MediaToday

Carmelo Mifsud Bonnici | 31 ta’ Jannar 2010 Nr 171

Bookmark and Share

Vista fis-Sinagoga

1. Ftit jiem ilu sibtni fil-belt Spanjola ta’ Toledo għal-laqgħa tal-Ministri tal-Ġustizzja u l-Intern Ewropej li kellha l-punti interessanti tagħha. Waqt li kont hemm ġie ripetut lilna diversi drabi minn kelliema varji li f’perjodu partikolari kien hemm ko-eżistenza mill-iktar paċifika bejn il-Lhud, il-Musulmani u l-Insara.
Din ma kinitx l-ewwel darba li żort din il-belt u niftakarni nara l-influwenzi kbar f’dan ir-reġjun.
2. Niftakarni sentejn ilu nidħol fis-sinagoga Lhudija hemmhekk li llum hi miftuħa għall-pubbliku bħala mużew. L-intern hu kompletament differenti minn dak li għandhom u li wieħed soltu jsib f’pajjiżi oħra Ewropej. Hemm fiha l-preżenza ta’ biċċiet li, mingħajr ma trid, ifakkruk fl-arkitettura Għarbija u Kristjana.
Il-fatt li kienu qed jgħixu f’daqqa f’dak iż-żmien wassal biex jieħdu minn ta’ xulxin. F’din is-sinagoga ssib ukoll għall-wiri oġġetti li jiħduk lura fiż-żmien, kemm f’dak li huma dokumenti, però l-iktar lejn dikjarazzjoni ċara li kien hemm ko-eżistenza paċifika li kienet qed tgħaqqad u mhux tifred.
3. Il-fatt li sibtni lura nerġa’ nara l-katidral u t-toroq bil-lejl ġabli f’moħħi dak li għadu kif sar f’Ruma ftit ġimgħat ilu meta l-Papa Benedittu XVI mar fis-sinagoga u ntlaqa’ minn diversi persuni. Kien diġà mument solenni fih innifsu meta wieħed iżomm quddiem għajnejh li l-ewwel laqgħa ta’ dan il-livell seħħet 24 sena ilu.
F’dak iż-żmien il-Papa Ġwanni Pawlu II, milqugħ mill-Kap tal-Lhud Toaff, kien iddikjara li kien qiegħed jiltaqa’ ma’ “ħutu l-kbar”. Dak il-pass kien wieħed interessanti u barra min-normal proprju għax qata’ warajh prattika żbaljata li nibtet għal tant ġenerazzjonijiet atti ta’ intolleranza u mibegħda mill-Insara lejn il-Lhud.
4. Ġwanni Pawlu II, bil-karattru tiegħu, kisser ħafna tradizzjonijiet u ġab rapport ta’ djalogu u dibattitu ħaj bejn iż-żewġ naħat. Dan għamel ħafna ġid, aktar u aktar fl-isfond tal-feriti miftuħa tas-Shoah. L-omiċidju ta’ tant Lhud fil-kampijiet ta’ konċentrament, it-teħid ta’ tant minnhom fis-16 ta’ Ottubru 1943 minn Ruma waqt li l-Italja kienet marret diġà mal-Alleati però t-Tedeski kienu għadhom jikkontrollaw, ilkoll ikkargaw l-atmosfera. Id-domanda li saret għal perjodu twil, il-ġebla li tagħlaq kull djalogu, kienet proprju x’ħidma kienet qed issir mhux tant mid-diversi kattoliċi u monasteri fil-protezzjoni tal-Lhud mid-deportazzjoni imma minn ħidmet Piju XII li dak iż-żmien kien Papa.
5. Fil-laqgħa li attenda għaliha nhar il-Ħadd 17 ta’ Jannar il-Papa Ratzinger l-arja kienet mimlija tensjoni. Ħafna persuni li kellhom il-familjari tagħhom maqtula ġew minn kullimkien, ibda minn Iżrael u kompli mill-Istati Uniti preparati għal dak li kellu jingħad. Magħhom l-ogħla awtoritajiet tal-Istat Taljan u l-Imam Musulman f’Ruma.
Jidher li l-laqgħa kienet ilha ffissata, biss ħadet xejra iktar qawwija, għax il-Papa attwali ħabbar ftit ilu li Ġwanni Pawlu II u Piju XII kienu qabdu sew it-triq biex jiġu dikjarati qaddisin.
Fid-dinja Lhudija din l-aħbar qajmet ċertu ferment li dan il-Papa (li huma jħossu li żamm ’il bogħod milli jitkellem pubblikament kontra d-deportazzjoni u li deher li kien indifferenti u baqa’ fis-silenzju) kellu jiġi tant onorat.
6. Benedittu XVI m’għandux il-kariżma, il-kalamita qawwija bħall-bnedmin li kellu ta’ qablu, imma għandu t-talenti tiegħu. Fosthom hemm evidenti l-bżonn li jidħol aktar fil-fond u jispjega f’diskussjoni li ma tkunx nieqsa mill-intelliġenza u l-akkademija. Għalkemm setgħet tieħu l-arja tant ikkargata, fir-realtà Benedittu rnexxielu mhux biss jirbaħ il-qlub ta’ dawk preżenti imma anke jirreġistra pass ieħor ’il quddiem f’dan ir-rapport importanti għad-dinja. Kien hemm mumenti li ħadd ma seta’ jipprevedi, sewwa sew l-effett tad-diskors li kien se jingħad.
7. Il-Papa sab ruħu konfrontat b’emozzjonijiet qawwija quddiem id-diskors ta’ Riccardo Pacifici li qraba tiegħu nqatlu f’Auschwitz. Il-kommemorazzjoni ta’ dak il-mument ġabet l-effett li diversi kkommwovew irwieħhom. Xorta waħda diskors Ratzinger għamel referenza għal dawk li kienu indifferenti. Għalkemm ma semma lil ħadd, dawk preżenti fehmu li qed jirreferi għal Piju XII.
8. Il-pożizzjoni tal-Papa Tedesk għalhekk hi ferm iktar unika u interessanti. M’hemmx dubju li se jgħin biex din il-ferita, li ilha miftuħa dawn l-aħħar 66 sena, tingħalaq darba għal dejjem. Aktar u aktar għall-fatt li l-pass biex Piju XII jiġi dikjarat qaddis se jitlob spjegazzjoni differenti proprju lil dawk li huma Lhud. Ma naħsibx li hemm ħadd iktar propizju minnu. Hu għandu jkompli u jista’ jissoda dan id-djalogu u jneħħi min-nofs barrieri u ostakli bejn l-aħwa. L-inkomprensjoni, il-preġudizzji, il-ħsibijiet żbaljati hemm bżonn li jkomplu jiġu eliminati. Ċert li Benedittu XVI se jmexxi passi oħra fit-triq it-tajba li qabad ta’ qablu.

 



Vista fis-Sinagoga



President għal kulħadd



Il-qasba u l-pixkerija


Il-Punt - Micahel Camilleri
Direttiva industrijali negattiva

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan