MediaToday

Joe Ellis | 24 ta’ Jannar 2010 Nr 170

Bookmark and Share

L-anniversarju qares ta’ Obama

Barack Obama għalaq sena president. Sar president wara waħda mill-aktar presidenzi diżastrużi fl-Istorja tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-istennija ta’ kulħadd, fl-Amerika u fil-bqija tad-dinja, kienet għolja.
L-opinjoni pubblika fl-Amerika hi anqas tolleranti. Għalhekk Obama m’għadux igawdi l-popolarità li kien igawdi fil-bidu tal-presidenza tiegħu. Illum nofs il-poplu Amerikan biss japprovah.
L-ewwel nett ma tridx tinsa l-mument storiku li l-Presidenza Obama tirrappreżenta. Ħafna Amerikani qatt ma immaġinaw li xi darba bniedem iswed jilħaq president tal-Istati Uniti. Dan hu att ta’ emanċipazzjoni li aħna qajla napprezzaw, att li ma jiċċekkinx bil-fatt li Obama mhux dixxendent tal-iskjavi Afrikani imma wild poligamu Kenjan li abbanduna lil ommu meta kien għadu żgħir.
Minkejja li Obama ma twilidx f’ambjent privileġġat irnexxielu jiggradwa minn Harvard. Il-mument determinanti fil-karriera tiegħu kien id-diskors brillanti li għamel fil-Konvenzjoni Demokratika qabel l-elezzjoni presidenzjali tal-2004. Mil-lum għal għada sar materjal presidenzjali.
Sentejn wara laħaq senatur tal-Illinois u dlonk wara beda l-kampanja biex jilħaq l-ewwel president iswed tal-Amerika u kontra l-istennija ta’ ħafna rnexxielu jegħleb lil Hillary Clinton. Assuma l-presidenza meta l-Amerika u l-bqija tad-dinja kienu qed jiffaċċaw kriżi ekonomika li ma kinitx tagħmel għajb lill-kriżi tas-snin 30.
L-amministrazzjoni ta’ Bush kienet bdiet il-programm TARP biex il-Gvern jixtri l-assi tossiċi tal-istituzzjonijiet finanzjarji, programm ta’ xi $850 biljun, intiż biex jevita l-kollass totali tas-sistema finanzjarja fl-Amerika bil-konsegwenzi inevitabbli fuq il-bqija tad-dinja.
L-amministrazzjoni Obama kompliet dan il-programm u ċertament, il-fatt li bħala Segretarju tat-Teżor inħatar Timothy Geithner għen ħafna. Geithner kien il-President tal-Federal Reserve Bank ta’ New York u kien protagonista tal-avvenimenti li taw lok għall-falliment ta’ Lehman Brothers, is-salvataġġ tal-aħħar minuta tas-soċjetà assiguratriċi A.I.G. u t-twelid tal-programm TARP li salva ħafna istituzzjonijiet oħra.
Obama fehem il-ħtieġa ta’ kontinwità bejn amministrazzjoni u oħra. Għalhekk bħala segretarju tad-difiża ħatar lil Robert Gates, l-aħħar Segretarju tal-Amministrazzjoni Bush.
Bis-sitwazzjoni fl-Iraq altru milli paċifika u bil-gwerra fl-Afganistan tikber bla kontroll, l-aħħar ħaġa li ried Obama kien li jiġi akkużat li kien dgħajjef fil-qasam militari kif ir-Repubblikani jħobbu jpinġu lid-Demokratiċi.
Sfortunatament il-politika Amerikana saret estremament partiġġana u Obama ma sabhiex faċli li jibni kunsens politiku ma’ Oppożizzjoni Repubblikana li ma kinitx interessata li jintlaħaq dan il-kunsens. Dan deher l-aktar fid-dibattitu dwar ir-riforma tas-servizz tas-saħħa fl-Amerika.
L-Amerika hu l-aktar pajjiż f’saħħtu fid-dinja, bl-akbar ekonomija, imma b’miljuni ta’ ċittadini li m’għandhomx assigurazzjoni tas-saħħa. Fl-Amerika ġeneralment din jipprovdiha min iħaddem u min ma jaħdimx jispiċċa mingħajrha. Jekk persuna jkollha bżonn kura medika, min hu assigurat irid joqgħod għad-diktat arbitrarju tas-soċjetajiet assiguratriċi; min ikun bla assigurazzjoni medika jispiċċa jħallas flejjes enormi minn butu bir-riżultat li mhux l-ewwel darba li jispiċċa fallut jew ma jkunx f’pożizzjoni li jieħu l-kura.
Fl-elezzjonijiet primarji Obama kellu programm dwar l-assigurazzjoni tas-saħħa anqas radikali minn ta’ Hillary Clinton. Imma biex irnexxielu jgħaddi abbozz ta’ liġi mill-Kamra tad-Deputati u mis-Senat kellu jaċċetta ħafna kompromessi.
Fost l-oħrajn il-verżjoni tas-Senat teskludi l-hekk imsejħa għażla pubblika li permezz tagħha l-Gvern Federali kien se jipprovdi l-assigurazzjoni hu. Din il-proposta nqatlet fis-Senat għalkemm permezz ta’ kompromess tipikament Amerikan l-età ta’ min hu eliġibbli għall-assigurazzjoni medika federali li diġà teżisti, Medicaid kellha titniżżel minn 65 għal 55 sena.
Wieħed kien jistenna li Obama jiġi mfaħħar talli rnexxielu jwettaq dak li bosta qablu ppruvaw bla suċċess u jgħaddi leġiżlazzjoni li tassigura kura medika lil kulħadd. Kulħadd jiftakar kif l-isforzi ta’ Bill Clinton inkaljaw fl-ewwel sena tal-presidenza tiegħu. Minflok kien l-oġġett ta’ kampanja mill-aktar ħorox ta’ attakki personali minħabba l-proposti tiegħu.
F’bosta laqgħat li saru fis-sajf ir-Repubblikani akkużawh li se jwaqqaf kummissjonijiet biex jiddeċiedu min jieħu kura medika jew le u li l-proposti tiegħu kienu Soċjalisti. Affarijiet tal-imġienen imma veri. Kampanja msaħħa mill-propaganda konservattiva ta’ Fox News u mill-flus kbar tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni u mediċi, li hu kkalkulat li nefqu $425 miljun fl-ewwel disa’ xhur tal-2009 biex jinfluwenzaw il-proċess leġiżlattiv.
Din il-ġimgħa Obama ċċelebra l-ewwel anniversarju bl-aktar mod qares meta l-partit tiegħu tilef l-elezzjoni biex jinħatar is-suċċessur tas-Senatur Ted Kennedy. Dan ir-riżultat qed jipperikola l-proposti ta’ Obama dwar il-kura medika peress li issa l-liġijiet mgħoddija miż-żewġ Kmamar tal-Kungress iridu jiġu rikonċiljati. Ironija storika kbira kellha tkun il-mewt tal-aktar senatur li kien favur kura medika għal kulħadd.
Riżultat li d-Demokratiċi jibżgħu li se jirrepeti ruħu fl-elezzjonijiet ta’ Novembru li ġej li jistgħu jtellfu l-maġġoranza li għandhom fil-Kamra tad-Deputati u jnaqqsuha fis-Senat.
B’hekk m’għandhiex ċans tgħaddi l-liġi biex tikkontrolla l-gassijiet li jsaħħnu d-dinja.
F’sena Obama beda jagħlaq Guantanamo; ipprojbixxa l-metodi ta’ tortura li kienu qed jiġu pprattikati taħt Bush; estenda id ta’ ħbiberija lid-dinja Iżlamika, lil Iran u lir-Russja; biddel il-pożizzjoni tal-Amerika dwar il-bidla tal-klima, bagħat aktar truppi fl-Afganistan u għen lil General Motors u Chrysler biex ma jfallux. Ċertament wettaq ħafna imma għadu ma bediex ir-riforma tal-proċess politiku fl-Amerika kif wiegħed.
Il-poplu Amerikan hu mdejjaq, li waqt li qed jispiċċa bla dar jew bla xogħol, il-banek ta’ Wall Street qed jerġgħu jagħmlu biljuni kbar ta’ qligħ wara li kien il-poplu li salvahom bis-self li tahom ftit xhur ilu.
Mhux ta’ b’xejn li ftit wara t-telfa f’Massachusetts, Obama pprova jirkeb il-mewġa popolari u ħabbar proposti biex il-banek ma jibqgħux jieħdu r-riskji kbar li kienu wasluhom fix-xifer tal-falliment.
Obama ma kellux sena ħażina minkejja kollox u qed jaġixxi bħala statista b’esperjenza ferm aktar milli fil-fatt għandu. Irnexxielu jissupera sfidi kbar u l-Amerika bdiet tgawdi rispett ġdid li kienet tilfet.
Se jkollu bżonn dan u aktar fil-ġejjieni, biss biss biex jikkontrolla d-dejn nazzjonali li mistenni jilħaq $12 trilljun fl-2015.

 



L-Uffiċċju ta’ Appoġġ Ewropew fil-Qasam tal-Ażil



L-anniversarju qares ta’ Obama



Din il-ħajja ordinarja


Il-Punt - Pierre Cassar
Il-protezzjoni tat-tfal fix-xandir

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan