Aħbarijiet | 10 ta’ Jannar 2010 Nr 168
Ralph Cassar
Ma nistenniex li dak li se nikteb se jċaqlaq xi ħaġa. Jiġri x’jiġri f’dan il-pajjiż kollox jibqa’ għaddej qisu xejn m’hu xejn. Trid tibni fil-Wied tal-Baħrija? Ma jimpurtax, min jikkritikak oħroġ għalih u kissru. L-iskont fenominali ta’ €3.3 miljuni li ngħataw lill-MIDI li żvelat Maltatoday biex jarmu t-terrapien il-baħar ħoloq xi skandlu u xi protesti kbar? Prattikament kulħadd jevita li jsemmi l-każ. Lanqas Joseph Muscat u l-PL qatt ma smajthom ilissnu kritika fuq hekk.
Għal dawk il-ftit li jimpurtahom huwa ovvju li fi żmien 15-il sena jekk mhux anqas se niġu niddependu għal kollox għall-ilma għax-xorb fuq is-sistema tar-reverse osmosis. Diġà nġibu madwar 40 fil-mija mill-ilma għax-xorb mill-ilma baħar bi spiża enormi għall-pajjiż. Dan l-ilma jitħallat mal-ilma tal-pjan. L-ilma tal-pjan huwa riżors naturali prezzjuz. Il-problema hi li qed jitella’ ilma tal-pjan bl-addoċċ, b’mod irregolari.
Dak li hu wirt ta’ kulħadd qed jinsteraq bil-Gvern jagħlaq għajnejh it-tnejn. Aktar ma jonqos l-ilma tal-pjan aktar ikollu jogħla l-prezz tal-ilma. Għandna nistennew kontijiet doppji jekk mhux erba’ darbiet aktar hekk kif insiru niddependu iżjed u iżjed fuq l-ilma li jiswa d-deheb: mir-reverse osmosis.
Fost dawk li qed jagħmlu kemxa flus sew billi jieħdu mill-ilma li hu tagħna ilkoll hemm fabbrika tas-soft drinks u l-ilma tal-flixkun. Biex tgħaxxaqha din il-kumpanija rebħet premju talli tieħu ħsieb l-ambjent. Is-serq ta’ riżors naturali mingħajr il-ħlas ta’ ċenteżmu ġie ppremjat. Sadanittant aħna lkoll, ġustament, inħallsu ta’ l-ilma li nikkunsmaw. Sadattant il-Prim Ministru Gonzi jżur il-kumpanija u jitbissem għall-kameras.
La l-PN u wisq nibża’ li lanqas il-PL m’huma se jitlewmu ma’ din il-kumpanija. Hu politikament perikoluż għalihom li jeħduha ma’ min hu b’saħħtu. Ma tridx wisq biex jheddu li se jkeċċu lill-ħaddiema jekk tittieħed azzjoni.
U s-serq tar-riżorsi naturali ta’ pajjiżna jkompli. AD la qatt iddejqet u mhux se tiddejjaq titkellem. Ħaddieħor jaf li dan is-suġġett ma tantx jiġbed voti. Jaf li jkunu qed jipperikolaw sorsi importanti ta’ finanzjament jekk jiftħu ħalqhom biex jitolbu lill-kumpaniji kbar josservaw il-Liġi.
Dan pajjiż fejn m’hemm l-ebda kontroll u trasparenza fil-finanzjament tal-partiti għax lanqas Liġi m’għandna u ma jridux idardru l-għajn li jixorbu minnha. Bid-difiża tar-riżorsi naturali tagħna jafu li m’hu se jieħdu xejn. U Gonzi jkompli jitbissem. Pullicino jkompli jikxef l-irħamiet. Il-PL u l-PN jibqgħu jibbattibekkaw fuq il-passat. U l-ilma tal-pjan ikompli jinxef.
ralph.cassar@alternattiva.org.mt
|
|

Editorijal




- Alfred E. Baldacchino
Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta
|
|
|