MediaToday

Aħbarijiet | 10 ta’ Jannar 2010 Nr 168

Bookmark and Share

L-eks-Kap tal-istazzjonijiet tal-PN jissemma għal Kap Eżekuttiv tal-PBS

Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt

Anton Attard, wieħed mill-aktar persuni li ħadmu viċin il-Prim Ministru Lawrence Gonzi, qed jissemma għall-kariga ta’ Kap Eżekuttiv ġdid tal-PBS, l-istazzjon nazzjonali. Dan hekk kif f’Lulju li ġej Albert Debono jieqaf mill-kariga wara li l-Bord tad-Diretturi ma ġeddidx il-kuntratt tiegħu.
Attard hu persuna fdata ħafna mill-Prim Ministru u jgawdi fiduċja mhux biss f’Kastilja imma fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.
Fl-aħħar elezzjoni kien wieħed mill-persuni responsabbli mill-kampanja Gonzi PN u tul is-snin kien il-moħħ li fassal numru ta’ strateġiji u konsulenzi għal Ministeri u entitajiet differenti. Fl-imgħoddi Attard kien ukoll Kap tal-istazzjonijijiet tal-Partit Nazzjonalista, Net TV u Radju 101, u jġorr miegħu bagalja ta’ suċċess f’attivitajiet tal-massa.
Illum tinsab infurmata li l-isem ta’ Attard kien suġġerit f’laqgħat differenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. F’dawn l-aħħar ġimgħat intqal diskors fis-sens li “fil-PBS importanti li kulħadd jiġbed ħabel wieħed.”
L-għan ewlieni ta’ Gonzi u t-team tiegħu hu li fis-siġġu ta’ Kap Eżekuttiv tal-PBS ipoġġu mhux biss persuna li għandha esperjenza twila fix-xandir imma li tgawdi fiduċja massima tal-istess Gvern. Dan jgħin mhux biss fil-kwalità imma fil-kontenut tal-programm imxandra.
Qed issir enfasi li fix-xhur li ġejjin fil-PBS ikun hemm kontroll aktar irfinut fil-mod kif jitwassal il-messaġġ fuq l-istazzjon nazzjonali.
Ikkuntattjat minn din il-gazzetta Attard ikkonferma li waslet anke għandu li ismu qed jissemma għall-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-istazzjon nazzjonali.
“Waslet għandi wkoll. Iva, smajt b’dawn l-għajdut,” wieġeb Attard. “Sa din il-ġimgħa stess kelli telefonata oħra ta’ persuna tistaqsini dwar dan.”
Illum hi nfurmata li din l-offerta diġà saritlu iżda Attard qed jgħid li s’issa uffiċjalment għadha ma saritlu l-ebda proposta. Madankollu meta mistoqsi x’jagħmel f’każ li ssirlu, mhux qed jeskludi li jikkunsidra l-pożizzjoni.
“Għadni ma nafx. Imma ma neskludihiex,” sostna.

 

 



Id-dinja tal-ħaġa moħġaġa



Realtà mċajpra



Uġigħ storiku


Il-Punt - Alfred E. Baldacchino
Il-bdil fil-klima


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan