Intervista | 17 ta’ Jannar 2010 Nr 169
Irtira mis-servizz wara karriera ta’ 43 sena
Karl Stagno-navarra
Peter Cordina hu bniedem li ma jeħtieġ l-ebda introduzzjoni partikolari għaliex in-natura tax-xogħol tiegħu, imżewqa mal-karattru li għandu, għamlitu personalità. Mhux bniedem li tkabbar, anzi, f’kull pass li għamel tul ħajtu wasslu biex sar aktar viċin in-nies.
Issa li rtira mill-kariga ta’ Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili hekk kif għalaq il-61 sena ltqajt ma’ Cordina fl-uffiċċju li kellu fil-Marsa, bl-iskop li noħroġ l-istorja tiegħu bħala pulizija, suldat, Direttur tal-Ħabs u kap tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
B’kollox Cordina jkun għamel 43 sena servizz bl-uniformi u dan jagħmlu l-aktar uffiċjal anzjan fil-Korp tal-Pulizija.
“Għoddni bħala bniedem li dejjem fittixt li nkun ta’ servizz għall-pajjiż u għan-nies,” isostni Cordina, hekk kif beda jispjega l-karriera twila tiegħu fis-servizz.
“Sirt kuntistabbli fl-1967 u nħtart Surġent fl-1970 u servejt l-aktar fir-Rabat fejn irbatt qalbi mal-lokal u man-nies. Dejjem kont pulizija li wżajt it-triq bħala l-aħjar skola ta’ taħriġ u formazzjoni,” sostna, u żied li x-xogħol wara skrivanija f’uffiċċju jew f’Għassa qatt ma kienu jgħoddu għalih.
“Dejjem sostnejt li l-beat għall-Pulizija kienet l-aħjar arma li tiżgura s-sigurtà u s-serħan tal-moħħ għan-nies li jafu li madwar id-djar tagħom għaddejjin ir-rondi.
“Jien dejjem użajt it-tattika li nistudja n-nies u jekk naqbadhom f’reat, u skont in-natura tal-każ, nagħmel ġudizzju xieraq tas-sitwazzjoni u jekk ikun meħtieġ ma nkunx irrazzjonali u nagħżel li nwissi li darb’oħra jeħel tal-ħaġa l-oħra li nkun qbadtu fiha.”
Hu din is-sens ta’ għaqal fil-ġudizzju tiegħu li għamlet lil Cordina l-persuna rispettata li hi. Meta jgħaddi mit-toroq in-nies issellimlu, l-anzjani jerfgħu il-brieret u t-tfal jagħrfuh u jxejrulu.
Direttur tal-Ħabs
Fi ħdan Cordina hemm ukoll element qawwi ta’ umanità u din ħarġet sew fiż-żmien li għamel bħala Direttur tal-Ħabs ta’ Kordin.
“Sentejn bħala Direttur tal-Ħabs kompliet għallmitni nifhem aħjar in-nies u l-problemi tagħhom,” sostna.
F’għajnejn ħafna l-ħabs hu post fejn l-awtoritajiet għandhom jaqflu f’ċella lill-kriminali u jarmu ċ-ċavetta, iżda fil-verità fil-ħabs hemm bnedmin li jeħtieġu jkunu rispettati bħala talin.
“F’ħajjithom ikunu żbaljaw u fil-ħabs qed jiskontaw piena biex iħallsu ta’ għemilhom, iżda ma jfissirx li dawn m’għandhomx drittijiet jew dinjità.
“Fil-ħabs wieħed jispiċċa milli jkun il-persuna barra mill-kanċelli ta’ Kordin. Hemmhekk tkun maqful bejn erba’ ħitan għal ħin twil u l-ħin donnu ma jgħaddi qatt. L-uniku żvog hu li forsi wieħed jilgħab il-futbol, izda l-agħar hu bħalissa fix-xitwa meta jidlam kmieni u l-bitħa tingħalaq u għall-ħabta tas-6 ta’ filgħaxija jkollok il-priġunieri kollha miġbura fid-diviżjonijiet tagħhom. Hemmhekk ikollok it-tensjoni minħabba t-taħlit u l-possibbiltà ta’ konfoffi.
“Għaldaqstant kont nieħu l-opportunità li nsejjaħ priġunieri u nqatta’ ftit ħin nitkellem magħhom fl-uffiċċju tiegħi u hemmhekk kont niskopri l-istorja tagħhom u l-parti umana tagħhom.
“Fil-ħabs fhimt in-nisġa ta’ fatti li jwasslu bniedem biex jiżbalja mas-soċjetà u sibt ukoll li l-għerq tal-problemi huma l-aktar it-tkissir tal-familji, il-kumpanija ħażina u l-abbandun tat-tfal.”
Peter Cordina jinsisti li l-ħabs kien u għadu post ta’ riforma, tant li matul is-snin żdiedu bil-bosta l-programmi riabilitattivi għall-priġunieri.
“Hemm ħafna programmi li n-nies lanqas jafu dwarhom u qed jagħtu r-riżultati, għajr għal dawk li huma kriminali ta’ karriera u ma jafux ħajja aħjar.”
Żwieġ u familja
Meta titkellem ma’ Cordina tagħraf is-sinċerità fi kliemu u tħossok komdu li qed titkellem ma’ bniedem li ma jistħix jammetti anki d-dgħufija tiegħu.
Cordina jammetti li t-telfa ta’ martu mill-marda qerrieda tal-kanċer kienet piż enormi sentimali u psikoloġiku. Madankollu għaraf li ma kellux jinstabat u jintefa’ fil-ġenb.
“Naf li tgħallimt mill-esperjenza ta’ raġel armel u minkejja li kont muġugħ u ħassejtni xi ftit jew wisq tellief, għaraft niġbor lili nnifsi mid-diqa u nħares ’il quddiem b’aktar fiduċja tant li fl-2000 iżżewwiġt mill-gdid lil Matilde Balzan.
“Il-karattru sod ta’ Matilde għeni nkun aktar kuraġguż fil-mod ta’ kif naffronta l-ħajja, anki għall-fatt li hi kienet armla wkoll.
“Bdejna ħajja ġdida flimkien u l-lum qed nagħtu din l-esperjenza tagħna bħala eżempju għall-ħaddieħor. It-tnejn għandna żewġt itfal miż-żwiġijiet preċedenti tagħna u lkoll għaqqadna familja soda u kuntenta mibnija fuq ir-rispett u l-kollaborazzjoni.”
Hu dan is-sigriet ta’ Cordina għaliex il-mod ta’ kif jirraġuna u jżomm il-familja tiegħu Peter iħaddimha man-nies li jaqgħu taħtu fix-xogħol.
Is-sabiħ u l-ikrah
Il-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandhom stima u rispett qawwi lejn Cordina, tant li qed isibha diffiċli li jiddistakka minn magħhom issa li qed jirtira u jagħti l-konsenja tar-responsabbiltà lil Patrick Murgo.
Fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Cordina bena familja u din tinħass anki mill-mod ta’ kif iħarsu lejh il-ħaddiema.
Nistaqsih x’kienet l-aktar esperjenza kerha li nzerta kemm ilu fit-tmexxija tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u minnufih ifakkar fl-inċident traġiku li kien seħħ fit-triq ta’ bejn Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi u li fih kienu mietu ħames żgħażagħ.
“Ma nista ninsa qatt ix-xena li tkexkex ta’ dak l-inċident fejn mingħajr ma nidħol fil-mertu tal-każ li segwa fil-Qorti rajt traġedja kbira ta’ ħajjiet ta’ żgħażagħ fil-fjur tagħhom minxurin mejta mal-art.”
Cordina jsostni li dik ix-xena tibqa’ ħajja f’moħhu kważi ta’ kuljum u diffiċli jinsiha.
Min-naħa l-oħra, l-aktar sodisfazzjon li għandu kien ir-rispons qawwi ta’ solidarjetà li rċieva d-Dipartment tal-Protezzjoni Ċivili biex tintbagħat l-għajnuna umanitarja lejn il-vittmi tat-tsunami li kien laqat lill-Asja fl-2004.
“Nibqa’ mbellah meta niftakar li mill-ħames kontejners affarijiet li konna qed nimmiraw li niġbru mingħand il-poplu spiċcajna biex bgħatna madwar 140 kontejner li għall-proporzjon ta’ pajjiżna jirriżulta li konna l-aktar li bgħatna għajnuna umanitarja lejn l-imsejknin vittmi ta’ dak il-katostrofu enormi.”
Iżda d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għamlet lil Cordina personalità għaliex matul dawn l-10 snin kemm ilha li twaqqfet dan id-Dipartiment ħaddem kampanji kontinwi ta’ informazzjoni, filwaqt li kien dejjem preżenti f’kull ma nqala’ fil-pajjiż.
Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili hu mgħammar mhux biss għall-iskop li jirrispondi mill-ewwel għal każi ta’ emerġenza ta’ rutina bħal inċidenti, għarar, nirien jew tiġrif.
Dan id-Dipartiment hu armat ukoll għall-eventwalità ta’ katasrofi naturali u l-fatt li Malta hi msieħba fl-Unjoni Ewropea jpoġgi lil Malta fi ħdan qafas ta’ ftehim mad-Dipartimenti kollha tal-Protezzjoni Ċivili fi ħdan l-Unjoni li tiggarantixxi għajnuna immedjata lil Malta f’każ li l-Maltin ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal-kalamità li tkun inqalgħet.
Fl-amministrazzjoni ta’ kuljum tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Peter Cordina u n-nies tiegħu ltaqgħu ma’ ħafna ġrajjiet, iżda jisħaq fuq il-fatt li l-parti l-kbira tal-inċidenti li jinqalgħu jistgħu jkunu evitati bi ftit sens komun.
Apparti n-nirien fl-imsaġar matul is-sajf li jitqabbdu l-aktar apposta minn nies irresponsabbli li ma jagħrfux l-implikazzjoni tal-fatt għaċ-ċokon ta’ Malta ma nistgħux nippermettu li nitilfu mill-imsaġar tagħna, hemm l-inċidenti domestiċi jew tat-traffiku li faċilment jistgħu jkunu evitati bl-għaqal tan-nies.
L-għaqal l-ewwel
“Ma nistgħux nistrieħu fuq l-iskuża li nieħdu riskju bla bżonn għaliex nafu li hemm il-Protezzjoni Ċivili li tieħu ħsieb.
“Jekk taf li potenzjalment se tqabbad nar jekk tagħmel il-heater viċin is-sodda, jew li jekk qed issuq traskurat se titkisser jew tkisser lil ħaddieħor, trid tassumi r-responsabbiltà tiegħek u tkun responsabbli li tevita l-possibbiltà li jiġrilek il-ħsara kemm f’saħħtek jew fil-proprjetà tiegħek u ta’ ħaddieħor,” sostna.
Hu ta’ għajb li tisma’ mingħand Cordina kif matul is-sena li għadha kemm intemmet id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ħareġ fuq xejn anqas minn 200 sejħa falza.
“L-użu tan-numru ta’ emerġenza 112 twassal biex kull telefonata tkun imwieġba minnufih u aħna ma noqogħdux naħlu l-ħin li nivverifikaw. Noħorġu immedjatament fi spazju ta’ sekondi u meta naslu fuq post u ma nsibu xejn għaliex xi ħadd għoġbu li jkun irresponsabbli, jkun seta’ sewa l-ħajja ta’ ħaddieħor minn fuq sejħa oħra ġenwina.”
Minbarra l-ispejjeż żejda li jidħol fihom id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili meta joħroġ fuq sejħa falza, hemm il-fatt li wieħed qed iwettaq reat kriminali li jqajjem emerġenza falza.
Peter Cordina hu fiduċjuż li l-parti l-kbira tal-Maltin huma nies responsabbli u jirreċiproka l-fiduċja tagħhom lejn id-Dipartiment u jsellem lil dawk kollha li dejjem żammewh bi stima fil-karigi kollha li okkupa tul il-karriera twila tiegħu fis-servizz.
Qabel ma ntemmu l-intervista, Peter Cordina jispjega li anki jekk se jirtira se jibqa’ attiv fil-volontarjat, fejn flimkien ma’ martu Matilde se jkun qed jikkontribwixxi lejn dawk l-għaqdiet u organizzazzjonijiet li jeħtieġu l-esperjenza tiegħu u l-kuntatti li rnexxielu jibni kemm f’Malta kif ukoll madwar id-dinja.