MediaToday

Carmelo Mifsud Bonnici | 17 ta’ Jannar 2010 Nr 169

Bookmark and Share

Viġilanza akbar

1. Ftit tas-snin ilu l-liġijiet tagħna għaddew minn tibdila verament importanti. Ir-riforma li daħħalna fis-seħħ ġabet protezzjoni aqwa għal persuni li jispiċċaw vittmi ta’ vjolenza domestika. Għalkemm nistgħu naħsbu li l-artikli legali jitkellmu dwar persuni li huma miżżewġa u jgħixu f’dar waħda, dan mhux minnu. Il-kategoriji li llum il-Kodiċi Kriminali jħares jinkludu kważi lil kull min b’xi mod jabbuża mill-kunfidenza li l-familjarità tar-relazzjonijiet interpersonali jagħtu. Għalhekk membri fid-demm, bħal zijiet, neputijiet, aħwa u wlied, huma parti mill-vjolenza domestika bħalma huma dawk li kienu jgħixu flimkien barra ż-żwieġ jew dawk li kienu għarajjes.
2. Hemm mekkaniżmu legali ġdid li ma jillimitax il-bidu tal-proċess penali għal talba bil-miktub tal-vittma tar-reat. Illum anke l-ġirien jistgħu jinfurmaw lill-Pulizija u jinbdew il-proċeduri. Anzi, anki dan, ladarba wieħed isib ruħu l-Qorti, il-mara jew ir-raġel, m’għandhomx dritt awtomatiku li jirtiraw il-każ kontra l-parti l-oħra – il-Qorti Kriminali trid tkun konvinta. Anke fuq il-protezzjoni, daħħalna miżuri ġodda. M’għadhiex biżżejjed il-famuża “garanzija” ta’ sena. Issa għandek ordnijiet ta’ prevenzjoni u protezzjoni li bihom il-Qorti żżomm lil min wettaq id-delitt milli jersaq lejn il-vittma: la lejn id-dar, xogħol u lanqas lejn l-iskejjel fejn wieħed jieħu l-ulied. Mhux biss, imma hemm termini itwal ta’ tliet snin u mhux sena li terġa’ tista’ tiġġeded jekk min wettaq id-delitt ma jkunx ġab ruħu sew.
3. Dawn u diversi oħra, bħad-delitt ġdid magħruf bħala “li jipproteġi lin-nies minn fastidju”, huma llum għad-dispożizzjoni tal-poplu f’dan il-pajjiż. Għalkemm daħlu fis-seħħ ftit snin ilu għadhom mhux magħrufa biżżejjed. Għax kull leġiżlatur irid jaċċetta li meta tgħaddi liġi fil-Parlament, u wara tieħu l-approvazzjoni tal-President, dan waħdu ma jfissirx li kulħadd isir jaf biha. Allura hemm bżonn proċess kontinwu li permezz tiegħu tiġi divulgata iktar informazzjoni fuq il-kontenut legali tal-liġijiet tagħna. Żgur mhux forsi l-kultura legali mhux dejjem tinbidel malajr. Anzi, hu aċċettat li ħafna drabi, min jaħdem fix-xogħol kontinwu u impenjattiv tal-Qorti, ma tantx ikollu opportunitajiet li joqgħod jifli l-Liġi. Dan fih innifsu jiftħilna aktar għajnuna għall-bżonn li nassiguraw iktar informazzjoni fuq din il-liġi tant importanti għall-poplu.
4. Il-proċess f’dawn l-aħħar żminijiet qed juri li kawżi marbuta mal-vjolenza domestika qegħdin effettivament jiżdiedu. Mhux biss, imma l-fatt li fil-Qrati tagħna ttieħdet id-deċiżjoni li jkun hemm sezzjoni fil-Qorti tal-Familja li tieħu ħsieb każi ta’ natura penali marbuta mal-familja qed issarraf frott utili. Ngħid dan għax l-istatistika turi li hemm żieda fil-kawżi preżentati u deċiżi, kif jidher fit-tabella hawn taħt. Id-direzzjonijiet li jridu jittieħdu mhumiex faċli, iżda jidher mill-iktar ċar u evidenti li hemm esperjenza li fuqha nistgħu nibnu iktar.
5. Biss dan mhux biżżejjed. Hemm iktar passi li jistgħu jittieħdu. Hemm bżonn li jkun hemm għarfien ikbar fost l-operaturi legali, membri tal-Ġudikatura avukati, prokuraturi legali, membri tal-Korp tal-Pulizija u kull min b’xi mod hu involut fil-ħidma ta’ dawn l-għodod legali li huma ndirizzati lejn min ħaqqu protezzjoni. Sfortunatament għad għandna numru ta’ każi fejn hemm swat u mġiba żbaljata wara l-bibien tad-djar tagħna. M’għandniex naċċettaw li dak li jseħħ hemm ġew l-ordni pubblika m’għandhiex issir taf bih, u t-tieni li hu fl-interess tal-pajjiż li nassiguraw li l-vjolenza domestika tiċċekken u tispiċċa. Ħadd ma għandu jbati fid-djar b’aġir simili u rridu naġixxu kontra. Anzi, l-ewwel, hu dejjem aktar għaqli li, kif qiegħed jipprova jsir, l-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija jkunu jafu sew il-Liġi.
6. Għalkemm irridu nirreġistraw li l-Kummissjoni kontra l-Vjolenza Domestika għamlet progress kbir f’ħidmietha u ħaqqha tifħir, għandha bżonn ta’ iktar kollaborazzjoni u ħidma minn setturi oħra. Ma nistgħux naċċettaw li l-fatt li billi twaqqfet din il-Kummissjoni u qiegħda tistinka b’daqshekk solvejna l-problema. Il-pożizzjoni hi żgur iktar progressiva milli qatt kienet, però jonqos li jsir iktar, ferm iktar.

 



Viġilanza akbar



Saħħa f’saħħitha



Hemm għadhom!


Il-Punt - Karl Schembri
Ir-Realtà u l-illużjoni

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan