MediaToday

Il-Punt | 31 ta’ Jannar 2010 Nr 171

Bookmark and Share

Direttiva industrijali negattiva

Michael Camilleri

Is-sena 2009 spiċċat b’messaġġ mill-iżjed negattiv għall-ħaddiema fl-UE li qed jheddilhom ix-xewqat tajba li taw lil xulxin għas-sena l-ġdida 2010.
Fit-28 ta’ Diċembru daħlet fis-seħħ is-Services Directive tal-UE, li minbarra direttivi pożittivi rigward servizzi soċjali, qiegħda tiffaċilita l-isfruttament tal-ħaddiema u thedded l-istabbiltà tal-unions Ewropej.
Din il-parti industrijali tad-direttiva tipprovdi dritt li l-kumpanija barranija topera f’pajjiż tal-UE bla obbligu li tinnegozja ma’ unions lokali, u b’libertà li toffri l-kundizzjonijiet tax-xogħol li trid. Teknikament tista’ toqtol il-ftehim kollettiv u tkabbar id-diżugwaljanzi bejn il-ħaddiema, biex tkompli tifridhom u ddgħajjef il-unions.
Dawn il-kriterji qed jimbuttaw lill-ħaddiema ħafna snin lura u jitfgħu lill-unions fuq id-difiża biex jippruvaw isalvaw dak li rebħu flok ma jikkonċentraw fuq akkwisti ġodda. Is-serjetà ta’ din it-theddida nistgħu nieħdu ħjiel tagħha mill-fatti li naraw f’pajjiżna bl-isfruttament li qed isir fuq il-ħaddiema barranin li jservi biex inaqqas il-kundizzjonijiet tal-Maltin ukoll.
Din il-qagħda tredjunjonistika rigressiva u li tiffavorixxi bl-art u l-baħar lis-sidien hi frott il-politika tas-suq ħieles tal-Parlament Ewropew, dominat mil-Lemin. Ħsara li b’rieħet il-parti pożittiva dwar is-servizzi soċjali, sar kompromess biex anke s-Soċjalisti tal-PES ivvutaw mal-Lemin fuq din id-direttiva.
Wara dan il-kompromess tal-PES nara mottiv tattiku li mal-ewwel daqqa t’għajn jurta lil min jistenna progress aktar mgħaġġel għax qed jimbotta fil-bogħod id-dikjarazzjoni tiegħu ta’ “Ewropa Soċjali”.
Ma narah soċjali xejn dan il-mod li bih l-UE qed tissagrifika lill-ħaddiem għall-gwadann bla limitu tas-sid. Il-prezz ta’ dan il-kompromess politiku hu għoli fis-sens li jxellef il-għaqda tant meħtieġa fi ħdan il-grupp Xellugi.
Jista’ wkoll ikompli jiskoraġixxi lill-ħaddiema milli jkomplu javvanzaw f’dan l-istil politiku, f’din l-UE marbuta mal-Lemin u influwenzata daqstant minnu. Dan juri kemm hi għolja l-barrikata li għandu x’jaqbeż il-ħaddiem biex jissokta l-mixja lejn il-progress.
Ħafna huma fiduċjużi li fil-futur mhux wisq qrib din l-istrateġija tal-PES tirbaħ it-taqtigħa iebsa kontra dik ix-xaqliba fonda Leminija fl-UE. Però sadattant il-ħaddiema ma jistgħux jibqgħu jitilfu d-drittijiet mirbuħa.
Għalhekk kien f’waqtu li l-kompromess ġie bilanċjat mill-bqija tax-Xellug Ewropew li vvutaw kontra din il-parti tad-direttiva għax jaqblu mal-pożizzjoni li ħadet l-għaqda tal-Unions Ewropej (ETUC), li bħalhom u magħhom għadha tikkritika u qed tipprova tmewwet l-effetti ta’ dawk il-kundizzjonijiet rigressivi.
Waqt li mhux fuq quddiem fl-aġenda tal-maġġoranza fil-Parlament Ewropew u sakemm tinbidel il-viżjoni politika popolari, il-ħaddiem għandu l-għaqda tiegħu, l-ETUC, li flimkien mal-grupp tal-MEPs tax-Xellug ħalfu li jħarsuh mis-swaba’ tal-qarnita multinazzjonali li tidher li qed taħkem lill-UE.
L-għafsa ta’ dik il-ħakma nnaqqsuha billi nosservaw żewġ doveri urġenti. Lokalment nimxu fuq is-sens ta’ dmir tal-unions Maltin li jistinkaw għalenija fil-MEUSEC biex l-iżvantaġġi msemmija jingħelbu bl-osservanza ta’ direttivi oħra pożittivi għall-ħaddiema.
Fuq bażi Ewropea trid tkun is-solidarjetà tal-ħaddiema fil-unions nazzjonali magħqudin fl-ETUC biex in-nies tax-xogħol jirkbu l-mewġ f’din il-maltempata intensifikata tal-kriżi ekonomika.

Michael Camilleri
hu membru tal-Għaqda Żminijietna

 

 



Vista fis-Sinagoga



President għal kulħadd



Il-qasba u l-pixkerija


Il-Punt - Micahel Camilleri
Direttiva industrijali negattiva

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan