Aħbarijiet | 10 ta’ Jannar 2010 Nr 168
Karl Stagno-Navarra
Anzjan Għawdxi li fixkel rigal tal-Milied ma’ pakkett bomba wassal biex kixef in-nuqqas ta’ mezzi li jeżistu f’Għawdex f’każi simili fejn ikun meħtieġ intervent mill-esperti tal-Forzi Armati.
Il-każ seħħ nhar lejlet l-ewwel tas-sena meta l-anzjan daħal fid-dar tiegħu f’Għajnsielem u sab pakkett imgeżwer f’karti tal-Milied.
Inkwetat dwar il-pakkett, l-aktar wara li sema’ u qara dwar l-attakk li seħħ f’Ħal Qormi ftit jiem qabel fejn raġel weġġa’ serjament fi splużjoni ta’ pakkett bomba, l-anzjan iddeċieda li jerfa’ l-pakkett u jieħdu bil-mixi sal-Għassa tal-Pulizija f’Għajnsielem stess.
Malli daħal fl-Għassa l-anzjan mar fuq il-kuntistabbli li nzerta mal-bank u poġġielu l-pakkett fuq il-bank u qallu bis-suspett tiegħu li kienet bomba.
Maħsud, il-kuntistabbli qal lill-anżjan biex ineħħilu l-pakkett minn fuq il-bank u joħroġ ’il barra bih filwaqt li staqsa x’fettillu (l-anzjan) biex jieħu l-pakkett l-Għassa.
“Fejn tridni mmur bih?” wieġeb l-anzjan, filwaqt li l-kuntistabbli minnufih beda jċempel għall-assistenza.
F’Għawdex m’hemmx skwadra għall-immaniġġar tal-isplussiv u jekk jinqalgħu xi każi f’Għawdex, il-FAM trid tibgħat skwadra minn Malta.
Ġara li meta l-kuntistabbli talab l-għajnuna mingħand is-superjuri tiegħu dawn ċemplu Malta iżda t-tweġiba li ngħataw kien li l-helikopter tal-FAM ma setax itir għal Għawdex waqt li kien ikun għalxejn li l-iskwadra tarma u tivvjaġġa lejn iċ-Ċirkewwa
u tirkeb fuq il-vapur ta’ Għawdex.
Għaldaqstant, iffaċċjati b’ din is-sitwazzjoni, il-Pulizija f’Għajnsielem ma kellhomx alternattiva oħra għajr li jieħdu l-pakkett u jdaħħluh f’karozza tas-servizz u jsuqu bih sal-bażi tal-FAM f’Tal-Qortin.
Waqt li tliet pulizija rikbu fil-vettura bil-pakkett suspettuż, dawn kellhom isuqu qalb l-abitat, l-aktar f’Għajnsielem u fin-Nadur, sakemm waslu sal-kanċell tal-bażi f’Tal-Qortin.
Kien lejlet l-ewwel tas-sena u l-ħin kien qabeż sew is-7 ta’ filgħaxija meta l-Pulizija sabu lis-suldat li kien għassa mal-kanċell tal-bażi u qalulu x’kienu qed iġorru. Maħsud b’dak li kienu qalulu s-suldat qalilhom li ma jistax jaċċetta l-pakkett u l-ordnijiet ma setax jeħodhom mingħandhom.
Il-battibekk dam sejjer għal diversi minuti, bis-suldat jgħid lill-Pulizija li ma setax jaċċetta l-pakkett u l-Pulizija jinsistu li kellhom iħalluh hemm.
Wara għadd ta’ telefonati kien deċiż li l-pakkett jitħalla f’għalqa fil-viċin sakemm “xi ħadd” jiġi u jara x’fih.
Irriżulta li l-pakkett kien Bibbja bil-qoxra iebsa u kien rigal li ngħata tard mingħand iben lil missieru.
|
|

Editorijal




- Alfred E. Baldacchino
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|