MediaToday

Sport | 10 ta’ Jannar 2010 Nr 168

Bookmark and Share

Referees inkazzati

Mark Attard
mattard@mediatoday.com.mt

Referees lokali Maltin li jirreffjaw f’kull diviżjoni tal-kampjonati tal-Malta Football Association u nies fil-midħla tagħhom jinsabu ferm inkazzati fuq il-fatt li spiċċat is-sena 2009 u l-kundizzjonijiet tagħhom baqgħu kif kienu jew saħansitra marru għall-agħar aktar minn qatt qabel.
L-aħħar farsa minn dan il-qasam f’pajjiżna ġrat qabel il-partita mill-kampjonat Premier li ntlagħbet fil-Victor Tedesco Stadium fil-Ħamrun bejn Tarxien Rainbows u Floriana nhar it-Tnejn li għadda.
Ġara li din il-partita damet biex tibda aktar minn 8 minuti mill-ħin stipulat u kien hemm min staqsa x’kienet ir-raġuni wara dan kollu. Sorsi interni li għandha l-gazzetta Illum jistgħu jikkonfermaw b’ċertezza li dan id-dewmien kollu nqala’ minħabba li wieħed mill-assistant referees li kienu appuntati għal dan il-konfront kien imsiefer u bi żvista tħalla fil-lista li kellu jkun wieħed milli jikkontrolla dan il-konfront.
Wieħed ta’ min jistaqsi jekk dan l-assistant referee kienx informa lis-superjuri tiegħu u jekk kien informahom b’dan kollu, għaliex ma ntbagħatx assistant referee ieħor floku minn qabel.
Madankollu l-problema ġiet riżolta fi ftit ħin u dan għaliex minnufih ġie kkuntattjat ta’ malajr bit-telefon assistant referee ieħor li rnexxielu jasal fl-iqsar żmien biex b’hekk il-partita ttardjat biex tibda ftit minuti biss.
Din ma kinitx l-ewwel taħwida fejn jidħlu l-appuntamenti tar-referees. Persuna midħla sew ta’ dan is-settur tant importanti għal-logħba tal-futbol f’pajjiżna qalilna kif ftit tal-ġimgħat ilu, f’partita oħra fil-Victor Tedesco Stadium fil-Ħamrun il-Ħadd filgħodu, kien hemm 6 referees flok 3 bil-kumplament li suppost marru l-grawnd ta’ Marsaxlokk
F’diversi partiti oħra qed tispikka n-nuqqas ta’ protezzjoni għar-referees. L-istess sorsi tagħna sostnew li ftit tal-jiem ilu kellna każ jaħraq fuq il-vapur ta’ Għawdex meta referee partikolari ġie aggredit wara li kien ġej lura Malta wara impenn li kellu fil-Gżira tat-Tliet Għoljiet.
L-istess persuni li tkellmu magħna qalulna li fil-mument jinsab għaddej tgergir kbir fost uħud mir-referees ta’ pajjiżna li qed iħossu li nqabżu f’dawk li huma promozzjonijiet u li t-taħriġ kollettiv tar-referees spiċċa u li l-ogħla referees qed jitħarrġu għal rashom. L-ikbar ironija minn din l-istorja kollha tibqa’ li r-referees qed jitħarrġu fuq art sintetika u jekk referee jweġġa’ waqt it-taħriġ jispiċċa jħallas il-kura minn butu bħall-każ riċenti li diġà kellna.
Referees li jikkontrollaw il-partiti f’diviżjonijiet inferjuri qalulna li teżisti diskrimazzjoni kbira fil-ħlas tat-taħriġ tar-referees. Referee tal-ewwel klassi jitħallas €175 fix-xahar filwaqt li assistant referee tal-ewwel klassi jieħu €56 biss. Iżda l-kumplament tar-referees u l-assistant referees f’diviżjonijiet inferjuri ma jieħdu l-anqas ċenteżmu wieħed.
L-aħħar tariffa fis-settur tar-referees hi fl-eżami mediku volontarju li jsir f’Ta’ Qali u li issa jridu jħallsu tiegħu €7. Milli jidher diversi referees għandhom l-informazzjoni li l-Uefa timponi li jsiru dawn it-testijiet u allura bilfors li tibgħat l-ispejjeż kollha lill-Assoċjazzjoni.
Ir-referees jinsabu ddispjaċuti li f’okkażjonijiet hekk is-suppost Għaqda tagħhom, tibqa’ rieqda u tqum biss jekk ikun hemm bżonn li tiċċelebra xi anniversarju jew torganizza xi ikla.
In-nuqqas ta’ interess fl-Għaqda kompla ħareġ dan l-aħħar meta ttieħed ir-ritratt kommemorattiv tal-membri u numru sew minnhom ma marrux għal dan l-appuntament. Barra minn hekk mil-laqgħat li suppost isiru kull xahar saret waħda biss minn Ottubru sal-lum.
Dan kollu baqa’ jnaqqas l-interess u n-nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn ir-referees Maltin u l-Assoċjazzjoni tagħhom li fil-mument tinsab taħt xita ta’ kritika wara li perċentwal għoli ta’ referees ma qablu xejn mad-deċiżjoni dixxiplinari li ttieħdet kontra l-gowlkiper ta’ Ħal Għaxaq li ħebb għar-referee fil-partita mill-kampjonat tat-Tielet Diviżjoni kontra Mġarr u ġie sospiż ħames partiti biss.

 

 



Id-dinja tal-ħaġa moħġaġa



Realtà mċajpra



Uġigħ storiku


Il-Punt - Alfred E. Baldacchino
Il-bdil fil-klima


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan