MediaToday

Intervista | 20 ta’ Diċembru 2009 Nr 165

Bookmark and Share

Peter Pan u l-Eurovision Song Contest

Alan Montanaro attur u Principal tal-Helen O’Grady Academy jgħid x’wasslu biex jaqbad il-karriera ta’ attur

Harry Vassallo

Ma xbajtx tilbes ta’ mara?
Bdejt b’din il-mistoqsija għaliex Alan Montanaro hu magħruf b’mod partikolari għas-sehem tiegħu fil-pantomima li ttella’ ta’ kull sena l-MADC. Fiha ġieli kellu r-rwol tal-mara grotteska u komika li tkun il-qofol tad-dramm kollu.
“Meta nilbes ta’ mara fil-pantomima ma nagħmel l-ebda sforz biex naħbi li jien raġel. It-trasparenza tar-rwol hi element farsesk ieħor. It-tfal u l-kbar li jġibuhom it-teatru jiddevertu bl-assurdità ta’ ragel liebes ta’ mara. Fl-istess ħin il-karattru jingħata lemħiet lil nies li nafuhom mill-ħajja ta’ kuljum li niggustawhom jew li għandna simpatija għalihom. Il-mara fil-pantomima mhix grotteska biss iżda simpatika wkoll.”
Jinzerta li din is-sena Alan mhux se jilbes tal-mara iżda għandu rwol ieħor fil-verżjoni ta’ Peter Pan li qed tittella’. Hu wkoll id-direttur u jaħlef li ma jerġax għaliex ix-xogħol doppju qed itellfu jħejji sew il-parti tiegħu bħala attur.

Kif qbadt is-sengħa ta’ attur?
Kont mort it-teatru mal-ħbieb. X’uħud minnhom kienu qed jieħdu sehem fil-pantomima dik is-sena u mal-ewwel ħassejtni mħajjar li nieħu sehem jien ukoll. Kien hemm min inkoraġġini u ħaġa ġġib lill-oħra sibt ruħi nirreċta fuq il-palk. Mhux biss iżda wara sena jew tnejn bdew iqabbdu lili biex nikteb id-dramm.

Il-pantomima tinkiteb mill-ġdid kull sena. Għaliex?
Din parti mit-tradizzjoni. Nieħdu ħrafa magħrufa bil-karattri mfassla bil-lest u naddattawha għall-iskopijiet tagħna. Jista’ jkun li l-kummiedja ma jkollha xejn x’taqsam mar-rakkont tal-ħrafa famuża u l-mod kif inbiddlu l-karattri jagħmel parti mill-kummiedja billi kulħadd jaf x’kienu l-karattri oriġinali.

L-udjenza għall-pantomima jkun fiha nies ta’ kull età, ħafna minnhom li qatt ma jmorru t-teatru ħlief għall-ħabta tal-Milied meta tittella’ l-pantomima, kif jirnexxielkom tiġbduhom?
“Il-pantomima hi kummiedja li hi mmirata għat-tfal u trid tkun tiftiehem li ddaħħak u tiddeverti lit-tfal żgħar. Fin-nisġa tad-diskors, tal-ġesti u tar-rakkont jidħlu ħwejjeġ oħra li t-tfal ma jindunawx bihom li jkunu mmirati għaż-żgħażagħ u l-kbar li jkun ġew it-teatru bl-iskuża tat-tfal.
Ħassejtni qed nagħmel suċċess meta kitbitli waħda mara u ferħitli billi qaltli li tiġi għall-pantomima mal-familja tagħha kollha, jiġifieri bin-nanniet u n-neputijiet u ż-żgħażagħ, u li kulħadd jieħu pjaċir. Qaltli li ma sabitx divertiment ieħor bħall-pantomima li tgħaqqadhom b’dan il-mod.

Kif daħlet fostna din it-tradizzjoni Ingliża?
Saret l-ewwel darba xi 30 sena ilu u baqgħet dejjem tikber. Illum hemm ħaddieħor li jtella’ pantomima, mhux l-MADC biss. Aħna naqqasna l-ġranet li ntellgħuha u b’din il-kompetizzjoni ġdida b’kollox in-numru ta’ nies li jkollna baqa’ dejjem jiżdied.
Saret tradizzjoni tal-familji Maltin u mhux biss għaliex hemm min trabba fit-tradizzjoni iżda għaliex il-mod kif nagħmluha aħna ma jagħmilhiex ħaddieħor.
Aħna nisfruttaw elementi Maltin bħall-interess qawwi fil-Eurovision Song Contest li sar tema li tissemma fil-pantomima tagħna. Minkejja li tittella’ bl-Ingliż ħarrabniha mit-tradizzjoni Ingliża u meta tqabbel il-pantomima f’Malta ma’ dawk li jittellgħu fl-aqwa teatri fl-Ingliterra ssib li tagħna fiha xejra Mediterranja, fiha iżjed vivaċità u kuluri.”

Tagħmel ħafna flus bħala attur?
L-atturi f’Malta huma kollha dilettanti fis-sens li l-ħlas li jieħdu hu nominali. Hi n-namra tal-palk li żżommna għaddejjin. Il-gruppi teatrali Maltin m’għandhomx sussidji u jridu jiffaċċaw spejjeż kbar. Kieku ma kinitx id-dedikazzjoni ta’ ħafna u ħafna nies bejn atturi u dawk is-snajja’ kollha li jappoġġaw dramm jew kummiedja kieku m’għandniex teatru f’Malta. Minkejja dawn id-diffikultajiet għandna talenti kbar mhux biss Maltin iżda wkoll ta’ barranin li ġew joqogħdu Malta u li jgħinuna fil-kostumi jew biex niddisinjaw is-sett u anki fl-irreċtar.

Min jitħajjar jaqbad din it-triq x’għandu jagħmel?
Illum hawn ħafna opportunitajiet, ħafna gruppi teatrali. Ilkoll ikunu jridu talent ġdid. L-aħjar li wieħed jingħata xi parti żgħira biex iduq l-atmosfera tat-teatru. Il-pantomima hi post tajjeb biex tagħmel hekk. Jekk tkun togħġbu jibda jitħarreġ fis-sengħa ta’ attur u min juri talent illum għandu l-opportunità li jirbaħ xi scholarship biex jikseb taħriġ apposta barra minn Malta.

Is-sengħa ta’ attur tgħin fil-ħajja li min ikun għamel xi żmien fiha?
Ngħid għalija tatni direzzjoni u interess li niżviluppa talent, għenitni ħafna b’dan il-mod. Illum, apparti l-attività teatrali matul is-sena, qed immexxi l-Helen O’Grady Academy li hi franchise internazzjonali maħsuba biex trawwem iż-żgħażagħ permezz tat-teatru u tagħtihom snajja’ u fiduċja fihom infushom lil hemm mill-palk.

It-teatru għandu storja twila ġejja mill-antikità. Fi żminijiet moderni kellu sehem importanti biex iqajjem diskussjonijiet fuq temi importanti. Għad baqagħlu x’jagħti?
It-teatru mhux kummiedji biss u kapaċi jaffronta temi jaħarqu jew jisfida d-drawwiet. Minkejja l-baħar ta’ films u reċti fiċ-ċinema u t-televiżjoni li jarahom kulħadd, hu t-teatru li joħloq agħa fil-pajjiż meta jaħbat mal-limitu taċ-ċensura.
Jekk jiċcensura xi produzzjoni televiżiv importata lanqas biss ma nsiru nafu. Aktarx minħabba li t-teatru f’Malta hu frott ta’ volontarjat u passjoni meta tinqala’ xi kwistjoni ta’ ċensura ssir reżistenza qawwija bħal ma rajna fil-każ tad-dramm Stitching. Bis-saħħa ta’ reċta nispiċċaw niddiskutu affarijiet importanti bħalma hu d-dritt tal-espressjoni.

Għalhekk baqa’ ħaj it-teatru minkejja l-kompetizzjoni tal-films u tat-televiżjoni?
Meta wieħed jiġi biex jara u jisma’ reċta għall-ewwel darba jsib li għandu nies tad-demm u l-laħam quddiemu. Il-ħila tal-attur fuq il-palk taraha quddiemek dak il-ħin u t-tensjoni li tinħoloq hi ħaġa għaliha li qatt ma tinħass f’produzzjoni rrekordjata u mxandra.
Hemm ukoll ir-relazzjoni bejn l-atturi u l-udjenza. Qatt ma rreċtajt għall-film u ma nistax inqabbel id-diffikultà li tirreċta quddiem kamera. Nista’ ngħid biss li għalija hu importanti ħafna li jkolli udjenza quddiemi u li tista’ tħossha tirreaġixxi għal dak li jkun għaddej fuq il-palk.

Missierek Anthony hemm min jiftakru bħala l-Editur tas-Sunday Times. Kien japprova l-karriera tiegħek fuq il-palk?
Missieri kien jieħu interess mhux biss f’dak li kont nagħmel jien iżda kien jagħtini l-apprezzament tiegħu tax-xogħol li nkunu tellajna kollu kemm hu. Iżjed milli jikkummenta fuq ir-reċta tiegħi jew ta’ ħaddieħor kien jorbot kollox flimkien u jikkummenta fuq il-kummiedja jew id-dramm bħala xi ħaġa sħiħa.
Niftakar li meta mort nilmenta miegħu li xi kritiku tat-teatru kien ħaqarni jew ħallieni barra f’xi artiklu fil-gazzetta li kien imexxi hu kien qalli biex ma neħodhiex bi kbira wisq.
Qalli: ‘Ftakar li għadu ħadd m’għamel monument ghal xi kritiku”.
Meta kont nilmenta miegħu li kont trabbejt nitkellem bl-Ingliż u għalhekk il-Malti tiegħi qatt ma ġie f’tiegħu, kien jgħidli “B’daqshekk m’initix anqas Malti minn ħaddieħor u jekk m’intix għal kollox bħall-Maltin sħabek qed iżżewwaq mhux ittellef lis-soċjetà tagħna.”
Alan jgħid li qatt ma kienet tinteressah il-politika bl-iċken mod u b’hekk isir kandidat ideali għall-intervista tagħna għal żmien il-Milied. Madankollu l-ħidma tiegħu fil-qasam tat-teatru, meta jifqagħna bid-daħk bil-kitba tiegħu, jinbixna minħabba d-difetti tagħna jew iqajjem xi tħassib jew diskussjoni b’xi produzzjoni drammatika hi l-politika bil-p żgħira, l-iżjed politika sinċiera għax lanqas ma tagħraf lilha nfisha. Bħal oħtha l-kbira jrid ikun fiha minn kollox biex taħdem sew. Alan jagħti sehmu u ma nistgħux nitolbu iżjed minn hekk.

 

 



Il-Milied u l-politika



L-ittra ‘K’



Il-messaġġ li qed iwassal Gonzi


Il-Punt - Angele Deguara
Għażliet personali, impatt globali

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan