MediaToday

Editorjal | 03 ta’ Jannar 2010 Nr 167

Bookmark and Share

2010: beraq u ragħad

Għadna kemm żanżanna sena ġdida u għat-tieni sena waħda wara l-oħra qed jonqosna l-aptit għal dak li se niffaċċjaw. Bdejna l-2009 maħkumin mit-tħassib tal-konsegwenzi tal-kriżi finanzjarja li faqqgħet f’Settembru tal-2008. Terremot wara l-ieħor laqtu l-ekonomija tad-dinja u aħna konna qed nistennew dak li se jmiss lilna.
Fil-fatt konna fost il-pajjiżi fortunati li ma kellniex ekonomija avvanzata b’mod li konna qed nieħdu sehem direttament fiċ-ċirku tal-logħob tal-azzard finanzjarju. Banek bl-aqwa ismijiet sabu li kien therra l-pedament taħthom. Kellhom jidħlu għalihom l-Gvernijiet biex isalvawhom.
Hi u tinkixef quddiemna l-istorja bqajna mbellhin bil-mod kif dawn l-istituzzjonijiet kienu sikru fit-tbaħrid tal-ispekulazzjoni u tgħabbew b’dejn li ma kien hemm xejn sod li jagħmel tajjeb għalih. Jekk il-fallimenti tagħhom ma missewniex,missna l-iskandlu, l-idea li m’hemm ħadd li tista’ toqgħod fuqu.
L-istess ġara madwar id-dinja bl-agħar effetti fid-dinja bankarja li kienet titħaddem fuq bażi ta’ fiduċja bejn bank u ieħor. Ħadd ma seta’ jafda lil ħadd. Kulħadd kien qed jistenna li sieħbu jiddikjara li kien inħakem mill-kriżi minn mument għall-ieħor. Domna x-xhur nistennew li terġa’ tibda ddur ir-rota.
F’Malta konna spettaturi mistgħaġba u skandalizzati iżda wkoll imħassbin aħna u nistennew id-daqqa ġejja għalina. Ma setax jonqos li hekk kif nixfu l-għejjun tal-finanzjament f’pajjiżi oħra dawk kollha li kellna negozju magħhom kienu se jnaqqsu mix-xiri tagħħom. L-ekonomija tad-dinja kienet daħlet f’riċessjoni u l-ebda għaqal jew xorti tajba ma kien se jkun jista’ jiffrankalna li nittieħdu minnha.
Għalina l-effetti sekondarji ħassejnihom l-ewwel fis-settur industrjali fejn naqset ħesrem l-esportazzjoni mbagħad fis-settur tat-turiżmu meta l-inċertezza ekonomika u t-telfien tal-impjiegi fil-pajjiżi li niddependu fuqhom bħala għajn ta’ turiżmu wasslet biex jonqsu b’mod qawwi dawk li jżuruna.
Malli faqqgħet il-kriżi finanzjarja u magħha r-reċessjoni naqset bil-qawwa d-domanda għaż-żejt u din taffiet mhux ftit l-effett taż-żieda fil-prezz tad-dawl u ilma f’Malta li kien għadu kemm spara ’l fuq fis-sajf tal-2008. Issa li d-dinja tidher li qed tirpilja l-prezz taż-żejt reġa’ beda tiela’ waqt li aħna għadna qed inħossu l-effetti sekondarji tal-kriżi.
Ftit tal-jiem ilu tħabbru ż-żidiet fit-tariffi tad-dawl u ilma li jxejnu s-sussidji li se jingħataw bis-saħħa tal-baġit tal-2009. Ilkoll qed nistennew li nkunu agħar milli konna fl-2009. U għandna raġun.
Din is-sena se nintebħu li l-konsumatur iħallas għal kollox. Jekk se jogħlew l-ispejjeż għal tal-ħwienet u għal dawk li jipprovdu s-servizzi dawn se jgħaddu l-uġigħ li min jixtri mingħandhom. Min hu mpjegat se jsib li telagħlu l-kont tad-dawl tad-dar u miegħu elf kont ieħor f’kull oġġett u servizz li jikkonsma. Min ma laħħaqx fl-2009 se jsib ruħu f’morsa fl-2010.
Qiegħed agħar minnu min tilef l-impjieg jew min għandu pensjoni fissa u jsib il-kontijiet dejjem jogħlew. Dawn se jkunu qed jiffaċċaw l-għarqa. U mhumiex se jeħilsu minnha fl-2010. Forsi l-agħar effett ta’ dan kollu se jkun it-telfien tal-livell tal-għajxien, mhux sakemm iddum il-kriżi biss, iżda għal żmien ħafna itwal.
F’dinja ideali konna nkunu lesti għal dan l-għawġ. Konna nkunu investejna f’teknoloġiji li jiffrankawlna l-ispejjeż; inkunu ħdimna flimkien biex l-ekonomija tagħna tkun immirata b’mod li dejjem tfittex li tnaqqsilna l-ispejjeż; konna nkunu kapaċi niddiskutu problemi bħal dawn biex negħlbuhom u mhux biex nagħtu t-tort; konna nkunu kapaċi nfasslu pjani fit-tul lesti għal dak li jista’ jinqala’.
Din mhix dinja ideali u dan mhux il-pajjiż ideali. Is-sistema ta’ tmexxija tagħna hi nassa għal min imexxina u sarima għal min hu mmexxi. Ta’ fuq irid bilfors jemmen u jwemmen li jaf kollox u li kollox miexi ħarir dejjem. Ta’ taħt jitmexxa bħal tifel żgħir jisma’ x’ġara meta jkun ġara u mhux snin qabel jistaqsuh x’jidhirlu għall-quddiem.
Fl-2010, kważi sentejn wara li faqqgħet il-kriżi tal-prezz taż-żejt, għadu abbozz il-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija.
Sal-bieraħ qisu ma kellniex problema biex innaqqsu l-ammont ta’ tniġġis li noħolqu. Illum sibna ruħna mal-pajjiżi l-aktar avvanzati fit-taqbida kontra t-tibdil fil-klima meta għandna fost is-sistemi l-aktar antikwati. Ftit tal-jiem ilu stenbaħna u qalulna li mill-1 ta’ Jannar ħadna l-primat tal-aktar kont tad-dawl għoli fl-Ewropa.
L-2009 għalqet bil-falliment diżastruż tal-Konferenza dwar it-tibdil fil-klima f’Copenhagen.
Il-President Chavez tal-Venezuela se jibqa’ mfakkar talli qal li jekk id-dinja kienet bank l-Istati Uniti kienu jsalvawha. Il-kriżi finanzjarja u reċessjoni fl-ekonomija dinjija li jħassbuna huma ċajta meta mqabbla mal-konsegwenzi ta’ diżastru fil-klima. Jidher li s-sistemi ta’ tmexxija fallew mhux biss f’Malta iżda fuq livell dinji wkoll. M’għandniex l-għodda biex naħdmu flimkien lanqas meta tkun ħakmitna l-agħar kriżi fl-Istorja tal-umanità.
L-2010 se tkun sena kerha u bid-dikjarar iżda jekk m’aħniex kapaċi nieħdu minnha r-rieda li nibdlu s-sistemi ta’ tmexxija se tkun sena li għad niftakruha bħala waħda mhux ħażina għall-aħħar meta ta’ warajha jkunu tal-waħx.

 



Id-dinja tagħna



Is-sena 2010



Żmien il-Fewdaliżmu


Il-Punt - Ray busuttil
Il-vaċċini tal-A(H1N1)

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan