MediaToday

Il-Punt | 17 ta’ Jannar 2010 Nr 169

Bookmark and Share

Ir-Realtà u l-illużjoni

Karl Schembri

Meta l-Pulizija ta’ pajjiżna tasal ittella’ editur żagħżugħ fil-Qorti Kriminali biex jiffaċċa sentenza ta’ ħabs fuq akkuża ta’ kitba oxxena, ftit minn sħabna fl-Ewropa jaslu jemmnu li dan qed isir f’pajjiż membru li jpoġġi maġenbhom fi Brussell.
Ir-reazzjoni tagħhom forsi tista’ tinġabar fil-kliem tal-preżentatur tal-BBC Radio 5 li qajjem il-każ waqt programm il-ġimgħa l-oħra meta qal li filwaqt li f’pajjiżi oħra kitba bħal din tgħaddi bla ma ħadd jitniffes, “Malta hi kemmxejn differenti”.
Għalija u għal kull min ħares lejn l-Ewropa bħala opportunità ta’ ftuħ kulturali u libertajiet ċivili, hi deskrizzjoni li tweġġa’. Malta fl-2010 hi differenti għal raġunijiet totalment żbaljati.
Mark Camilleri, l-editur ta’ 21 sena tal-gazzetta studenteska Ir-Realtà, se jispiċċa l-Qorti wara li r-Rettur tal-Università ta’ Malta, Prof. Juanito Camilleri, ordna li tiġi ssekwestrata l-gazzetta u rrappurtah lill-Pulizija. Il-kappillan tal-istess Università ammetta li hu wkoll ġibed l-attenzjoni tal-amministrazzjoni.
It-trinità mhux tant qaddisa f’din l-istorja magħmula mill-Pulizija, il-Kappillan u r-Rettur mhix koinċidenza. Tagħti stampa perfetta tar-relazzjoni bejn il-liġijiet imfassla mill-politiċi tagħna, l-istatus privileġġat tal-Knisja Kattolika u l-burokrati tal-poter appuntati mill-Gvern innifsu.
Hi relazzjoni li tiddetermina b’mod dirett il-libertajiet tagħna, sal-punt li għadna sal-lum nipposponu d-dħul tad-divorzju, u sal-punt li fl-2010 għadna bir-reġim medjevali ta’ ċensura fil-kitba u fl-arti.
Tant hu aċċettat dan ir-reġim li għal snin sħaħ ħallejna lil xi ħadd jiddeċidilna x’għandna naqraw, naraw u nisimgħu – mill-Karnival tan-Nadur sat-Teatru Manoel u t-tempju tal-għerf f’Tal-Qroqq. Il-Karnival innifsu llum hu totalment sanitizzat u ‘korrett’, verżjoni Maltija ta’ Disneyland.
Il-każ ta’ Camilleri għandu jservi biex iqajjimna minn din il-letarġija. L-editur qed jiġi akkużat b’pubblikazzjoni ta’ materjal oxxen, iżda xejn mhu iżjed oxxen u xokkanti milli jkollok editur li jista’ jispiċċa l-ħabs fuq novella. Tant hi assurda s-sitwazzjoni li fl-aħħar anki dawk l-artisti maqtugħin fis-sħab astratt tagħhom – jibżgħu mill-babaw ma jmorrux ‘jiċċappsu mal-politika’ u jitilfu xi ħbieb – bdew jirrealizzaw li ċ-ċensura toqtol lihom ukoll. L-Oppożizzjoni, wara snin immexxija minn awtur u drammaturgu ewlieni li spiċċa jiddefendi ċ-ċensura politika u reliġjuża fil-Karnival, fl-aħħar iċċaqalqet ukoll.
L-akkuża fil-konfront ta’ Camilleri hi li l-kitba li ppubblika hi offensiva, imma l-offensività mhix raġuni għal ċensura, wisq u wisq inqas għal sentenza ta’ ħabs.
Jien inħossni offiż bid-diskorsi patronizzanti tal-Isqfijiet, imma nkun l-ewwel wieħed li niddefendi d-dritt għall-espressjoni tagħhom kieku xi ħadd jipprova jagħlqilhom ħalqhom.
Anki jekk ma narax għajn m’għajn mad-duttrina tagħhom, irrid inkun liberu li nismagħhom daqskemm jien liberu li nweġibhom, bl-argumenti, bis-satira u b’kull mod ieħor ta’ espressjoni. Hekk titlob demokrazija moderna li tiggarantixxi d-dritt tal-espressjoni.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-merti tal-kitba in kwistjoni huma irrelevanti għal din il-kawża. L-ebda kitba u xogħol ieħor m’għandu jiġi ċċensurat mill-Istat – dan qalitulna delegazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa fl-2001 meta investigat il-politika kulturali ta’ Malta u sabet li hawnhekk għad għandna reġim statali taċ-ċensura. Disa’ snin wara, il-Ministeru tal-Kultura għadu qed jitkellem fuq tiġdid tal-politika kulturali, meta l-istess rakkomandazzjonijiet ta’ din id-delegazzjoni kienu addottati fid-dokument tal-politika nazzjonali kulturali fl-2002 taħt il-Ministru Louis Galea. M’hemmx bżonn ta’ iżjed diskussjoni u ‘tiġdid’, il-Ministru Dolores Cristina llum jonqosha timplementa l-ovvju – l-abolizzjoni taċ-ċensura.
L-apoloġisti taċ-ċensura dejjem jibdewlek l-argument: “Jien naqbel mal-libertà tal-espressjoni imma ...” – dik l-“imma” inevitabbli li bħal trid tiskuża kontradizzjoni serja fl-argument. L-ebda argument ma jintrebaħ billi jinqatel il-messaġġier. Huma d-dittaturi li jirbħu.
Il-kitba tal-awtur Alex Vella Gera hi disturbanti għal ħafna, bla mertu għal ħafna oħrajn u xokkanti għal uħud li qatt ma qraw xejn. Għalija hi rappreżentazzjoni perfetta tal-“ħanżir Malti” bil-lingwaġġ indiġenu tiegħu. L-unika ħaġa li nsib xokkanti fiha hi l-preċiżjoni tal-lingwaġġ li hu tant “ġenwin” għal dan il-karattru Malti deprivat.
Il-kritiċi letterarji għandhom kitba oħra x’janalizzaw, imma b’ċensur jiddeċiedi għalina x’naqraw jew le, din l-opportunità tinsterqilna, vuċi oħra tinqatel. L-ironija hi li kitba simili b’lingwi oħra jinstabu f’kull librerija u ħanut tal-kotba f’Malta – li tkompli tikkonferma l-ipokrizija kollha wara dan il-każ.
Anke jekk Mark Camilleri se jidher quddiem il-Qorti Kriminali, dan hu każ politiku. Anki jekk Camilleri se jispiċċa fl-istess awla fejn jittellgħu dawk akkużati bi qtil u serq, ir-raġuni għax se jispiċċa hemm hi purament politika. L-ebda argument legalistiku ma jista’ jiġġustifika din l-oxxenità.
It-tama hi li, grazzi għal Mark Camilleri, Ir-Realtà fl-aħħar toħroġna mill-illużjonijiet medjokri li żammewna nemmnu li fejn jidħlu libertajiet ċivili “Malta hija kemmxejn differenti”.

Karl Schembri hu ġurnalist ibbażat f’Gaża u l-awtur tar-rumanzi ‘Taħt il-Kappa tax-Xemx’ u ‘Il-Manifest tal-Killer’, li kien iċċensurat mir-Radju tal-Università

 

 



Viġilanza akbar



Saħħa f’saħħitha



Hemm għadhom!


Il-Punt - Karl Schembri
Ir-Realtà u l-illużjoni

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan