Intervista | 03 ta’ Jannar 2010 Nr 167
Antoinette Miggiani temmet karriera straordinarja bħala sopran fl-ogħla livell biex timxi wara mħabbitha
Mad-daqqa t’għajn il-ħajja tas-Sopran Antoinette Miggiani tagħtina sens ta’ traġedja, talent straordinarju li ma laħaqx il-qċaċet tas-suċċess li kienu lesti jilqgħuh. Iżda din hi biss il-qoxra li tlellex, l-attrazzjoni tan-notorjetà internazzjonali li tiġbidna lejha wkoll bħala spettaturi.
Miggiani hi mara ferriħija, tferrħek meta ssellimlek u tħallik bi tbissima f’wiċċek jekk tieqaf tkellmek. Mhemmx ħjiel ta’ traġedja fiha. Imxiet wara mħabbitha: dik għall-opra u dik għall-ġenituri tagħha. Tgawdi r-rispett ta’ kull min jafha kemm għall-ħila tagħha fil-kant kemm għall-fatt li kienet kapaċi terħi karriera internazzjonali fl-ogħla livelli biex iddur mal-ġenituri tagħha meta ġew bżonnha.
“Dejjem kont imħajra għall-mużika u fil-fatt ħadt id-diploma. Kont għadni l-iskola ta’ St Joseph ta’ 12-il sena meta sabu li kelli vuċi, vuċi matura. Fil-fatt anki d-dar, il-papà kien jgħid li ‘din se jkollha vuċi sabiħa’. Meta ħadt id-diploma tal-mużika ta’ 15-il sena l-eżaminatur kien staqsieni nitħajjarx għall-kant u l-papà kien kellem lil Miss Briffa li kienet tieħu ħsieb l-eżamijiet tar-Royal School of Music u kienet qaltlu li l-eżaminatur riedni nieħu l-eżami tal-kant is-sena ta’ wara.
“Il-papà ħadni għand Mro Luigi Cantoni u dan ma riedx jemmen li ma kontx ħadt lezzjonijiet tal-kant. Imbaghad meta semagħni nduna li kien għad jonqosni nitgħallem it-teknika.”
Minn dak il-bidu ta’ 15-il sena l-vuċi li kellha seħħret lil kull min semagħha u ppermettitilha tgħaddi minn quċċata għal quċċata fil-karriera tagħha b’mod li jkun diffiċli għal ħaddieħor li jittama li jagħmel bħalha. Iżda mat-talent għaqqdet rieda qawwija biex tilħaq l-għanijiet tagħha.
“Kien ġie Malta Sir Clarence Raybould biex jisma’ l-baned u l-kantanti Maltin u jien bdejt ngħir. X’jiġifieri jisma’ lil kantani oħrajn u ma jismax lili? Rajt kif għamilt, ċempilt lill-Gvernatur u lil Graham Binns li kien imexxi r-Rediffusion u rranġawli biex niltaqa’ miegħu.
“Raybould kien qalli: ‘Tidher li għandek vuċi’ u jien weġibtu li jekk ma jismagħnix ma jistax ikun jaf. Billi nsistejt qalli biex immur il-British Council dakinhar stess. Peress li kien qalli biex inżommha sigrieta stagħġibt meta sibt sala mimlija nies.”
Milli jidher Raybould iggustaha lil din it-tfajla hekk determinata u tħajjar jinbixha hekk kif għamlilha l-eżami.
“Kienu l-orkestra tas-C-in-C. Poġġa fuq il-pjanu u beda jdoqq ħażin. Jien ħarist lejh u għidtlu: ‘X’int iddoqq?’ Kien qed idoqq il-Cavalleria (Rusticana). Qalli: ‘Mela hekk? Għidtlu: “Le, stenna ftit ħa nurik kif inkantaha”. Mort bilqegħda fuq il-pjanu u bdejt indoqqha. ‘Ah, alright, alright’ qalli. Mar fuq il-pjanu u beda jdoqq qisu orkestra. U kantajt u qabel ma spiċċajt waqaf u qal lil Ethyl Farrugia: ‘Għada nirranġaw biex din tiġi l-Ingilterra’”.
Jekk kien għad baqa’ xi ħsieb li tmur l-Università tistudja għal tabib kif xtaqet, jew li tidħol taħdem mal-Barclays Bank kif kien beda jaħseb missierha, dan kollu għeb fid-dija ta’ karriera stupenda li bdiet tixref ix-xefaq.
It-talent mużikali u l-ħila fil-kant wirtitu mill-familja: ommha u missierha t-tnejn kellhom vuċijet sbieħ. Iz-zijiet u nanniet ukoll. Dan kien joħloq l-isfond ta’ kultura mużikali li ħeġġeg lill-familja ta’ Miggiani li jħalluha ssegwi l-karriera.
Londra
Kienet diġà rebħet scholarship tar-Royal School of Music iżda din waħedha ma kinitx biżżejjed biex tkun tista’ ssiefer biex tistudja. Bil-grant tal-British Council setgħet tirrealizza ħolma u tmur tistudja fir-Royal Academy of Music.
“Wara sena għamilt l-eżamijiet tal-LRCM u l-LRAM, tal-pjanu u tal-kant, għaddejt u bagħtuni n-National School of Opera. Malli semgħuni fin-NSO, li kienet tarġa għat-teatri ta’ Covent Garden u Saddlers Wells, baqgħu mistagħgba u poġġewni mal-ewwel fis-sitt sena tal-kors ta’ seba’ snin. Ta’ 19 jew 20 sena sibt ruħi ma’ kantanti ħafna akbar minni fil-Coaching Class.”
Ħaddieħor kien segwa l-kurriklum normali biex tgħallem il-Ġermaniż, l-Ispanjol u r-Russu minbarra d-drama, il-fencing, il-ballet u l-irkib fuq iż-żwiemel, kollox b’rabta mal-opra.
Miggiani kellha tistudjahom ukoll iżda b’ritmu iżjed mgħaġġel. F’qasir żmien kisbet l-ewwel kuntratt ta’ xogħol.
Pariġi
“Meta ħadt l-ewwel premju fil-Liverpool Philharmonic Society International Singers’ Competition tawni kuntratt f’Covent Garden. Kantajt ukoll għall-BBC u l-General Administrator ta’ Covent Garden kien bagħatni Pariġi b’kuntratt biex inkanta fir-Rosen Cavalier ma’ Elizabeth Schwarzkopf li kienet magħrufa għal dan ir-rwol. Kien bagħat lili u lil Anne Howard li ta’ 75 sena għadha tkanta sal-lum.”
F’Pariġi parti mix-xogħol tagħha kien li titgħallem it-teknika u s-segwi l-lezzjonijiet li għalliem tal-kalibru ta’ Dominic Modesti kien jagħti lis-Sopran Joan Sutherland. B’dawn l-esperjenzi eċċezzjonali reġgħet lura Malta fejn għal darb’oħra Ethel Farrugia setgħet terġa’ tagħmlilha l-ġid.
Milan u Bayreuth
“Il-ġid li għamlet Ethel Farrugia bil-ħidma tagħha fil-British Council u fil-kamp tal-mużika mhux apprezzat biżżejjed. Tatni kuntratt biex inkanta f’La Forza del Destino ma’ kumpanija Taljana u għalkemm ma sarux il-performances kollha li kellhom ħsieb ħaduni għal audition fit-Teatru La Scala f’Milan. Dan kien suċċess u ħaduni bħala understudy ta’ DeOsma. Dak iż-żmien kien hemm Pavarotti u Capuccilli fl-La Scala u meta nqala’ l-inkwiet mal-kantanti prinċipali fit-Trovatore daħħluna kollha biex nagħmlu din l-opra. Iżda nzerta li jien kelli bronkite u tlift iċ-ċans.”
Ma kinitx l-ewwel darba: Mro Cantoni, ħabib tal-kompożitur Toscanini, kien irranġalha biex titla’ Milan fil-bidu nett tal-karriera tagħha biex tkun l-understudy ta’ Maria Callas fin-Norma iżda “Wara biss 30 lezzjoni Cantoni miet u fl-istess żmien miet Toscanini wkoll u addio La Scala u addio n-Norma.”
Lura f’Malta sabet li missierha kien beda jitlef id-dawl minħabba d-dijabete u bdiet taħseb li ttemm il-ħajja ta’ sopran b’karriera internazzjonali. Iżda ma kellux ikun: “Ċempilli Modesti mill-Ġermanja biex nieħu parti ta’ Valkyrie fit-Tristan li kien jittella’ min-neputi ta’ Wagner, Wieland Wagner. Wasalt Munich il-Ħadd u t-Tnejn waslu Modesti u l-mara tiegħu. It-Tlieta kellna nmorru Bayreuth. Meta konna se nitilqu ċemplulna biex jgħidulna li kien miet Wagner u sfaxxa kollox.”
Qatgħetha li terġa’ lura d-dar iddur b’missierha u ssegwi l-vokazzjoni li dejjem kellha li ddur bil-morda. Iżda għal darb’oħra t-talent ma ppermettilhiex: “Mort nagħmel intervista r-Rediffusion u ltqajt ma’ Fr Eminyan li kien ma’ wieħed twil Amerikan. Meta semmejt li kont se nieqaf mis-safar Fr Eminyan widdibni li talent bħalma kelli jien ma kellix naħbih”
Seattle u San Francisco
L-Amerikan li kien ma’ Fr Eminyan kien aġent fil-kamp tal-opri u kien pront għamlilha audition: “Ġabli kuntratt ta’ sitt recitals, biex jisimgħuni, bagħatli l-programmi biex nistudjahom u kuntratt għal audition f’Seattle fil-parti ta’ Maddalena de Coigny ma’ Franco Corelli fl-opra Andrea Chenier.”
Minkejja li kienet laħqet livell tant għoli fil-kant kienet għadha ma ħaditx il-qagħda ta’ primadonna: “Fl-Amerika kelli l-ewwel standing ovation. L-opra kienet għadha ma spiċċatx u meta rajt lil kulħadd iqum bil-wieqfa ħsibthom se jitilqu ’l barra. Dħalt wara l-kwinti nibki u l-aġent tani daqqa ta’ ħarta u ġegħilni nerġa’ lura biex nara t-tfal li kienu qed iġibuli l-bukketti tal-fjuri.”
Minn Seattle kisbet audition f’San Francisco: “Għaddejt għal La Forza del Destino u kont nieħu l-lezzjonijiet ma’ Tourel u Leonard Bernstein jakkumpanjana fuq il-pjanu. Kien hemm li studjajt il-Lieder li introduċejt f’Malta meta ġejt lura.”
New York
Minn San Francisco għal New York fejn kellha audition fil-Metropolitan biex tieħu post Zinca Milanoff li kienet waslet fi tmiem il-karriera tagħha: “Kont nixbagħha operistikament u fiżikament. Għaddejt l-ewwel audition u t-tieni audition. Kien baqa’ biss it-tielet waħda li kienet formalità meta sirt naf li l-Metropolitan kien se jingħalaq għal 14-il xahar biex isirulu xi xogħlijiet u tlabt biex inkun nista’ niġi lura Malta.”
Għaddejt is-sajf f’Malta iżda f’Diċembru l-mamà tatha puplesija oħra u tlabthom biex intawwal iż-żmien sa April. Dakinhar li erġajt kont se nitlaq il-mamà tatha puplesija oħra u baqgħet f’koma għal erbat ijiem.
“Meta ġie it-tabib qalli: ‘Int mur’ iżda għidtlu le. Dejjem għamilt li riedu l-ġenituri tiegħi imma dakinhar fhimt li kienu saru l-missjoni li dejjem xtaqt jien. Il-karriera kienet tatni ħafna sodisfazzjoni iżda l-vanaglorja qatt m’għamlet bija. Forsi issa li kbirt…. Il-papà kien qalli: ‘Inħalli f’idejk’”.
Malta
Bdiet tgħallem ir-religjon, it-Taljan u l-mużika, tagħmel kunċerti, tkanta fuq it-television u tieħu ħsieb lil ommha u lil missierha.
“Qatt ma kantajt li ridt jien, xi Verdi jew Puccini. Kien hemm żmien meta kienu jibagħtuli l-programm biex inkantah sitt ijiem wara. Dak iż-żmien kien hemm Mro Sammut li kien jagħmel xogħol mill-aqwa. Imma ħadt pjaċir ukoll billi stajt inkanta opri Maltin bħall-Ipogeana li Mro Carmelo Pace kien kiteb għalija. Kienet kantatha l-ewwel darba Hilda Tabone billi kont imsiefra… kellha vuċi sabiħa ħafna.”
Kienet tlaħħaq man-nursing li kienet tagħmel id-dar u xogħol tagħha iżda ma kinitx ħaġa facli:
“Meta għamilt Pawlu ta’ Malta għamilt 20 rappreżentazzjoni. Fl-ewwel waħda fi Frar il-papà kienu qed ilestuh biex jaqtgħulu saqajh. Ara jien kellix aptit inkanta.” Kienet parti mid-dixxiplina ħarxa li titlob il-professjoni u li kien jaċċetta missierha wkoll.
“Meta kienet mietet ziti kelli appuntament biex inkanta Requiem u ħsibt biex inħassru. Missieri kien qalli: ‘Jekk għandek appuntament trid tmur anki jekk inkun qed inmut jien jew ommok’”.
Tkellimna wkoll dwar il-ħafna talent li għandna f’Malta li Miggiani trid tarah jirbaħ iżjed wisa’ milli jagħtuh bħalissa. Tkellimna dwar meta għandu jibda t-tagħlim tal-kant, dwar l-unuri li ngħatat. Dejjem għandha kelma tajba għal kull min issemmi. Meta tilmenta għax trid li xi ħaga ssir b’mod aħjar, isbaħ, aqwa. It-tbissima qatt m’hi ’l bogħod minn fuq wiċċha.
Baqgħet titbissem meta semmejtilha t-tensjoni ta’ serata operistika: “Negħlibha bit-talb u bil-meditazzjoni. Meta noħroġ fuq il-palk ninsa kollox u meta nerġa’ lura ngħidlu: ‘Gesù fejn kont? Jien kantajt għalik’ u jweġibni: ‘Kont Jien inkanta fik”. Hekk tagħmel Antoinette Miggiani. Ma nafx x’jagħmel ħaddieħor.”
Jekk kienet priedka, kienet priedka mill-aqwa. L-iqsar waħda li qatt smajt, imgeżwra fi tbissima fuq sfond ta’ ħlewwa u saħħa liema bħalha. Tidher li pperfezzjonat it-teknika missjunarja wkoll.
Din l-intervista għandha tixxandar fil-programm Intervista Illum fuq One Television fit-13 ta’ Jannar 2010 fl-10.30 pm