MediaToday

Sports | 20 ta’ Diċembru 2009 Nr 165

Bookmark and Share

Meta l-ħajja ma tgħaddix mingħajr l-isport

Wilfred Sultana, sportiv minn plejer għal organizzatur

Mark Attard

Ilu nvolut fl-isport minn età żgħira permezz tal-futbol, midħla u jagħti s-sehem tiegħu fl-isport kollu l-iktar f’dak li għandu x’jaqsam mal-baħar u hu wieħed minn dawk li għandu sehem fi Snooker Promotions, il-kumpanija li għal dawn l-aħħar snin ġabet f’pajjiżna l-aqwa plejers fid-dinja tal-logħba tas-snooker.
Din hi ftit mill-ħajja preżenti li qed jgħix illum il-ġurnata Wilfred Sultana, persuna popolari mmens fiċ-ċrieki tal-isport lokali. Niltaqa’ miegħu t-Tnejn li għadda wara nofsinhar fid-dar tiegħu l-Gżira.
Ikellimni fuq kollox. Fuq it-tfulija tiegħu fil-logħba tal-futbol, l-isport li fi kliemu stess isejjaħlu l-favorit tiegħu. Niddiskutu fuq il-yachting u l-isnooker sakemm id-diskors idur fuq kif inbidlet ħajtu mill-1996 lil hawn meta ħakmitu marda li sal-lum il-ġurnata l-ebda tabib li nvistah ma sab fiex tikkonsisti eżatt.
Wilfred jiftaħ qalbu. Jgħidli li llum sar japprezza ħafna aktar is-sabiħ tal-ħajja. Jispjegali eżatt x’ġara…
“Kelli 47 sena u kulma bdejt inħoss hu li qed nimxi xi ftit ħażin. L-indikazzjoni serja ħadtha meta kont Sheffield għat-tournament tal-isnooker. Dħalt nixtri minn ħanut bil-Visa u meta ġejt biex inħallas marritli l-firma. Tal-ħanut anqas riedet temmini meta għidtilha li ma nafx x’kien tagħni u ma nistax niffirma.
“Sal-lum ħadd għadu ma jaf x’għandi. Mort l-Ingilterra għall-kura u hemmhekk tawni tliet opzjonijiet għal ħajti. Jew tirnexxi l-operazzjoni li kont se nagħmel, jiġifieri ma mmutx, jew immut, jew nibqa’ iblaħ. Daqshekk kienet sitwazzjoni serja għalija. Għamiltha u rnexxiet iżda l-virus li kelli għadu sal-lum ħadd ma jaf x’inhu u llum anqas kura għalih ma nista’ nieħu.
“Ħajti nbidlet ħafna. Sirt napprezza iktar il-ħajja. Eżempju qabel kont nara logħba futbol u meta jitilfu l-Manchester Utd kont noħodha bi kbira. Minn mindu ġrali li ġrali rrealizzajt li fil-ħajja m’hemm xejn ikbar mis-saħħa. Illum naf li jekk jitilfu logħba l-Manchester United mhu se nitlef xejn iżjed milli diġà tlift.
“Illum immur fejn immur irrid l-appoġġ tan-nies. Il-ħajja sabiħa ħafna u hawn ħafna affarijiet sbieħ x’tagħmel.”
Nistaqsih fuq il-kundizzjoni ta’ saħtu fil-preżent. Sultana jidher ħafna aħjar mill-kundizzjoni li pprova jispjegali li kien fiha ftit tas-snin ilu.
“Illum inħossni ħafna aħjar. Xejn xejn neħħejt il-wheelchair. Kelli għajnejja mgħottija u m’għadhiex hekk. Kienu jiġu ħafna ħbieb jarawni fl-agħar tiegħi u kienu joħorġu minn hawn jibku għax ma kinux jifilħuni fl-istat li kont fih. Dan kollu sirt nafu għax illum ninsab fi stat stabbli u qaluli kollox.
“Minkejja dan kollu, ħajti baqgħet ma tgħaddix mingħajr l-isport u issa kemm ili ma niflaħx iktar u iktar. Qed inqatta’ ħafna ħin id-dar u mhux bħalma kont qabel imur kullimkien. Il-marda attakkatni fl-aqwa tal-karriera tiegħi meta kelli 47 sena. “Għaddejt minn żmien diffiċli ħafna kemm jien u kemm il-familja tiegħi miegħi. Kont għaddej fl-aqwa tiegħi u f’daqqa waħda ħajti nbidlet minn lejl għal nhar. Iżda jien bniedem b’saħħti. Il-mard iġiegħlek tkun bniedem b’saħħtek inkella tikkollassa.”
Wilfred Sultana twieled il-Gżira fis-7 ta’ Jannar 1949 u għadu jgħix hemm sal-lum. Miżżewweġ lil Frida Sultana u missier ta’ tliet itfal, Rueben, Ramon u Christabel. Sultana hu eks-rebbieħ tal-unur tal-Isportiv tas-Sena u f’ħajtu ħadem anki bħala Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi mal-Ministru Joe Grima. Iżda kif jgħid hu, ħajtu kienet imdawra dejjem bl-isport.
Sultana ħalla f’idejn ibnu Ramon fejn għandu x’jaqsam Snooker Promotions Ltd, il-kumpanija li torganizza l-Malta Cup tas-snooker u ġġib f’pajjiżna l-aqwa plejers tad-dinja. Minbarra Ramon, Snooker Promotions hemm warajha Joe Zammit, Lawrence Camilleri u Richard Balani.
Jirrakkuntali kif kien spiċċa jagħmel parti minn Snooker Promotions.
“Sirt parti minn Snooker Promotions fl-1992 meta kont Marketing Manager il-Lowenbrau. Kienu ġew fuqi Joe Zammit u Richard Balani u talbuni sponsor għax kienu se jorganizzaw xi tournament f’Malta. Konna wasalna fi ftehim biex il-PR nagħmlu jien u tant kemm hdimna tajjeb li sentejn wara ġew għalija biex nidħol parti minn Snooker Promotion.. L-isnooker logħba sabiħa u hi logħba ta’ ħsieb kbir.”
Inkellmu fuq il-Malta Cup, l-avveniment li jsir f’pajjiżna u li ħafna Maltin qegħdin fuq ix-xwiek biex ikunu jafu hux se jsir fi Frar li ġej.
“Il-Malta Cup avveniment kbir anki mil-lat turistiku. L-aqwa plejers tad-dinja kienu jieħdu pjaċir jiġu f’Malta u magħhom iġibu ħafna turisti mir-Renju Unit. L-istazzjon televiżiv Eurosport kien ixandar 40 siegħa ta’ logħob dirett minn Malta. Ma baqgħetx issir minħabba kwistjoni ta’ sponsor. Kollox jiddependi mill-isponsor. Jekk nilħqu ftehim Malta terġa’ tilqa’ dan l-avveniment.”
Ikellimni fuq Tony Drago, il-plejer professjonali Malti tas-snooker li fl-opinjoni ta’ Sultana u ta ħafna Maltin hu meqjus bħala wiehed mill-aqwa sportiv li qatt ħareġ minn Malta.
“Tony bniedem kariżmatiku u minbarra li plejer kbir inzerta entertainer kbir. Kultant lill-udjenza jagħmel mossa li biha jdaħħakhom. Għandu charm ħelwa ħafna minbarra li hu l-iktar plejer veloċi li qatt ħareġ mid-dinja tas-snooker. Tony bniedem down to earth ħafna. Twieled u trabba l-Belt u baqa’ tifel tal-Belt. Dik għenitu anki llum li m’għadux fit-top 32. Ismu baqa’ popolari ħafna u m’hemmx rokna fir-Renju Unit li ma jafux bih.”
Sultana jkellimni fuq diversi sportivi oħra li matul ħajtu jiftakar li għamlu affarijiet kbar. Jgħidli li hu tal-opinjoni li minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna jħoss li kellna sportivi li għamlu l-mirakli biex għamlu ġieħ kbir lil Malta.
“Diffiċli tgħid liema kien l-aqwa sportiv għax kellna ħafna sportivi tajbin fosthom kif diġà semmejtlek Tony Drago. Jekk nitkellmu fuq futbol ma nistax ma nsemmilekx lil Louis Arpa li kien l-idolu ta’ ħafna.
“Jien kont fil-windsurfing ukoll u kellna lil Peter Bonello. Fl-isparar nara lil William Chetcuti fi klassi għalih. Kellna l-aħwa Ripard fl-ibburdjar li għamlu affarijiet kbar. Aaron Ciantar bħala Champion tad-Dinja fil-power boats ukoll għamel biċċa xogħol kbira.”
Ma’ Sultana nitkellem fuq il-futbol. Jgħidli li minkejja l-ħafna sport li kien fih f’ħajtu l-futbol kien dak li bħal ħafna tfal oħra lagħab minn ta’ età żgħira.
“Naħseb li kont dejjem involut fl-isports minn ċkuniti bħat-tfal tampari. Dak iż-żmien ma kellniex kompjuters u affarijiet oħra biex ngħaddu ż-żmien u ħafna mit-tfal kienu jilagħbu biss futbol. Jien kont nilgħab ukoll. Ma kontx plejer ħażin. Iżda missieri kien bniedem dixxiplinat u kien jgħidli dejjem li hawn Malta bil-futbol ma tikolx. Qatt ma kien jinkoraġġini biex inkompli. Kelli nieqaf u l-iktar li wasalt kien bħala riserva mal-Belt.”
Lejn l-aħħar nitkellmu fuq il-Yachting, l-isport li fil-preżent jinsab attiv fih anki permezz tal-pubblikazzjoni li għadu joħroġ hu bl-isem ta’ Yachting in Malta.
“Iżda xorta bqajt attiv fl-isport u kont bdejt navviċina ruħi aktar lejn sport tal-baħar. Il-Yaughting dħalt fih meta kont Clerk Typist mal-Gvern u ġejt posted il-Yacht Marina. Kont inkun il-Yaught Marina u kienu jiġu ħafna nies barranin jistaqsu informazzjoni fuq ħaġa jew fuq oħra. Kont iddeċidejt li nibda nagħmel pubblikazzjoni oħra li tigwida lil dawk kollha dilettanti. Illum l-ikbar pubblikazzjoni tiegħi hu l-Yachting in Malta. Irrid nibqa’ nagħmlu. Ix-xewqa tiegħi hi li nibqa’ kemm jista’ jkun fl-isport bil-mod li nista’.”
Nesprimi l-opinjoni tiegħi miegħu u ngħidlu li l-isport tal-yachting sabiħ ħafna. “Vera trid il-flus. Iżda jien ngħid ħaġa. Meta tqis li f’Malta għandna 2,000 post fejn isorġi yacht u 90 fil-mija ta’ dawn ikkapparati mill-Maltin turi li aħna poplu żgħir iżda m’aħniex poplu fqir. Dawk yachts biss mingħajr mhu qed ngħoddlok il-kumplament tad-dgħajjes li hawn.”
Wilfred Sultana jirringrazzja lil dawk kollha li kien u għadu jsib l-għajnuna tagħhom matul ħajtu.
“Fil-bidu tal-karriera tiegħi fil-futbol ma nistax ma nirringrazzjax persuni bħal Jo Griffiths, Sammy Nicholl u Johnnie Calleja. Kienu nies li dejjem sibthom warajja u tawni pariri siewja li swewni matul ħajti kollha.
“Iżda mbagħad kien hemm ħafna nies fix-xogħol tiegħi ta’ PR li ltqajt magħhom u tawni appoġġ sħiħ anki jekk għandi xi ftit tad-diffikultà.
“Nixtieq ngħid grazzi wkoll lil dawk kollha li dawn l-aħħar snin sibthom warajja u ta’ għajnuna fl-aktar mumenti diffiċli tiegħi.”

 

 



Il-Milied u l-politika



L-ittra ‘K’



Il-messaġġ li qed iwassal Gonzi


Il-Punt - Angele Deguara
Għażliet personali, impatt globali

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan