Intervista | 13 ta’ Diċembru 2009 Nr 164
Harry Vassallo jintervista lill-Perit Renato La Ferla
Żbukkat u intolleranti, Renato La Ferla llum jgħodd it-83 sena. Bħal ħafna nies tal-ġenerazzjoni tiegħu għandu opinjonijiet qawwija u ma jiddejjaqx jesprimihom. La Ferla ma stenniex biex jirtira biex ifisser fehmietu. Minn dejjem kien hekk.
Bħala kandidat tal-PN fl-elezzjonijiet tal-1976 u tal-1981 sar kittieb prolifiku fil-ġurnali tal-partit u fi kliemu stess il-kitba tiegħu kienet provokanti.
“Darba minnhom Ġorġ Borg Olivier kien qalli biex meta nikteb l-artikli tiegħi nuża l-inka mhux il-velenu,” qal La Ferla b’nofs daħka.
Ma kinitx ċajta l-bomba li tqiegħdet wara l-bieb tiegħu.
“Kont ktibt żewġ artikli nikkritika lill-Perit Mintoff b’mod li seta’ jifhimni sew ukoll jekk ħaddieħor ta’ madwaru, jew min qara l-artikli, ma setax jifhimni sew. Ma ngħidx li Mintoff qabbad lil xi ħadd biex jagħmilli l-bomba iżda seta’ ġara bħal fil-każ ta’ Thomas à Becket meta r-Re Enriku II staqsa, “Min se jeħlisni minn dan il-qassis turbolenti?” u kien hemm min mar joqtlu meta r-re ma riedx jasal s’hemm.”
Ir-riżultat tal-bomba kien li La Ferla għamel għeluq tal-ħadid mal-aperturi tad-dar fejn joqgħod u ngħata raġuni qawwija biex ikompli bil-kitba tiegħu. Minkejja din il-ħruxija fid-diskors u l-fatt li kien sab ruħu membru fl-Eżekuttiv tal-partit għal xi żmien, La Ferla bilkemm jgħodd ruħu Nazzjonalist jew partiġġan:
“Kont dħalt għall-politika biex nirreżisti t-tirannija ta’ żmien Mintoff u mhux għax kelli xi rabta mill-qrib mal-PN. Fl-1972 kont ilħaqt għamilt 23 sena naħdem bħala perit mal-Gvern u taħt Lorry Sant is-sitwazzjoni saret intollerabbli. Ir-reżistenza ma kinitx politika iżda bħala union tal-periti. Jien qlajt transfer għal Għawdex u uffiċjali oħra tal-union fid-Dipartiment tax-Xogħlijiet spiċċaw sparpaljati b’mod li ma stajniex naħdmu.”
Madankollu kien il-Perit Mintoff li kien daħħlu mal-Gvern fl-1948:
“Konna għadna studenti u mħassbin kif se naqbdu x-xogħol meta niggradwaw u kienu bagħtuni nkellem lil Mintoff li kien Ministru tax-Xogħlijiet. Ma kienx staqsiena x’nafu u ma nafux iżda nnegozja magħna biex ma nitolbuhx paga għolja: ‘Int mhux perit bħali?’ kien staqsieni.
“Mintoff fis-snin 70 ma kienx l-istess Mintoff li kont sirt naf qabel.”
Fost ix-xogħlijiet tal-Perit La Ferla meta kien beda jaħdem mal-Gvern insibu l-iskola tal-Furjana jew il-parti moderna li hemm fit-tarf tal-ġnien tal-Mall u l-iskola tal-Imsida.
“Meta nbniet l-iskola tal-Msida ma kien hemm xejn madwarha u fil-fatt ħadna ħsieb li nżommu s-siġar li sibna jikbru hemm. Il-ħsieb kien li nibnu skola li tilqa’ t-tfal u tikser il-kultura li l-iskola kienet xi xorta ta’ kastig.
“Dik tal-Furjana kienet se tinbena f’kuntest ieħor: ħdejn il-knisja ta’ Sarria u bejn il-ġonna tal-Mall u tal-Argotti. Kienet titlob kwalità ta’ disinn għoli u fl-istess waqt li ma tħarbattx l-ambjent tagħha. Il-kuluri oriġinali kienu l-abjad u l-aħdar biex toqgħod sew mal-ambjent imsaġġar tal-ġonna. Il-kuluri ntużaw fl-iskola tal-Msida biex jiddistingwi klassi minn oħra”.
Ironikament l-iskola tal-Imsida li nbniet b’mod li tħares is-siġar tal-post ma setgħetx titħares bl-istess mod meta nbniet it-Triq Reġjonali.
“Meta għaddew it-triq twaqqgħu l-lavatory blocks ta’ parti minnha u reġgħu nbew b’mod li jagħlqu d-dawl għal xi żewġ klassijiet. Jista’ jkun li ma setax isir mod ieħor. L-iskola tal-Furjana sarulha tibdiliet ukoll: bnew fuqha, inbena taħtha fejn kienet miftuħa u fuq il-kolonni. Saret rovina sħiħa”.
Skola oħra hi dik li nafuha bħala t-Technical School tan-Naxxar. Il-Perit La Ferla ma kellux sehem fil-bini tagħha iżda jista’ jirrakkonta l-isfond li wassal biex tinbena.
“Il-Gvern kien xtara l-art biex isir sptar. Għall-ewwel il-ħsieb kien li jinbena sptar biex jieħu post l-isptar għall-mard tas-sider magħruf bħala l-Connaught fl-Imdina. Kont intbgħatt l-Ingilterra u għamilt xi tliet xhur niltaqa’ ma’ periti u ndur l-isptarijiet ġodda li kienu qed jinbnew. Madankollu instab li ma kienx hemm bżonn ta’ sptar bħal dak minħabba li l-mard tat-tuberkulożi kienet instabet kura għalih u seta’ jingħata trattament għalih fl-isptar ġenerali.
“Il-proġett inbidel fi proposta biex jinbena sptar ġenerali ieħor ta’ 500-600 sodda biex jieħu parti mill-piż li diġà kien waqa’ fuq l-isptar San Luqa. B’din il-bidla fil-pjan inħass li kellu jiddaħħal espert barrani u ġie mill-Ingliterra ċertu Powell li kien kiseb fama fil-bini tal-isptarijiet. Meta ra x’kont fassalt jien qalilhom li ma kienx hemm bżonn il-konsulenza tiegħu.”
“Dan kien għall-ħabta tal-integration u meta din ma seħħitx u lanqas il-finanzjament għall-iżvilupp li kien marbut magħha, l-idea li jinbena sptar ieħor sfumat fix-xejn.”
Madankollu r-rispett li kien kiseb minn Powell servieh sew:
“Meta applikajt għal Fulbright Scholarship fl-Istati Uniti r-rakkomandazzjoni ta’ Powell kienet għenitni. Għamilt sentejn f’Yale University li hi università magħrufa fid-dinja taħt arkitett ta’ fama kbira, Paul Rudolph.
“Rudolph għamel sitt snin jgħallem fil-Yale School of Architecture u hu l-iżjed magħruf għall-binja tal-Yale School of Art and Architecture.
“Rudolph kien jiġi kull jum biex jara x’konna qed nagħmlu u naħseb li tgħallimt xi ħaġa mingħandu.”
Fost il-binjiet tiegħu f’dan il-kamp La Ferla jsemmi t-Taqsima tal-X-Ray fl-Isptar San Luqa.
“Kien hemm maħsub ukoll li jinbena sptar għat-tfal li jkun jaqbad mal-isptar permezz ta’ pont. L-isptar li ppjantajt kien ibbażat fuq l-aħħar żviluppi fl-Ingilterra u bir-rekwiżiti rigward servizzi li jintalbu meta jiġi biex jinbena sptar bħal dan fl-Istati Uniti. Fil-fatt l-Isptar Karen Grech li nbena f’dak il-post ma jsegwix id-disinn tiegħi għalkemm il-pont li kont ħsibt għalih inbena”.
Għandu kritika qawwija għall-isptar Mater Dei:
“Ħaġa kurjuża li ħadd ma jistaqsi min hu li ddisinja dan l-isptar. Fil-fatt hu prodott standard tal-iSkanska u tqabbad perit biex jagħmel l-affarijiet kosmetiċi. Kien dan il-perit li stqarr li stagħġeb li talbuh jaħdem fuq sptar meta ma jifhimx fis-suġgett. Lili ma kellmunix”
L-ewwel kritika tiegħu hi għat-tul tal-kurituri u għalhekk għad-distanzi li jkollhom jimxu t-tobba u l-infermiera biex jaqdu d-dmirijiet tagħhom iżda: “l-kritika prinċipali tiegħi hi għall-fatt li n-nursing stations huma ’l bogħod mis-swali. F’San Luqa n-nursing station hi fil-ward stess u għalhekk il-ħin li hemm bżonn biex tingħata xi għajnuna li jkun hemm bżonn hu iqsar. Il-problema ta’ San Luqa kienet l-iffullar.”
Staqsejtu dwar ir-regolamentazzjoni tal-permessi tal-iżvilupp: “It-twaqqif tal-MEPA kienet idea tajba in prinċipju iżda fil-prattika spiċċajna agħar milli konna.”
Jagħti eżempju bil-każ tal-bini ta’ Victor Scerri fil-Baħrija: “Rajt il-programm Xarabank fejn urew li l-applikazzjoni kienet waħda għar-restawr ta’ bini li kien hemm qabel. Dan urewh ukoll. Meta tirrestawra ma żżarmax kulma jkun hemm u tagħmel ħofra fl-art. Il-MEPA kellha tirrifjuta applikazzjoni għar-restawr bħal din.”
Laqtu wkoll id-diskors li għamel Robert Musumeci, il-perit ta’ Scerri:
“X’jiġifieri li l-perit jagħmel minn kollox biex jaqdi lill-klijent tiegħu? Il-periti għandhom dmirijiet etiċi lejn il-komunità wkoll u jekk il-klijent irid jagħmel xi ħaġa li mhux suppost il-perit m’għandux jgħinu.”
Tkellimna wkoll dwar il-proġett ta’ Bieb il-Belt li kienu saru diversi tentattivi biex isir. “Kien sar konkors li kienu ħadu sehem fih numru ta’ periti u skont ir-regoli tal-International Union of Architects (IUA) ma setax jieħu sehem fil-konkors min ikun fassal il-kundizzjonijiet tal-konkors. Fil-fatt l-IUA kienu rrifjutaw li jkollhom rappreżentant fuq il-bord meta din il-kundizzjoni ma ġietx rispettata. Perit ħabib tiegħi kien qal li qed jirrappreżenta lill-IUA fuq il-bord u minħabba f’hekk inqalgħet waħda kbira u l-IUA kienet se tirtira r-rikonoxximent tagħha lill-professjoni f’Malta.
Barra minn dan l-offerti kellhom isiru b’mod li ma ntgħarafx min kien għamilhom. Meta mort għall-wirja tad-disinji li kienu saru ltqajt mal-Perit Michael Falzon li kien irrimarka li pjanta minnhom kienet iffirmata minn designer magħruf li jaħdem għal ditta minnhom. Minkejja dan ħadd ma kien ġie skwalifikat.
Bil-maqlub, il-bord immexxi minn Peter Serracino Inglott kien irrifjuta l-offerti kollha iżda rrakkomanda li minnhom kollha proprju dak li kien identifikabbli jintalab jagħmel disinn jekk tinħareġ talba għall-offerti offerti oħra. B’ironija kbira f’konkors ieħor li kien sar għal dan il-proġett kien ġie eliminat il-perit famuż Rogers li kien sieħeb Renzo Piano fil-bini tal-Pompidou Centre f’Pariġi għaliex instab li kien hemm timbru tad-ditta tiegħu fuq l-envelop tal-offerta.”
Dwar il-proġett li hemm bħalissa La Ferla hu wieħed mill-ftit periti li ma jurix entużjażmu kbir:
“Bħalissa hawn nuqqas kbir ta’ proġetti u Piano kellu bżonn li jħaddem in-nies tiegħu fl-uffiċċji li għandu f’Pariġi, Genova u Tokyo. Naħseb li għalhekk kien lest jerġa’ lura għal dan il-proġett u jagħmel li talbuh.”
Ħassejt li f’dan il-każ il-Perit La Ferla ma riedx jgħid kollox. Forsi ħass li jekk ma jaqbadx iċapċap kemm jiflaħ bħal ħaddieħor ikun biżżejjed. F’każi oħra ma qagħadx lura. Kien semmieli “it-tirannija fi żmien Mintoff” u li “Lorry Sant kien pastażun” Semmieli wkoll it-tmiem tal-kontribut tiegħu għall-kawża tal-PN:
“Kien semmieli xi ħaġa xi ħadd u ktibt artiklu ngħid li Mintoff kellu ftehim mal-Ġermaniżi biex iżomm il-pagi baxxi fil-fabbriki tagħhom f’Malta. Qaluli ma niktibx iżjed u qatgħuni ’l barra.”
Aktarx li b’hekk La Ferla reġa’ kiseb il-libertà sħiħa li tant jgħożż iżjed milli nfatam minn xi partit li kien il-bidu u tmiem ta’ kollox għalih. Meta staqsejtu kif jara l-ġejjieni ma weriex li qed jistenna affarijiet kbar:
“In-Nazzjonalisti saru iżjed Soċjalisti mis-Soċjalisti u l-Laburisti iżjed moderati min-Nazzjonalisti. Naħseb li jkomplu kif sejrin bħalissa.”