Editorjal | 31 ta’ Jannar 2010 Nr 171
Meta nstab fi studju tal-UE li l-Maltin huma fost l-iżjed Ewropej kuntenti ħafna minna baqgħu mbellhin. Il-Maltin dejjem jilmentaw u jeqirdu. Kien hemm barranin li kkritikawna li neqirdu żżejjed; li skantaw kemm immaqdru lil pajjiżna.
Il-qrid hu parti mill-kultura tagħna u mhux għax ma nħobbux lil pajjiżna iżda għaliex irriduh aħjar milli hu. Jista’ jkun li rriduh ikun aqwa milli qatt jista’ jkun. Aħna żgħar u dejjem inqabblu lilna nfusna ma’ pajjiżi ġirien ħafna akbar minna, pajjiżi fl-ogħla livell ta’ żvilupp fid-dinja. Ma nistgħux ma nsibux nuqqasijiet.
Stagħġibna mhux ftit meta sirna nafu li Malta kienet ġiet fil-11-il post fi studju ieħor li sar din id-darba mill-Università ta’ Yale u ċ-Ċentru Ewropew tar-Riċerka. L-istudju kien jittratta dwar il-livell ta’ ħarsien ambjentali.
Qabilna hemm pajjiżi bħall-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Iżvezja. Warajna preċiż ġiet il-Finlandja u ’l bogħod minna l-Istati Uniti. X’ma nistagħġbux? Għamlu xi żball oħxon jew id-dinja tant marret il-baħar li hemm 152 pajjiż minn 163 agħar minna?
Il-mod kif sar l-istudju, l-fatturi li tkejlu u dawk li ma tkejlux iffavurewna. Malta ġiet isbaħ milli hi għal ħafna raġunijiet, l-aktar minħabba d-daqs tagħna. Aħna pajjiż stramb u ma noqogħdux sew fl-istatistika.
Wieħed mill fatturi mkejla kien l-aċċess għall-ilma. Meta l-akbar tul fuq l-art ma jaqbiżx l-24 kilometru mhix ħaġa kbira li għandna sistema ta’ distribuzzjoni tal-ilma li tasal kullimkien u oħra ta’ drenaġġ kważi daqsha.
Ftit jista’ jkun hemm pajjiżi li jistgħu jiftaħru bl-istess mod. Min-naħa l-oħra ftit hawn pajjiżi fid-dinja li joħolqu l-ilma tax-xorb mill-ilma baħar bħalna. Daqs 57% tal-ilma li nixorbu jiġi mill-impjanti ta’ Reverse Osmosis. Bis-saħħa ta’ hekk nistgħu nitqiesu li għandna kwalità ta’ ilma tajba.
Iżda l-biċċa l-kbira sew tal-pajjiżi jiddependu għal kollox mill-għejjun naturali: xita, xmajjar, l-ilma tal-pjan. Kieku kellna nagħmlu bħalhom u noqogħdu biss fuq l-ilma tal-pjan insibu li ma jserviniex u li l-kwalità mhix tajba għax-xorb. Konna naqgħu lura fil-klassifika bl-ikrah.
L-istess jista’ jingħad għall-livell tat-tniġġis billi jkollna nġibu minn barra l-biċċa l-kbira tal-prodotti li nikkunsmaw, it-tniġġis li jinħoloq biex jinħadmu jtella’ l-kont ambjentali band’oħra u aħna nidhru isbaħ milli aħna.
Imma nieħdu pjaċir li deherna sbieħ. Ingergru kemm ingergru nafu li Malta għandha ħafna vantaġġi naturali: ibda mill-klima, il-baħar ta’ madwarna u l-varjetà ta’ ambjenti fil-kampanja tagħna li jgiddbu ċ-ċokon ta’ darna. Aħna u nilmentaw mit-traffiku dejjem jiżdied nafu li imkien mhu bogħod. Neqirdu kemm neqirdu nafu li xortina tajba li twelidna hawn.
Fl-istess ħin jaqblilna nagħrfu li aktarx qarraqna bih jew hu tqarraq waħdu. Għad baqagħlna nterrqu sakemm naslu u l-krib u l-qrid se jkompli u bir-raġun.
***
Tal-linja ġiethom tajba u ħaddieħor qed jgħir għalihom. Il-kumpens li qed jaħseb li jagħtihom il-Gvern biex joħdilhom il-liċenzji ilaħħaq il-€52 miljun. F’sena meta l-ekonomija se tieħu daqqa ta’ ħarta minħabba l-effett tal-kriżi globali u minħabba ż-żieda fl-ispejjeż tal-enerġija, deher kapriċc kbir wisq li jingħata kumpens bħal dan. Min hu sid ta’ ħanut u qatt ma jmissu li jieħu xi għajnuna qed jara lil min investa f’karozza tal-linja jingħata palata li qatt ma tingħata lin-negozji ż-żgħar.
Il-kejl stess li uża l-Gvern, il-prezz ta’ liċenzja fuq is-suq, iddarras ukoll. Il-Gvern qed jagħraf in-negozju bi prezzijiet sproporzjonati tal-liċenzji li joħroġ hu u li tagħhom idaħħal erba’ soldi. Jitilgħu għal dawn l-ammonti biss għaliex il-Gvern iżomm in-numru ta’ liċenzji limitat.
Qed iħallas kumpens għaliex ċeda s-setgħa tal-Gvern li jamministra l-liċenzji: li jżid fin-numru tagħhom, li jirrifjuta li jġeddidhom jew li jgħolli l-ħlas meta jogħġbu. Ħadd ma jrid li l-Gvern ikun kapriċċuż u jhedded l-impjieg jew in-negozju ta’ xi ħadd iżda lanqas ma jixraq li l-Gvern jitmiegħek mal-art u jinsa li hu l-Gvern.
Meta jkun imiss li jlaqqatha xi ħadd għaliex ikun hemm bżonn li l-Gvern jimxi bl-iebes se jitfakkar dan il-każ u terġa’ tinħass l-inġustizzja.
Kien hemm min qabbel dan il-kumpens mal-maħfra tad-dejn tat-Tarzna. Dakinhar il-propaganda kienet li l-intrapriżi tal-Gvern qatt ma jaħdmu sew. Din kienet parti mill-litanija li titkanta qabel ma tiġi pprivatizzata xi waħda minnhom Bla mistħija, bħallikieku l-Gvern kien qed jgħidilna li kien ibigħ il-fidda tal-familja b’xejn bl-iskuża li hu inkompetenti. Din id-darba qed tiġi privatizzata intrapriża magħmula minn ħafna intrapriżi żgħar magħqudin flimkien f’monopolju li jiddependi mis-sussidju tal-Gvern biex jinħoloq monopolju privat li jiddependi minn sussidju tal-Gvern.
Aktarx li jkollna vetturi ġodda u jlellxu. Kemm se tiġi taħdem aħjar is-sistema u kemm se niffrankaw, għad irridu naraw.