MediaToday

Il-Punt | 24 ta’ Jannar 2010 Nr 170

Bookmark and Share

Il-protezzjoni tat-tfal fix-xandir

Pierre Cassar

Fil-bidu ta’ dan ix-xahar l-Awtorità tax-Xandir ikkommunikat id-deċizjoni tagħha dwar erba’ edizzjonijiet tal-programm Singled Out li jixxandar fuq One TV. L-istazzjon instab ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u ġie mmultat €2,329.
Min mhux midħla tal-Att Dwar ix-Xandir li jirregola x-xandir f’pajjiżna malajr jista’ jasal għall-konklużjoni żbaljata li l-Awtorità timponi multa jew multi kemm jidhrilha hi. Fil-verità l-multi li timponi l-Awtorità tax-Xandir huma elenkati fil-Ħames Skeda tal-Liġi u dawn ivarjaw skont l-akkuża.
F’dawn l-aħħar snin, l-Awtorità tax-Xandir tat importanza kbira lit-tfal u kif dawn għandhom jiġu ttrattati fuq il-mezzi tax-xandir fil-programmi diversi. L-għan aħħari tal-Awtorità dejjem kien li kemm jista’ jkun tipproteġi lill-minuri minn sitwazzjonijiet fejn il-parteċipazzjoni tagħhom mhux bilfors tkun ta’ benefiċċju għalihom.
L-Awtorità ma tħarisx biss lejn l-interessi tat-telespetattur li jsegwi x-xandir lokali iżda tħares ukoll il-persuni li jkunu qed jipparteċipaw fil-programmi u dan isir skont il-Ħtiġiet tax-Xandir.
Kemm fil-Kodiċi tax-Xandir dwar il-Protezzjoni tal-Minuri li daħal fis-seħħ f’Settembru tal-2000 kif ukoll il-Ħtiġiet dwar Standards u Prattika dwar is-Sehem ta’ Nies bla Ħarsien Xieraq fil-Mezzi tax-Xandir li daħlu fis-seħħ f’Awwissu 2007, insibu miżuri li jelenkaw kif ix-xandara għandhom jittrattaw il-parteċipazzjoni tat-tfal minħabba li dawn jitqiesu bħala persuni vulnerabbli u dan skont Artikli 2.2 tal-istess Ħtiġiet.
L-Awtorità tax-Xandir proprju mxiet fuq dan il-qafas leġiżlattiv meta kkunsidrat l-akkuża li nħarġet kontra l-programm Singled Out, li fih persuna (waħda mill-parteċipanti) trid tidentifika min hu single minn panel ta’ persuni tas-sess oppost. F’numru ta’ programmi saħansitra kien hemm parteċipanti li għażlu li jgħidu kelma b’oħra quddiem uliedhom ta’ età żgħira biex b’hekk ifixklu l-kontestant u jagħtuh x’jifhem li huma l-persuni single biex b’hekk jintagħżlu huma u jirbħu l-logħba.
Dan ġara fi programm partikulari fejn omm ta’ tifel ċkejken għamlet tabirruħha li ma kinitx ommu imma kienet qed tieħu ħsiebu biss bħala parti minn xogħolha. Kien hemm każi oħra fejn il-producers tal-programm m’urewx sensittività billi ħallew it-tfal jidhru fil-filmat filwaqt li ġew żvelati ċirkostanzi familjari u problemi fir-relazzjoni tal-familja b’ħafna dettalji żejda fil-preżenza tal-istess tfal.
F’każi bħal dawn it-tfal li jidhru f’dawn il-programmi mhux talli ma jkunu qed jieħdu ebda benefiċċju iżda jkunu qed jiġu esposti wkoll b’mod u manjiera li ma tirrispettax il-privatezza tagħhom u dan b’riskju għalihom meta jmorru l-iskola jew f’postijiet oħra fejn faċilment jistgħu jintagħrfu u allura jkunu esposti għall-kummenti min-nies.
Każ ieħor fi programm li nstab ħati kien jikkonsisti f’omm tagħmel tabirruħha li hi single mother u tirreferi għal xi żvantaġġi ta’ single parenting minħabba li t-tfal iservu ta’ xkiel biex issib relazzjoni ġdida. Dan kollu ngħad quddiem tifel ċkejken.
Mill-programm ħareġ li ma kienx minnu li l-omm kienet single mother u allura nħolqot xena fittizja quddiem binha li seta’ ma ġiex espost fid-deher waqt din l-istorja.
Il-Liġi titkellem b’mod ċar dwar il-preżenza tat-tfal f’programmi bħal dawn permezz tal-klawsoli 4.1.2 u 4.1.5 fost oħrajn:
“Dawk li jtellgħu l-programm iridu jkunu żguri li għalkemm it-tfal jinħarġilhom il-permess biex jieħdu sehem fil-programm, dan isir fl-aħjar interessi tagħhom.”
“…Dawk li jtellgħu l-programm iridu joqogħdu attenti l-aktar li t-tfal ħafna iżgħar mill-oħrajn isibuha diffiċli biex jagħżlu bejn ir-realtà u l-fantasija kif ukoll mhux dejjem ikollhom il-ħila jagħrfu l-għajdut u s-seksik mill-verità.”
Saħansitra l-Liġi tikkontempla l-bżonn li jsir eżerċizzju ta’ screening mill-Aġenzija Appoġġ u rapport bil-miktub dwar jekk tfal għaddejjin minn problemi partikolari (sew familjari jew inkella ta’ saħħa) għandhomx jitħallew jipparteċipaw fi programm jew le.
Aktar minn hekk il-Liġi titlob, skont l-Artiklu 3.1.1 tal-Ħtiġiet dwar Standards u Prattika dwar is-Sehem ta’ Nies Bla Ħarsien Xieraq fil-Mezzi tax-Xandir, li l-ġenituri kellhom ikunu jafu bl-effetti li jista’ jkollha l-parteċipazzjoni fil-programm televiżiv fuq il-ħajja tat-tfal. Dan għax jista’ jkun hemm każi fejn għalkemm il-ġenituri jista’ jkun li taw il-kunsens li t-tfal jidhru, hu diffiċli biex jaraw li t-tfal jibbenefikaw minn xi ħaġa wara l-parteċipazzjoni tagħhom f’parti mill-programm. Hu minnu wkoll li l-parteċipanti setgħu jirbħu diversi rigali. Madanakollu l-Liġi tesiġi li dan m’għandux isir b’tali mod li tinkiser il-privatezza tat-tfal.
Dan kollu jixhed l-impenn tal-Awtorità tax-Xandir biex tħares tfal u anki nies vulnerabbli oħra minn sitwazzjonijiet fejn il-parteċipazzjoni tagħhom fi programm fuq il-mezzi tax-xandir tkun ta’ detriment aktar milli ta’ ġid għalihom.
Għalhekk wieħed irid jifhem li f’dawn il-każi l-Awtorità tax-Xandir ma ħaditx passi għax it-tfal sempliċiment qed jidhru fuq it-televiżjoni iżda għaliex bid-dehra u l-parteċipazzjoni tagħhom it-tfal ma kienu se jieħdu l-ebda benefiċċju, anzi seta’ ġara bil-maqlub.
Ħafna drabi f’każi fittizji
jew le li xxandru fil-programm, it-tfal kienu żgħar wisq biex jifhmu l-konsegwenzi li seta’ jkollhom minħabba li ġew esposti fuq it-televiżjoni.
Kien proprju għal dawn ir-raġunijiet li l-Awtorità tax-Xandir ipproċediet kontra dawn l-edizzjonijiet tal-programm Singled Out.

Pierre Cassar hu
l-Kap Eżekuttiv
tal-Awtorità tax-Xandir

 

 



L-Uffiċċju ta’ Appoġġ Ewropew fil-Qasam tal-Ażil



L-anniversarju qares ta’ Obama



Din il-ħajja ordinarja


Il-Punt - Pierre Cassar
Il-protezzjoni tat-tfal fix-xandir

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan