tawh xebgħa għall-mewt u kellhom isirulu 40 punt f’rasu; fl-Isptar San Luqa meta telgħu xi 200 ruħ mal-Fusellu u minflok wasslu għall-mewt lil ħu Freddie Micallef; fil-Ħabs ta’ Kordin fejn għadda ftit sigħat billi l-Ministru Joe Brincat sar jaf bi pjan li jinqala’ inċident fil-ħabs biex joqtluh u bagħtu fl-Isptar Monte Carmeli (b’dan kien qalilna Dr Guido de Marco); fl-Isptar Monte Carmeli b’50 pulizija għassa kontinwament miegħu lejl u nhar fejn tpoġġa f’Ward 10 darba minnhom kien ċemplilna l-Ispettur li kien għassa biex jgħidilna li kien hemm wieħed qed jgħid li hu ħu missierna li ried jarah għax kien ġie minn Għawdex. Dlonk weġibtu: “Fittixlu għal xi arma u staqsieh x’jismu.” Sabulu arma bħalma ħsibna u kien wieħed minn ta’ Lorry Sant.
Fl-aħħar tlabna lill-Perit Mintoff għal protezzjoni akbar u kien ħareġ stqarrija fuq ir-radju fejn qal li min ikollu x’jaqsam ma’ Karm Grima dan irid jiffaċċja lilu, ċioè lil Dom Mintoff personalment. U b’hekk waqfu l-attentati fuq missieri.
Danny Cremona
Darb’oħra l-Patri qalilna niktbu ittra fejn nitolbu lill-Prim jagħder lil missierna għax kien moħħu għajja xi ftit minħabba xi nkwiet li seta’ kellu. L-għada meta erġajna ltqajna Patri Dionisju deher eċċitat u tana l-ittra lura u qalilna:
“Qlajt daqqa ta’ ħarta mingħand Danny Cremona biex ma nindaħalx.” Dom Mintoff ma seta’ jagħmel xejn għax qallu: “Rajt issa ma’ min qed naħdem?” Il-każ kien ġara fil-villa ta’ Dom Mintoff.
Il-Fratell
Każ ieħor iktar stramb iżda veru kien dan. F’xi Novembru fis-7.00pm konna għand il-Patri u jien għidtlu biex jara jistax jirranġalna appuntament ma’ ħuh bil-moħbi fejn qisu b’rabja weġibni li ħuh ma jagħmel xejn bil-moħbi. U tlaqna lejn darna.
Però ftit wara ċemplulna mid-Depot tal-Pulizija u l-Ispettur Paul Attard qalilna li hemm iz-ziju Toni, li kien ġabu d-Deputat Buttigieg, magħruf bħala l-Fratell minn Għawdex, biex ilaqqgħu ma’ ħuh Karm Grima fl-isptar bil-moħbi u jgħidlu x’kien fiha l-ittra li mar jgħaddi lil Dom Mintoff fuq Lorry Sant. U jekk jikxef ilaqqgħu lil Dom Mintoff bil-moħbi.
Buttigieg x’ħin rana lkoll id-Depot beda jgħajjat mal-Ispettur Attard għax kien infurmana u heddu li jirrappuratah lill-Ministru tal-Intern Lorry Sant. Iz-ziju Toni qalilna li kienu ġabuh minn Għawdex fil-Patrol Boat tal-AFM. Bil-moħbi jien għidt lil ħuh: “Ejjew għal għand il-Patri.” X’ħin wasalna u semmejna dan kollu lill-Patri dak qabad u telaq għal għand ħuh il-Prim Ministru u ħalliena waħedna fil-kappella tant li kellna nagħlqu aħna meta tlaqna lejn id-dar.
Minn dakinhar lil hemm bdew jinbidlu ħafna affarijiet u bdejna nerfgħu ftit rasna. Il-Patri qalilna li hu ma kienx hemm u ma jafx x’ġara f’Kastilja; li missieri kellu dritt bħala ċittadin ikellem lill-Prim; li żgur ma kienx se jsir ġuri għax Mintoff ma riedx u biex nibdew infittxu avukat biex jgħinna għax hu kellu jaħsel idejh mill-każ.
Aħna l-aħwa ftehimna b’Dr Guido Demarco però missierna, li wara xi tliet xhur l-Avukat tar-Repubblika tana permess narawh, qalilna li ried ukoll lil Dr Paul Mallia. Għalhekk bdejna ninqdew bit-tnejn.
Dr Joe Brincat
Dakinhar stess li P. Dionisju telaqna ġie jħabbtilna Patri Samwel Chetcuti u staqsieni fuq l-andament tal-każ. Ried jgħidli xi ħaġa serja u jien xammejt li issa li ma qatluhx riedu jivvintaw xi ħaġ’oħra. Offra s-servizzi tiegħu flok Patri Dionisju li jien dritt aċċettajthom.
Wara xi jiem reġa’ ġie jkellimni u qalli li kien kellem li Dr Joe Brincat u dan qallu li l-każ kien jaħraq “issa li bżaqnieha li sar attentat ta’ qtil fuq Dom Mintoff.” Qallu wkoll li l-Kabinett tal-Labour ma kienx lest jitlef l-elezzjoni li kienet waslet u li tista’ tispiċċa bil-vjolenza.
Darb’oħra ġie u qalli li nhar it-Tlieta li ġej kienu se jtellgħu lil missierna perizja u jgħadduh b’miġnun. Kompla li l-Prof Pullicino, Kap tal-Isptar Monte Carmeli, kien ġie mhedded li jekk ma jagħmilx ċertifikat ta’ ġenn fuq missieri jtellfuh is-somma u l-full pension meta sena wara kellu jirtira biż-żmien.
Il-Profs Pullicino kien strajkja u għax daħal floku Abram Galea dan reġa’ daħal wara sitt xhur għax-xogħol. Dan kollu ġie kkonfermat minn Dr Paul Mallia meta miegħu morna nkellmu lill-Profs Pullicino fl-Isptar.
Niftakar Dr Mallia kien irrimarkali: ‘Il-Profs Pullicino qisu lasta ta’ xkupa friġida”. Iż-żewġ tobba l-oħra li ffirmaw iċ-ċertifikat ta’ ġenn kienu wieħed l-anestesista Nazzareno Azzopardi u l-ieħor tabib Ċekoslovakk li laħquh l-ajruport fi triqtu lejn Ruma u ġiegħluh jiffirma karta.
Dik il-lejla stess aħna lkoll konna quddiem Dr Guido Demarco bl-istorja tat-tliet tobba fażulli u dan dlonk irreaġixxa li ma jistax ikun. Għalhekk tlabnieh jiltaqa’ ma’ Patri Samwel Chetcuti u aċċetta li jiġi l-Ħadd wara l-quddiesa ta’ filgħaxija u fil-kunvent ta’ San Pawl il-Baħar.
Dakinhar hemm konna lkoll u stennejna xi siegħa iżda Dr Demarco ma ġiex. X’ħin Patri Samwel daħal ġewwa biex iċempillu ġie lura mbellah: qallu biex ma jindaħalx. Naħseb li Demarco diġà kien jaf kif il-frameup ta’ missieri kien qed jinħema.
Komplew għaddejjin il-ġranet u l-gazzetti komplew jitkellmu fuq li ġara; issa bdew anki jqajmu dubji fuq x’ġara tassew u komplew l-inkontri tagħna ma’ min ried jgħinna.
Dr Abram Galea
Niftakar li morna għand il-Profs Abram Galea biex naraw kif jaħsibha fuq missierna fil-klinika tiegħu l-Belt. Hekk kif jien tarraftlu li forsi missieri spiċċa minn moħħu dan qabeż minn fuq is-siġġu u mar mal-ħajt u ħaffer salib (trid kazzola tajn biex tagħlqu) bil-biro u biesu u ħalef li dmiru lejn Alla u lejn ebda Gvern. Għabbieni bir-responsabbiltà biex nibqa’ niġġieled sakemm joħorġuh mill-isptar għaliex missieri kien f’siktu u mhux ta’ sptar.
Kull ġurnata li kienet tgħaddi kienet issibna iktar magħqudin u b’saħħitna aħna l-aħwa. Jien kont il-kelliem tal-familja. Imma issa l-poplu ried il-ġuri u aħna kellna l-kelma ta’ Dom Mintoff li mhux se jsir. Għalhekk inħsadt meta ċempilli ħija fis-7am tas-6 ta’ Awissu 1980 fejn qalli li missierna se jkun il-Qorti f’Awla I quddiem il-Maġistrat Spiro Camilleri. Ħija kellu nurses li jinfurmawh. Ħrabt lejn il-Belt u l-Qorti u lejn Awla I.
Kif dħalt sibt lil oħti, missieri wieqaf jisma’, Dr Demarco u Dr Mallia — l-ewwel darba li rajthom flimkien – iserrħu mal-mejda tal-Maġistrat Inkwirenti Camilleri u l-Profs Psikjatra Pawlu Cassar fil-pedana tax-xhieda.
Dan bies is-salib u qal: “Jien għandi 66 sena. Dan każ serju u għandi nagħti kont ta’ għemili lil Alla.” Reġa’ radd is-salib u telaq ’il barra bla kliem u bla sliem. Dak il-ħin minn wara ġbidt l-attenzjoni ta’ Dr Demarco u għidtlu: “Għidlu fuq it-tliet ċertifikati foloz.” U hu weġibni: “Ejja għidlu int”. U jien ma ħsibthiex darbtejn.
Bqajt tiela’ sal-mejda tal-Maġistrat u fi ftit minuti għidtlu kollox fuq it-tliet tobba li kien irnexxielhom isibu b’rikatt biex jiddisponu mis-saħħa mentali ta’ missieri. Weġibni: “It’s too late, ibni.” Jien dlonk indunajt x’kien qed jiġi orkestrat mill-avukati tagħna stess. F’dak il-ħin intlift u fajjarthielu povru Maġistrat. Demarco u Mallia ħarbu. Pulizija ma kienx hemm u jien bla ma sellimt lil ħadd lanqas lil missieri tlaqt ’il barra.
Issa kont għaraft kif kienet inħadmet il-biċċa però kont għadni ma fhimtx kif kien se jsir il-frame-up. Wasal il-mument tal-ġuri, mingħalija quddiem l-Imħallef Agius. Dam ġimgħa għaddej. Minkejja x-xhieda tal-Psikjatra Schembri Wismayer l-Imħallef ta iżjed piż liċ-ċertifikat tal-Profs Pullicino.
Missierna ntefa’ għomru Monte Carmeli b’sentenza tal-Qorti. Minflok li għaddewh ġuri biex jaraw kienx ħati jew le li pprova joqtol lil Mintoff il-kwistjoni quddiem il-Qorti kienet biss kienx f’siktu jew miġnun.
Dan kien żmien meta jew int Laburist jew iqisuk Nazzjonalist u għax aħna fittixna t-triq tan-nofs lagħabna kulħadd u ħadd ma ta kas tagħna. Bdejt nibgħat ittri lill-gazzetti biex nirribatti l-għajta fuqna iżda kien kollu għalxejn. Sakemm darba ċemplilli editur ta’ gazzetta biex jgħidli biex ma niktibx iżjed għax kont iċċensurat sew.
Kompla jgħaddi ż-żmien sakemm waslet l-elezzjoni tal-1981. Bl-għajnuna ta’ ħabib irnexxieli nagħmel appuntament ma’ Dr Fenech Adami, Kap tal-Oppożizzjoni, u kien pront weġibni li jekk jitla’ fil-Gvern l-għada missieri joħroġ mill-Isptar Monte Carmeli għax ma kellhom xejn kontrih. In-Nazzjonalisti ma telgħux u missieri baqa’ l-isptar.