MediaToday

Intervista | 24 ta’ Jannar 2010 Nr 170

Bookmark and Share

L-ikbar kisba: li jgħix maż-żgħażagħ

Is-Salesjan Dun Savio Vella jirrakkonta dwar Haiti u ż-żgħażagħ żvantaġġati

Dun Savio Vella hu wiċċ li mhux l-ewwel darba rajna fuq it-televixin. Hu Salesjan li għamel żmien jaħdem fid-dar ta’ St Patrick’s f’Tas-Sliema. F’dawn l-aħħar ħames snin sar Delegat tal-Arċisqof għaż-Żgħażagħ u mexxa d-dar Osana Pia f’Tas-Sliema wkoll.
Iżda bħala Salesjan bħalissa għandu weġgħa kbira minħabba ż-żewġ terremoti li laqtu lil Haiti li ħallew eluf mejta u eluf oħra bla djar. Jirrakkonta kif qed jesperjenzaw it-terremoti bħalissa s-Salesjani.
“Il-kongregazzjoni hemmhekk kellha numru ta’ djar u skejjel li ġġarrfu. Minbarra li tlifna tliet Salesjani – tnejn minnhom kienu żgħar – tlifna iktar minn 500 tfal. Bilfors tħossha. Bħala Salesjani qegħdin inkunu aġġornati spiss. Qed nirċievu l-informazzjoni minn Ruma, miċ-ċentru tagħna, li bħalissa qed iżomm kuntatt mas-Salesjani li fadal Haiti.
“Qed taffettwana negattivament għax meta juru filmati ta’ atti b’disperazzjoni dawn juru ż-żgħażagħ. Hemmhekk il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni hi taħt il-35 sena. Din ma tistax ma taffettwax lil kull Salesjan.
“Għalissa t-talbiet li qed ikollna minn Ruma huma ta’ għajnuna finanzjarja u dalwaqt se jitolbuna nagħtu l-għajnuna fiżika permezz tal-voluntiera. Bħalissa qed inħallu lir-Rettur Maġġur jikkonċentra fuq Haiti. Il-kongregazzjoni madwar id-dinja kollha qed tiffoka fuq Haiti.”
Dwar humiex inkwetati li t-tfal iltiema żdiedu bl-eluf f’dan il-pajjiż Vella wieġeb li fil-fatt fejn qabel ma kellhomx djar li jraqqdu t-tfal issa x-xogħol tagħhom se jinbidel u jiffoka fuq il-ħtiġijiet soċjali.
“Jekk il-maġġoranza tad-djar tagħna kienu skejjel issa jridu jieħdu ħsieb dawn it-tfal u jfejqu l-feriti u jerġgħu jagħmluhom disposti għall-edukazzjoni. Issa qed nippruvaw inqajmu l-missjoni fuq saqajha.”
Dwar jixtieqx li jkun hemm is-saċerdot qal li qatt ma kellu x-xewqa li jmur f’dawn it-tip ta’ postijiet.
“Kultant jiġu mumenti. Iżda wieħed irid iżomm f’moħħu li din il-missjoni titlob persuni li jafu x’inhuma jagħmlu. Hi naturali li tħoss li trid tgħin imma trid tuża l-prudenza u l-intelliġenza. Għalhekk nara x’nista’ nagħmel minn hawn u bl-istess mod inħeġġeġ lil kull min hu mgħammed biex jara kif jista’ jirrispondi għal din it-traġedja.”
X’jaħseb minn dan il-ħsieb: fejn hu Alla biex ħalla żewġ terremoti jseħħu f’wieħed mill-ifqar pajjiżi fid-dinja f’temp ta’ ftit jiem? Ma damx wisq biex wieġeb u qal li m’għandu l-ebda dubju li dawn il-ħsibijiet ifeġġu f’min iħoss għan-nies li jġarrbu t-traġedja.
“Iżda rridu nippruvaw nagħtu tweġiba skont l-esperjenza li Kristu għadda minnha. Irridu nikkoreġu l-mentalità li Alla jippermetti dawn l-affarijiet jew li jridhom jiġru. Anzi qed isofri magħna.
“It-terremoti huma kawża naturali. Alla iżjed jidher fil-ġid u l-għajnuna li nagħmlu ma’ dawn in-nies milli fid-distruzzjoni li hemm,” spjega s-saċerdot.
Nitħaddtu dwar Osana Pia. Id-dar tilqa’ fiha ġuvintur minn 18-il sena ’l fuq li jeħtieġu appoġġ f’ċertu żmien ta’ ħajjithom. Permezz tad-dar isirilhom aktar ġid milli kieku jippruvaw ifendu għal rashom.
St Patrick’s iżommu subien sa 16-il sena. Bejn is-16-il sena u t-18, Vella jammetti li hemm problema kbira fejn jistgħu jinżammu.
“St Patrick’s nippruvaw kemm jista’ jkun li t-tfal jerġgħu jingħaqdu lura mal-familja. Ta’ 16 normalment imorru lura għax ikun sar xogħol magħhom u ma’ familthom. Iżda hemm ċerti każi li aħjar ma jmorrux lura.
“Il-każi taħt it-18 nikkunsidraw neħduhom f’Osana Pia iżda skont ir-riżorsi. Jien qiegħed waħdi hawn. Ma jistax ikolli tmienja minn 14-il żagħżugħ li rrid nieħu ħsiebhom jien. Dejjem jiddependi mill-individwi. Suppost id-dar tieħu 10. Imma bħalissa niflaħ nieħu erbgħa oħra għax iż-żgħażagħ jgħinu lil xulxin.”
Is-Salesjan jaħdem mill-qrib ukoll mal-Aġenzija għall-Ħarsien ta’ Persuni li Jfittxu l-Ażil (AWAS). L-Aġenzija tgħaddilu ġuvintur bejn is-17 u 18-il sena li jkunu qed ifittxu l-ażil biex ma jħalluhomx fiċ-ċentri ta’ detenzjoni. Fid-dar ma jdumux ħafna biex jiġu megħjuna kemm jista’ jkun żgħażagħ.
Mistoqsi x’tip ta’ ġuvintur tilqa’ d-dar, Vella qal: “Il-kriterju tagħna ma jkunux il-ġenituri iżda żgħażagħ li ma jkunux jistgħu jgħixu sew fl-ambjent familjari. Uħud minnhom ikollhom imġiba diffiċli u oħrajn ma jkollhomx trobbija adegwata jew ikunu ġejjin minn familji bi problemi.
“Jien qatt ma nittimbrahom iżda bl-għajnuna li nagħtuhom ikunu jistgħu jgħixu f’aktar trankwillità. Hemm oħrajn li jkunu bla dar. Iżda jridu jgħinu lilhom innfushom. Biex jiġu hawn irid ikollhom xogħol u jekk le ngħinu biex insibulhom.
“Imma x-xogħol iridu jżommuh. Ġieli kellna każi fejn il-ġuvni baqa’ ma mexiex u għidtlu li postu ma kienx hawn u kellu jsolvi l-problemi tiegħu. Ma jistgħux jaħsbu li s-soċjetà tafhom l-għajxien.”
Iż-żgħażagħ fid-dar jgħixu kważi b’mod indipendenti. Id-dar kulma toffrilhom hu kok fost il-ġimgħa. Il-bqija jridu jagħmlu kollox huma, inkluż it-tisjir fi tmiem l-ġimgħa. Min-naħa tagħhom, il-ġuvintur li jaħdmu iridu jagħtu kontribut ta’ €200.
Proġett li qed jaħdmu fuqu bħalissa hu li jibda jkollhom mezzanini b’kamra tas-sodda waħda x’jikru lil dawn iż-żgħażagħ.
“Nixtiequ li jkun hemm persuni li jkunu lesti jagħtuna l-bini b’kirja raġonevoli biex imbagħad aħna nerġgħu nikruhom liż-żgħażagħ ħalli jsiru aktar indipendenti. Tgħidli: l-Knisja għandha tant proprjetà, ma tistax tagħtiha lil min hu fil-bżonn?
“Iżda ħafna minnha ma tistax tintuża għal hekk u ma rridux li naħdmu fuq dan il-prinċipju. Imma fuq li ngħinek billi nagħtik esperjenza mhux inħallik dipendenti minni.”
Osana Pia kull sena tapplika għal fondi mill-Ministeru tal-Politka Soċjali. Iżda mhux dejjem hemm garanzija li teħodhom. Bħala fondi oħra tiddependi mill-kontribuzzjonijiet li jagħtu r-residenti, is-salarju tas-saċerdot u hemm grupp ta’ ħbieb li jorganizzaw attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi.
Nistaqsih jekk il-ġenerożità tan-nies naqsitx.
Jgħidli: “Insibu lilna nfusna nikkompetu ma’ entitajiet kbar li jorganizzaw attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi fuq livelli nazzjonali. Dawn lilna jtellfuna meta niġu biex niġbru. Minbarra li l-każi taż-żgħażagħ ma jmissux il-qalb u aħna nagħmlu minn kollox biex lilhom ma nesponuhomx.
“Meta bdejna nagħtu spazju lil żgħażagħ ta’ kulur differenti d-donazzjonijiet naqsu bin-nofs. Meta ddiskutejt il-problema mas-superjuri tiegħi qaluli biex nieħu d-doppju ta’ dawn iż-żgħażagħ. Qaluli: ‘Mexxi. Alla jipprovdi.’
“Nista’ ngħid li qatt ma konna neqsin minn xejn u sibna nies ġenerużi. Wieħed mill-ikbar benefatturi li għandi bħala ħabib u voluntier kien resident f’St Patrick’s.”
Xi jqis każ ta’ suċċess għad-dar?
“Kellna diversi minnhom. Meta żagħżugħ jaċċetta s-sitwazzjoni u d-diffikultajiet ta’ ħajtu jsib lilu nnifsu. B’hekk ikun jista’ jibda jippjana ħajtu u ma jiddependix minn ħaddieħor.
Il-biċċa l-kbira tal-każi hekk huma.
“Id-daqqa ta’ ħarta hi li jkunu lesti li jmorru għal rashom iżda ma jlaħħqux mal-ispejjeż. Imbagħad hemm il-kapaċità li jibnu relazzjoni b’saħħitha ma’ tfajla li biha jkunu jistgħu jibnu familja fil-futur.
“Dawn iż-żgħażagħ jibdew il-ħajja bi żvantaġġ kbir. Jiġu hawn ta’ fuqhom senduqhom u bla familja. Hawnhekk noffrulhom li jkunu daqs żgħażagħ oħrajn. Mhux li nagħmlulhom kollox jew insolvulhom il-problemi kollha iżda għallinqas nagħtuhom ċans li jibnu ħajjithom,” tenna Vella.
Fl-2000 kien inkiteb rapport minn bosta persuni li kienu jaħdmu mat-tfal. Minnu suppost tfasslet il-Liġi tat-Tfal iżda s’issa għadha fantażma. Vella kien wieħed mill-persuni li ta kontribut fir-rapport. Staqsejtu kif iħares lejn dik ir-realtà issa. Minkejja li m’għadux jaħdem fl-istess qasam jgħid li sar progress speċjalment fejn jidħol fostering.
“Iżda l-Liġi tal-Familja għadna qed nistennewha. L-akbar diffikultà hi li t-tfal ma jkunux rappreżentati fil-Qorti, speċjalment fil-każi ta’ separazzjoni. Għalkemm ikun hemm ħafna djalogu bejn il-Maġistrati u t-tfal, xorta nħoss li mhux il-mod kif għandhom jimxu dawn l-affarijiet.
“Fil-fatt ħafna mill-każi li għandna hawn huma hekk u jgħidulek li servew ta’ pedini għall-ġenituri. Iħossu li ma kellhomx avukat li setgħu jafdawh biex jieħu ħsieb id-drittijiet tagħhom.
“Bl-istess mod dawn iż-żgħażagħ iħossu li s-social workers aktar jaraw id-drittijiet tal-ġenituri tagħhom. Jien naf li din il-perċezzjoni hi ħażina għax naf kemm is-social workers huma dedikati u għandhom iktar xogħol fuq idejhom milli jifilħu. Imma jekk it-tfal qed iħossu hekk ifisser li l-affarijiet mhumiex qegħdin sew.”
Semma kemm Carmen Zammit, il-Kummissarju tat-Tfal, tinsab imħassba dwar dan kollu. Minħabba li ġejja mill-qasam tas-social work iktar u iktar taf kemm hi meħtieġa li tgħaddi din il-liġi.
“Ħafna drabi, aħna li naħdmu mat-tfal, inħossuna li ma nistgħu nagħmlu xejn. Din l-esperjenza qarsa ma tinħassx biss fl-adoloxxenza imma anki wara. L-ewwel opportunità li jkollhom hi li jitilqu mid-dar. Dawk li jiġu hawn jew jiġu riferuti huma l-iffortunati.
Bħala d-Delegat tal-Arċisqof għaż-Żgħażagħ, nistaqsih x’qed tagħmel il-Knisja biex tiġbed iż-żgħażagħ lejha.
“Fl-ewwel laqgħa li għamilna maż-żgħażagħ biex nippjanaw il-miġja tal-Papa, iż-żewġ xewqat li xtaqu jwasslu kienu: li l-Knisja tisma’ u tfittex li ma tħalli ’l ħadd barra. Huma żewġ elementi li numru kbir ta’ żgħażagħ iħossuhom iżda li s-soċjetà mhix taċċetta minħabba l-ħafna preġudizzji kontra l-Knisja.
“Xi ftit ta’ verità hemm. Kultant kif inġibu ruħna nwarrbu ċerti żgħażagħ u flok nisimgħu nippriedkaw u rridu li ħaddieħor jobdi.
“F’dawn il-ħames snin naf li l-verità mhix dik u l-Knisja qed toffri ħafna opportunità liż-żgħażagħ biex isemmgħu leħinhom.”
Isemmi kif Pawl Cremona, matul dawn it-tliet snin li ilu Arċisqof, iltaqa’ ma’ żgħażagħ li għandhom problema ta’ fidi. Ħafna drabi l-kappillani jkunu jafu bihom u jagħmlu stedina permezz tal-KDŻ.
“Niltaqgħu f’ambjent formali fejn nieklu xi ħaġa u fih iż-żgħażagħ jiftħu qalbhom daqslikieku qed jitkellmu ma’ kwalunkwe qassis li jixtiqilhom il-ġid.
“Nara t-tjubija tal-Arċisqof li jisma’. Meta ma jkollux soluzzjoni għall-problemi tagħhom jgħidilhom imma jurihom li jsofri magħhom, jifhimhom u mhux jikkundannahom.”
Dwar iħossx li hawn aktar żgħażagħ li m’għadhomx komdi fil-Knisja Kattolika, is-Salesjan wieġeb li “hawn diffikultajiet kbar biex iż-żgħażagħ jidentifikaw mal-Knisja bil-perċezzjoni żbaljata li għandhom tagħha. Hu każ li naċċettaw dan il-fatt bħala Knisja u naħdmu biex noqorbu lejhom.
“Huma jridu jiffurmaw il-Knisja, il-komunità. Huma jridu jwasslu l-messaġġ tal-Vanġelu. Huma jridu joffru esperjenza pożittiva lil sħabhom. Mhux qed ngħid jaħarbu mill-problema tas-soċjetà imma jiskopru lil Kristu u li HU jagħtihom esperjenza sabiħa tal-ħajja li tgħin liż-żgħażagħ isibu l-kuntentizza.”
Itemm: “Din mhix priedka imma konvinzjoni.”

 



L-Uffiċċju ta’ Appoġġ Ewropew fil-Qasam tal-Ażil



L-anniversarju qares ta’ Obama



Din il-ħajja ordinarja


Il-Punt - Pierre Cassar
Il-protezzjoni tat-tfal fix-xandir

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan