Intervista | 27 ta’ Diċembru 2009 Nr 166
Joseph Stafrace, persuna nieqsa mid-dawl u li s-sena li għaddiet ingħata kelb gwida, jgħidilna kif saret parti minn ħajtu.
Julia Farrugia
Message sent by 79421….see you tomorrow at five.”
It-telefown ċellulari ta’ Joseph Strafrace għadu kemm ‘tkellem’ u l-vuċi kompjuterizzata għadha kemm qrat dak li hemm miktub f’sms li daħal ftit sekondi qabel.
Stafrace hu persuna nieqes mid-dawl. Mhux minn dejjem għami. Tilef id-dawl meta kellu seba’ snin.
Fid-dar tiegħu fl-Imtarfa jirrakkonta dak li għadda minnu u minn fommu toħroġ storja impressjonanti li tibgħat messaġġ b’saħħtu: “minkejja l-ħtiġijiet differenti tiegħi ngħix ħajja normali u indipendenti. Ixxurtjat li tal-inqas meta tlift id-dawl kont diġà naf x’jiġifieri kuluri,” jistqarr. Imma t-triq ma kinitx faċli. Meta ntebħu bil-problema l-ġenituri kellhom jispjegawlu x’qed jiġri, dak li se jgħaddi minnu.
“Kelli nitgħallem kif nibda nilgħab bħal tfal oħra. Kelli naġġusta skont iċ-ċirkustanzi,” jirrakkonta Joseph.
Fl-isfond nisma’ qabża għal fuq is-sufan blu fil-ġenb tal-kamra.
Macy (li tippronunzjaha Mazzi), il-kelb b’kulur dehbi li jiggwida lir-raġel waqt il-mixi, bħal donnu ntebaħ li waqt l-intervista m’għadux xogħol u li jista’ jorqod.
“Għalija Macy hu l-indipendenza tiegħi.” Din hi d-deskrizzjoni tal-kelb li jagħtini Stafrace. Il-kelb, li hu Irlandiż, ħa t-taħriġ tiegħu biex imexxi persuni għomja fir-Repubblika Ċeka. Sena ilu daħal fil-ħajja ta’ Stafrace u minn dakinhar saru biċċa waħda.
“Eżatt meta wasal Malta ġiet persuna tħarriġni fit-triq. Ħriġna jien u hi biss u l-kelb baqa’ d-dar. Għallmitni kif inżomm iċ-ċinga tal-kelb f’idi. Fl-istess ħin bdiet fażi oħra, dik li l-kelb jidrani nitimgħu, inżiegħel bih u nilgħab miegħu. Għadni sal-lum, kuljum insib ħin għal-logħob flimkien…”
F’ħajjet din il-familja l-kelb mela ħajjithom b’għors bħal tarbija li timla l-vojt fid-dar.
Macy hu kelb intelliġenti ħafna. Jitgħallem malajr u b’memorja preċiża.
“Kont ili ma mmur nagħmel ix-xirja tliet xhur minħabba li kont impenjat bl-Università. Illum mort nixtri l-Imtarfa. Anke jekk għaddew tliet xhur Macy baqa’ jiftakar it-triq kollha.”
Joseph Stafrace hu bniedem attiv ħafna. Hu membru tal-bord tal-Fondazzjoni Maltija għall-Klieb Gwida. Din il-fondazzjoni tiġbor fi ħdanha tliet għaqdiet flimkien: it-Torball, l-Għaqda Għawdxija għall-Persuni Neqsin mid-Dawl u s-Soċjetà Maltija tal-Għomja. L-għaqda taħdem biex toħloq għarfien fost il-pubbliku Malti. Tgħin ukoll lill-persuni għomja biex ikollhom kelb gwida.
Bħalissa f’Malta hawn ħames klieb ta’ din ix-xorta: wieħed f’Għawdex u erbgħa f’Malta.
“Dawn il-klieb iqumu ħafna flus. Bħal Macy jiswa’ €12,000. Il-prezz hu daqstant għoli għax jeħtieġ proċessi differenti u intensiv ta’ taħriġ.”
Kif jispjega r-raġel il-kelb irid ikun kompatibbli mas-sid u li jkollhom karattru li jixxiebah.
Indawru s-suġġett fuq il-pass li ħa biex jidħol l-Università u jerġa’ jibda jistudja. Fi kliemu ma kienx vjaġġ faċli.
“Bdejt mill-bażi, għamilt l-O’ Levels, imbagħad l-A’ Levels u issa qed nagħmel kors l-Università biex niggradwa social worker,” jispjega.
Ir-raġel kien ilu jaħdem 15-il sena imma kien determinat li jwettaq waħda mill-ħolmiet tiegħu. U issa fadallu sentejn biex itemm il-kors.
“Nixtieq nagħti lura lis-soċjetà dak li qed tagħtini l-Università,” jinsisti b’determinazzjoni. “Fil-ħajja importanati li toħlom, b’sens realistiku ovvjament. Jekk ikollok tir fil-ħajja trid taħdem għalih u tersaq dejjem qrib tiegħu.”
Jistqarr li l-Università jsib koperazzjoni kbira mill-istudenti u l-lecturers tiegħu u li l-esperjenza hi waħda sabiħa. Anke jekk nieqes mid-dawl ir-relazzjoni tiegħu ma’ dak kollu li hu elettroniku hi waħda normali.
“Niżżilt programm għal tal-apposta u nstallajtu fuq il-kompjuter. Meta niftaħ email nisma’ vuċi elettronika li taqrali l-email. Bl-istess mod nuża l-MSN u Skype. Bħalissa għaddej proċess biex kumpanija Maltija toħloq reader bil-Malti. B’hekk inkun nista’ naqra emails li jinkitbu bil-lingwa tagħna.”
Joseph u martu għandhom ħajja kkulurita u prattikament jagħmlu dawk l-attivitajiet kollha li wieħed jista’ jimmaġina.
“Insuq ir-rota, immur jogging bil-kelb u mmur il-baħar ngħum mal-mara.”
Din tal-jogging jgħidli li kien hu li għallem il-kelb kif jiġġoggja u x’pass għandhom jieħdu flimkien.
Il-kelb dara jsiefer ukoll u jirkeb l-ajruplan.
Fi kliemStafrace għall-ewwel il-kelb deher imnikket u eċċitat. Probabbli bil-biża’ li kienu se joħduh għand familja differenti u jitlef dak li bena tul din l-aħħar sena.
Normalment fuq l-ajruplani l-klieb jinżammu waħidhom f’kabina għal tal-apposta. Iżda mhux fil-każ ta’ Macy.
“Dan hu dritt li l-kelb gwida jibqa’ ma’ persuna nieqsa mid-dawl. Hi liġi li josservaw il-linji tal-ajru.”
Stafrace jgħid li riċentament meta kien ma’ martu għal tliet ġimgħat fl-Ingilterra kien Macy li mexxieh fl-Underground. U mingħajr problemi ta’ xejn!
“Qisu kien jaf il-pajjiż minn ġewwa sa barra.”
Iżda minn żmien għal żmien ifeġġu diffikultajiet.
“Ġieli jkun hemm ristoranti li ma jkunux iridu jdaħħlu klieb ġewwa. Persuna li tkun f’siġġu tar-roti tgħidilha tħallih barra? Imma fir-realtà l-maġġoranza jifhmu l-każ meta nispjegalhom. Macy hu kelb mans, ma jkissirx affarijiet u jaf iġib ruħu.”
Fost id-diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom hemm il-fatt li xi minn daqqiet karozzi tal-linja ma jwaqqfux mal-bankina u dan jagħmilha ftit aktar diffiċli biex jimmanuvra. Imma fi kliemu stess, qadja l-Belt għalih hi possibbli u kapaċi jagħmilha waħdu. Issa li bil-kelb, il-ħidma saret aktar faċli u anqas ikkumplikata.
Imma x’inhuma l-problemi komuni li jiltaqa’ magħhom?
“Meta ssib xi arblu f’nofs ta’ bankina, jew xi siġra … nuqqas ta’ ħsieb li jtellef mhux biss lil persuni għomja iżda liċ-ċittadini kollha.”
Bl-istess mod, twieqi mżaqqin ’l barra jistgħu jkunu ta’ periklu għal persuni neqsin mid-dawl. Anke jekk b’kelb, din tista’ toħloq periklu. Il-kelb ma jħarisx ’l fuq waqt il-mixi u allura ma jarax is-saram.
Il-kliem jgħidu li bħaċ-ċirasa. Suġġett iġib lill-ieħor. Tqum l-importanza li l-pubbliku jkun jaf meta madwaru hemm persuna nieqsa mid-dawl. Bastun abjad jindika li l-individwu ma jarax. F’każi li persuna mhux għal kollox għamja l-bastun ikollu faxxi kkulurit.
Hemm numru ta’ pariri oħra.
Kelb li jkun xogħol, fis-sens li dak il-ħin ikun miexi ma’ sidu, importanti li ma jiġix immelles jekk mhux bil-permess ta’ sidu. Waħda mir-raġunijiet hi biex il-kelb ma jkunx imtellef.
Importanti wkoll li ħadd ma jitma’ lill-kelb jekk mhux bl-awtorizzazzjoni tas-sid.
“Il-klieb gwida huma klieb li jitilgħu b’ċerta dixxiplina. Sa mill-ewwel ġranet nibnu rabta intima bejnietna u nidraw il-ħin x’ħin nieklu. Jekk in-nies joqogħdu jitimgħu affarijiet lill-kelb iżid fil-piż u dan itellef mill-aġilità tiegħu,” jispjega.
Nitfu l-kameras u r-raġel jiftakar li ħallejna suġġett barra.
Konvinta li messaġġ f’waqtu fil-bidu ta’ sena ġdida.
“Għandna bżonn persuni li jagħmluha ta’ puppy walkers. Xogħolhom ikun biex għal sena u nofs irabbu kelb ġeru minn tagħna u joħorġuh jimxi kuljum. Ikunu jridu jgħallmuh ordnijiet bażiċi bħal “sit, down, come.”
Kif jispjegalna Stafrace il-Fondazzjoni tipprovdi l-ikel b’xejn kif ukoll il-ħlasijiet marbuta mal-veterinarju.
Wara li jgħaddu dawn is-sena u nofs il-kelb jittieħed Sqallija għal aktar taħriġ. Disa’ xhur wara jiġi lura Malta u jkun jista’ jingħata lill-persuna nieqsa mid-dawl.
“L-2009 għalija kienet waħda sabiħa li ngħatajt lil Macy. Bih f’ħajti l-2010 se tkun aħjar minn dik ta’ qabilha.”
Nieħu b’idejn il-familja u ngħajjat lil Macy u ntarraflu li se mmur. Itir minn fuq is-sufan u ballun dehbi jross ma’ saqajja. Denbu jliegħeb b’ħeffa bil-ferħ u rasu tfissed fil-pala ta’ jdejja. Peress li mhux liebes iċ-ċinga jaf li jista’ jitfissed bla problemi. B’kuntrast għal meta jitlibbes iċ-ċinga. Jisserja u jibda l-ġurnata ta’ ħidma tiegħu.