MediaToday

Intervista | 10 ta’ Jannar 2010 Nr 168

Bookmark and Share

Mara Maltija bl-ogħla karigi fl-UE

Esperta fil-Liġi Ewropea tgħaddi minn ħatra prestiġjuża għal oħra

Harry Vassallo

Fit-28 ta’ Ottubru li għadda tħabbar li Joanna Drake, il-Kap tar-Rappreżentanża tal-Kummissjoni Ewropea (KE) f’Malta, kienet ingħatat il-ħatra ta’ Direttur fid-Direttorat Ġenerali tal-Intrapriża fi ħdan il-KE. Diġà nafu li fi tmiem il-ħatra importanti li għandha bħalissa se tieħu ħatra oħra fi ħdan l-UE u waħda ta’ prestiġju li l-ebda mara Maltija ma laħqet s’issa.
Qabel ma titlaqna fi triqitha lejn Brussell ħsibna biex niltaqgħu magħha u nistaqsuha dwar iż-żmien li għamlet fir-Rappreżentanza tal-KE f’Malta. X’kien xogħolha u kemm irnexxielha twettqu?
“Għalkemm ħafna mix-xogħol li nagħmlu jixbaħ lil dak ta’ ambaxxatur barrani din mhix ambaxxata. Veru li niġbru tagħrif dwar Malta u ninfurmaw lill-KE waqt li nirrapreżentawha f’Malta iżda hemm differenza kbira. Malta hi msieħba fl-UE u l-KE hi parti minnha.
“Il-Maltin mhumiex barranin għall-KE iżda ċittadini tal-UE li għandha taqdihom. Fil-fatt differenza oħra meta mqabbla ma’ ambaxxata hi li m’aħniex hawn biex il-komunikazzjoni tgħaddi permezz tagħna. Kull ċittadin jew intrapriża tista’ tagħmel kuntatt dirett u tinqeda mingħajr ma nkunu nafu.”
Fost id-dmirijiet tal-KE hemm dak li tieħu ħsieb li l-Liġi Ewropea titwettaq fil-pajjiżi membri. Kien xogħolha li tgħasses il-Gvern u l-Parlament Malti biex tara żammewx mad-direttivi Ewropej?
“Lanqas dan mhu x-xogħol tar-Rappreżentanza tal-KE f’Malta. Kull Direttorat Ġenerali skont il-qasam tiegħu jieħu ħsieb l-implimentazzjoni tal-Liġi Ewropea fil-pajjiżi membri direttament u jkollu x’jaqsam direttament mad-Dipartimenti tal-Gvern li jkunu. Meta nintalbu xi għajnuna nagħtuha. Iżda fil-biċċa l-kbira dan hu xogħol li għaddej kontinwament u direttament.”
Mela din ir-Rappreżentanza x’tagħmel?
“Xogħolna hu li nfissru l-politika Ewropea u t-tħaddim tal-istituzzjonijiet tal-UE liċ-ċittadini Ewropej. Hemm numru kbir ta’ istituzzjonijiet, intrapriżi u entitajiet tas-soċjetà ċivili li qed jieħdu sehem fi proġetti taħt xi wieħed mill-programmi tal-UE. Jistgħu jkunu numru ħafna akbar. Immexxu diversi kampanji informattivi l-iżjed fi żminijiet partikolari, pereżempju fi żmien l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew biex inħeġġu lill-votanti jieħdu sehem fihom.”

Wara sitt snin fl-UE
Joanna Drake ħadet sehem fil-Core Group tal-MEUSAC li ħejja d-dokumenti ta’ negozjat fis-snin meta Malta kienet riesqa lejn is-sħubija fl-UE. Ħadet sehem attiv fil-kampanja tal-Iva favur is-sħubija qabel ir-referendum tal-2003. Issa li Malta ilha msieħba għal kważi sitt snin x’jidhrilha mis-sehem li ħadet f’dan il-proċess?
“Is-sħubija ta’ Malta wasslet għal tibdiliet importanti iżda dan hu wkoll proċess li fih nitgħallmu nħaddmu l-istituzzjonijiet Ewropej aħna u nħaddmuhom. Iżjed ma nieħdu l-opportunitajiet li jkollna quddiemna iżjed ma nkunu kapaċi nagħrfu oħrajn.”
Ma tibqax il-problema ta’ pajjiż żgħir li jsibha diffiċli jlaħħaq mal-impenji li jġibu fuqu l-ħafna istituzzjonijiet Ewropej? Qatt se nkunu nistgħu nlaħhqu magħhom sew?
“Hemm diversi oqsma li fihom għad hemm fejn intejbu r-rabta u r-relazzjoni mal-istituzzjonijiet, kemm bħala ċittadini kemm bħala istituzzjonijiet nazzjonali iżda għandu jingħad li Malta ma baqgħetx lura f’din il-ħidma u qed dejjem intejbuha.”
U l-Maltin qegħdin jieħdu dak li stennew mill-isħubija?
“Waħda mill-problemi hi li ħafna nies ikunu jistennew li jsibu soluzzjonijiet għal problemi f’oqmsa li l-UE ma tistax tindaħal fihom. Parti sew mix-xogħol tar-Rappreżentazzjoni tal-KE f’Malta hu li ninfurmaw lin-nies bid-drittijiet tagħhom u nfehmuhom safejn tista’ tgħinhom l-UE. Fil-fatt l-akbar ħidma diġà saret meta dawn id-drittijiet ġodda saru parti mil-Liġi ta’ Malta u min irid iħaddimhom m’għandux jirrikorri barra minn Malta biex igawdihom.”

Immigrazzjoni
Tkellimna wkoll dwar il-problema taħraq tal-immigrazzjoni. Bis-sħubija fl-UE dħalna għal impenji ġodda fil-kenn li jingħata lir-rifuġjati u sirna iżjed attraenti għalihom bħala pajjiż imsieħeb fl-UE. Għalkemm f’dawn l-aħħar xhur jidher li l-mewġiet ta’ refuġjati bdew jonqsu minħabba l-ftehim li sar bejn l-Italja u l-Libja ma jidhirx li kienet l-UE li sabet tarf tal-problema.
“Il-Kummissjoni taf sew bil-problemi li tiffaċċja Malta u ħadmet bi sħiħ biex ikun hemm burden sharing bejn il-pajjiżi membri iżda ma tistax iġġegħilhom. Bħalma ħadd ma kien jaċċetta li l-Kummissjoni ġġiegħel lil Malta tagħmel xi ħaġa li mhix obbligu tagħha skont it-Trattat, l-ebda pajjiż ieħor ma jippermetti lill-Kummissjoni tindaħallu f’oqsma fejn m’għandhiex l-awtorità li tindaħal.
“Madankollu l-Kummissjoni taf sew li Malta hu l-pajjiż li hu l-iżjed milqut minn din il-problema u taħdem bi sħiħ biex tinbidel il-politika Ewropea u titħaddem solidarjetà aqwa. Xogħolna wkoll li nedukaw lin-nies li din mhix problema temporanja u li jiġri x’jiġri se jkun hemm bżonn li numru ta’ refuġjati jiġu integrati fis-soċjetajiet tal-pajjiżi membri. Il-problema hi agħar fil-każ ta’ dawk li ma jaċċettawx l-idea ta’ rifuġjati, żgħir kemm ikun żgħirr in-numru tagħhom.”
Iżda għal dawk li għadhom ma jaċċettawx l-idea ta’ soċjetà multikulturali tibqa’ l-problema ta’ numru bla tarf ta’ nies li jridu jaħarbu mill-Afrika u li bir-raġun joħolqu nkwiet u tħassib f’Malta li żgur ma tiflaħx tilqa’ numri kbar ta’ rifuġjati. L-UE x’inhi tagħmel biex tilqa’ għal din il-problema?
“L-UE tifforma l-blokk ta’ pajjiżi li l-aktar li tagħti għajnuna lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Din l-għajnuna hi maħsuba wkoll li toħloq dawk il-kundizzjonijiet u kwalità tal-ħajja li jħajru lin-nies ta’ dawn il-pajjiżi li jibqgħu jgħixu u jagħtu sehimhom f’art twelidhom. Madankollu l-UE ma tistax tintervjeni direttament biex issolvi l-problemi politiċi li jeżistu u li spiss huma l-kawża tal-emigrazzjoni minn dawn il-pajjiżi.”

 

 



Id-dinja tal-ħaġa moħġaġa



Realtà mċajpra



Uġigħ storiku


Il-Punt - Alfred E. Baldacchino
Il-bdil fil-klima


Ebba von Fersen Balzan
Kienet l-aħjar ħabiba li qatt ħadd seta’ jkollu – Jeni Caruana

Il-ħbieb ta’ Ebba von Fersen Balzan, l-artista Ġermaniża li ħabbet lil Malta fil-pittura tagħha, jagħtuha l-aħħar tislima. FRANICA PULIS tirrapporta

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan