Editorjal | 27 ta’ Diċembru 2009 Nr 166
Huma u telgħin il-kontijiet tad-dawl u ilma qed jinbidel il-qafas ta’ ċirkostanzi li jaħkmu s-suq tal-enerġija rinnovabbli. Sakemm ma jogħlewx l-ispejjeż kapitali tal-apparat li hu meħtieġ biex tinħoloq din l-enerġija, qed issir dejjem iżjed fattibbli. Fi kliem ieħor se jkun jaqblilna dejjem iżjed naraw nistgħux niffrankaw mill-kont tad-dawl billi ntellgħu solar water heater fuq il-bejt, xi raddiena li tiġgenera l-elettriku jew il-pannelli fotovoltaiċi.
Għad hawn nuqqas ta’ informazzjoni u nuqqas ta’ politika ċara u effettiva li tinkoraġġixxi investimenti bħal dawn. Jekk għadna ma rajniex boom f’dan is-settur ir-raġuni hi li għandna m’għarafniex kif għandna nagħmlu biex nisfruttaw ir-riħ, ix-xemx jew iċ-ċaqliq tal-baħar biex nirbħu parti sew mill-enerġija li għandna bżonn.
Min hu midħla ta’ dan is-settur u jisma’ bl-iżviluppi f’pajjiżi oħra bilfors jibqa’ mbellah meta madwaru jara ftit li xejn minnhom. Fil-bidu ta’ Jannar, bid-dħul fis-seħħ tat-tariffi tad-dawl il-ġodda, Malta tieħu l-primat tal-ogħla kontijiet tad-dawl fl-Ewropa. Kif jista’ jkun li jaqbel lil ħaddieħor li jippromwovi proġetti bħal dawn u f’Malta bqajna tant lura?
Kemm tiġina biex inwaqqfu sistema ta’ self biex kull min għandu bejt tiegħu jkun jista’ jisfruttah b’dan il-mod minnufih? X’qed nistennew?
Jekk bil-kontijiet il-ġodda se nkunu nistgħu nifdu l-ispiża fi żmien iqsar, tkun titlob xi sforz kbir ħafna biex titnieda skema ta’ self u ħlasijiet li fiha l-bank joħroġ il-flus għall-apparat u l-Enemalta tieħu ħsieb il-ħlasijiet skont il-kreditu favur il-klijent tagħha? Bi skema bħal din il-kontijiet tad-dawl ta’ dawk li jidħlu għaliha jittaffew minnufih u mbagħad ikomplu jonqsu hekk kif jonqos id-dejn.
Mal-primat tal-għola kont aktarx għandna l-primat tal-akbar nuqqas ta’ skemi bħal dawn u ta’ inċentivi biex niffrankaw id-dawl. Donna umbrajna s-suġġett u ħallejna sakemm m’għandniex triq oħra qabel ma ħabbilna rasna b’dawn l-isfidi.
Hekk kif nibdew nirrankaw nibdew nagħrfu kemm żbaljajna meta ma tajniex kas ta’ dan is-settur. Minħabba l-mit li ħloqna li hawn nuqqas ta’ djar f’Malta ftaħna l-bieb għall-bini ta’ appartamenti bir-riżultat doppju ta’ numru dejjem jikber ta’ familji li m’għandhomx bejt tagħhom u oħrajn li l-bejt tagħhom spiċċa fid-dell permanenti tal-binja tal-ġirien.
Illum nafu li għandna għexieren ta’ eluf ta’ djar vojta li qatt ma kellna bżonn ngħollu. Issa f’ħafna postijiet sar tard wisq. Għal raġuni jew għal oħra mhux se jkun possibbli għal kulħadd li jiġġenera l-provvista tal-elettriku tiegħu. B’daqshekk ma jfissirx li m’għandux isir kull sforz, ma tingħatax kull għajnuna, biex niffrankaw kemm nistgħu b’dan il-mod. Imissna nieħdu li nistgħu fejn nistgħu.
Għal dawk li ma jistgħux jilħqu xi livell ta’ indipendenza enerġetika minn djarhom jistgħu jinħolqu skemi ta’ investiment fi proġetti komuni. Mingħajr ma joħroġ ċenteżmu l-Gvern jista’ jorganizza proġetti biex jisfruttaw il-potenzjal enerġetiku ta’ postijiet pubbliċi. Min joqgħod f’appartament u m’għandux fejn jarma xi apparat tal-enerġija rinnovabbli jkun jista’ jixtri sehem minn proġett komuni ’l hemm minn daru. L-istess sistema ta’ self u ħlasijiet li semmejna iżjed ’il fuq tista’ tintuża biex tkopri l-investiment. B’hekk min jidħol għal skema bħal din ikun jista’ jorbot l-akkwist mad-dar jew iġorru miegħu jekk ibigħha.
Xejn ma jżomm milli jidħlu investituri kbar fi skemi bħal dawn iżda għandu jsir kull sforz biex jekk jista’ jkun kulħadd jikseb kenn għalih mit-tlugħ u nżul fil-prezz tal-enerġija. Għandna nistennew li l-prezz ma jitbaxxiex ’il quddiem iżjed ma jiskarsa ż-żejt u jogħlew il-penali għall-ħolqien tas-CO2.
Fil-fatt m’hemm xejn li jżomm lill-Gvern milli jidħol għal skemi bħal dawn minnufih billi ma jitolbux li jintefqu flus pubbliċi u għalhekk m’hemmx għalfejn nistennew il-Baġit tas-sena d-dieħla biex jitnedew.
Fl-immedjat għandna quddiemna kontijiet tad-dawl u ilma li jfaqqruna u jagħsru l-aħħar ċenteżmu mill-bwiet tan-nies waqt l-agħar riċessjoni fl-Istorja.
Ma jistax jonqos li dawn il-problemi jaħkmu l-attenzjoni tagħna. Iżda jekk ma nkunux kapaċi ngħollu ħarsitna u nħarsa daqsxejn iżjed fit-tul se nibqgħu nġibu rwieħna bil-mod li wassalna għall-kriżi li qegħdin fiha llum.