Aħbarijiet | 10 ta’ Jannar 2010 Nr 168
Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt
Fl-aħħar sigħat il-Pulizija arrestat persuna oħra b’rabta mal-hold-up ta’ nhar it-Tnejn li għadda f’Sta Venera fuq vann tas-sigurtà li kien qed iġorr €2.8 miljun.
Illum tinsab infurmata li l-aħħar raġel li kien interrogat inħeles ftit qabel it-48 siegħa minħabba li ma kien hemm l-ebda provi kontra tiegħu. Fil-jiem ta’ qabel kienu diġà arrestati sitt persuni oħra b’rabta ma’ dan ir-reat.
Il-hold-up fi Triq Ħal Qormi f’Santa Venera ra pjan spettakolari ta’ grupp ta’ ħallelin li minkejja l-loġistika u l-manuvri simili għal tal-films, falla minħabba li ma rnexxilhomx jisgassaw il-vann tas-sigurtà bil-gaffa li kienu qed jużaw. Fil-ħidma l-ħallelin użaw għadd ta’ vetturi misruqa fosthom tlett vannijiet, truck pickup u mutur.
Tagħrif li għandha din il-gazzetta juri li vann minnhom kien ilu rappurtat misruq minn nofs l-2008.
Il-Pulizija tinsab konvinta li l-ħallelin għandhom maħżen b’karozzi misruqa bil-lest għal numru ta’ serqiet u hold-ups oħra.
Mistoqsija bikrija dwar dan il-hold-up kienet jekk dawn il-ħallelin humiex l-istess grupp li wettaq il-hold-up b’suċċess fuq il-Bank HSBC ta’ Ħal Balzan f’Novembru tal-2007. Dakinhar ħames persuni mgħammda u armati rnexxielhom jidħlu fil-Bank, iżommu numru ta’ impjegati u nies ostaġġi u f’tebqa t’għajn jisirqu madwar miljun ewro u Lm70,000. Anke jekk l-ebda possibbiltà ma tista’ tkun eskluża, f’dan l-istadju kollox jindika li ċ-ċirku ta’ ħallelin hu differenti.
L-uniku fattur li jorbot liż-żewġ gruppi hu li loġistikament kienu intelliġenti fil-mod kif għalqu t-toroq, eċċ.
Fl-ewwel serqa, li sal-lum il-Bank HSBC għadu qed joffri premju ta’ €58,234.33 (Lm25,000) għal min jagħti tagħrif lill-Pulizija li jista’ jwassal biex il-ħallelin jinqabdu, spikkat il-ħeffa u ċerti mossi li ntużaw.
Il-ħallelin imxew fuq informazzjoni preċiża nkluża dik li ftit qabel il-hold-up l-għassa, li tinsab eżatt faċċata tal-Bank, sakemm il-pulizija li kien xogħol mar Ħal Lija biex jagħlaq numru ta’ toroq għal funeral ta’ vittma tan-nar. Minkejja l-istress psikoloġiku li kellhom fuqhom il-ħallelin dakinhar ma fetħux in-nar.
Fil-hold-up tal-ġimgħa l-oħra l-ħallelin dehru bi pjan perfett iżda ftit anqas sofistikat. Dan hekk kif ma kinux aġġornati dwar l-aktar ħaġa ovvja u importanti: kif se jiftħu l-vann tal-flus.
Psikoloġikament il-ħallelin tal-ġimgħa l-oħra kienu aktar taħt stress. Dan kien rifless mhux biss fil-lingwaġġ użat iżda wkoll għall-mod kif fetħu n-nar bl-addoċċ fid-direzzjoni tal-vann.
L-aktar punt li qed jimxu fuqu l-investigaturi hu li probabbli l-grupp li wettaq il-hold-up tat-Tnejn kien involut f’hold-ups oħra iżgħar imma armati li twettqu f’pajjiżna f’dawn l-aħħar xhur.
|
|

Editorijal




- Alfred E. Baldacchino
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|