MediaToday

Intervista | 06 ta’ Diċembru 2009 Nr 163

Bookmark and Share

Il-wirt storiku li jagħmilna li aħna

Harry Vassallo jintervista lil Ray Bondin

Meta jidher fil-pubbliku Ray Bondin jagħti l-impressjoni li jieħu l-affarijiet bis-serjetà mhux biss bħala bniedem kapaċi fil-qasam tiegħu iżda bħala bniedem li jinkedd. Id-dilettantiżmu u l-injoranza ppremjata mhux biss idejquh iżda joffenduh. Meta tiltaqa’ miegħu l-ewwel diskors ikun dwar xi ħaġa serja, xi sfida jew xi problema li għandna naffrontaw.

Taħt dik il-maskra ta’ serjetà u protokoll korrett hemm bniedem b’sens ta’ umoriżmu li joħroġ bħala sorpriża għal min ikun tqarraq mill-ewwel dehra. Wiċċu jinbidel għal kollox u jikxef li t-tikmix f’wiċċu ma sarx bit-tħassib u l-inkwiet biss iżda ukoll bid-daħk u t-tbissim.
Meta staqsejtu min hu Ray Bondin qabad jgħidli l-istorja tiegħu, jirrakkonta l-ħidma tiegħu. Ma kienx dak li ridt inkun naf. Wara ftit waqqaftu u reġġajtu lura għall-mistoqsija.
Għal mument tfixkel. Ma kienx qed jistenna mistoqsijiet hekk personali. Jista’ jkun li ħadd ma kien staqsihielu qabel u t-tweġiba għaliha qatt ma tkun fuq il-ponta ta’ lsienek. Ray Bondin u l-ħidma tiegħu huma ħaġa waħda: ipprova jfissirli kif qabad it-triq li wasslitu fejn wasal illum.
“Jien ridt insir perit u l-papà riedni nsir avukat għax kien imdaħħal fil-politika u ħass li l-professjoni tgħin ħafna biex tagħmel karriera fil-politka. Kien it-taħwid fil-Junior College li fl-aħħar mill-aħħar iddeċieda għalina. Ma flaħtx għall-ġiri bejn l-Università l-Qadima u l-Evans Laboratory biex inlaħħaq mal-lectures u qtajtha li nistudju l-Istorja. Kien suġġett li minn dejjem kien għal qalbi.”
Gradwat fl-Istorja f’nofs is-snin 70 ma kienx se jkun minn tal-ewwel li jsib ix-xogħol. Biex tkompli tagħqad Bondin ħareġ kandidat mal-PN fl-1976 fl-età ta’ 20 sena. Meta mar ifittex ix-xogħol bħala għalliem fi skola privata s-surmast kien qallu “titlobni xejn għax biżżejjed għandna nkwiet.”
Tkellimna dwar dak iż-żmien imbiegħed u l-wirt tiegħu llum: “Laqatni dak li kiteb Dominic Fenech illum (nhar il-Ħamis li għadda). Jidher li mhux kapaċi jifhem kemm għad hawn nies li nbidlitilhom ħajjithom minħabba dak li għaddew minnu.
“L-agħar esperjenza ta’ vjolenza politika li kelli ktibt dwarha f’ittra ta’ tifkira fl-okkażjoni tal-mewt ta’ Pawlu Aquilina. Kien ħass li kellu dritt jagħmel corner meeting quddiem id-dar tiegħu l-Marsa. Kont wieħed mill-kelliema dakinhar flimkien ma’ Guido de Marco u n-Nutar Cachia. L-20 sostenitur Nazzjonalist li tfaċċaw għalih ma kienu xejn meta mqabbla mal-folla Laburista mgħaddba għalina li kien hemm. Il-meeting ma tħalliex isir u l-Pulizija ma felħitx għal-Laburisti. B’diffikultà kbira u b’kuraġġ irnexxielhom iħarrbuna. Aquilina patta qares u għal snin twal billi l-ġirien tiegħu ħassew li kien sfidahom.”
Fenech fil-kitba tiegħu semma l-proċess ta’ rikonċiljazzjoni li seħħ fl-Afrika ta’ Isfel u fir-Rwanda wara l-ġlied aħrax li seħħ f’dawn il-pajjiżi. Mingħajr ma kont naf x’kiteb Fenech semmejt dawn il-proċessi ta’ rikonċiljazzjoni lil Bondin:
“Iva, m’aħniex kapaċi niffaċċjaw l-istorja tagħna bħalma għamlu dawn il-pajjiżi. Jista’ jkun li hemm bżonn li tingħata maħfra ġenerali biex insiru nafu sew x’ġara u ma ġarax u fl-aħħar naqblu dwar l-iżbalji li saru biex flimkien nitgħallmu minnhom u ma nħallux li jinħolqu fantasiji oħra dwar l-Istorja ta’ pajjiżna. Hemm bżonn li din l-Istorja tingħalaq u ma nibqgħux inkaxkru dawn it-truf u mistoqsijiet warajna.” Bondin kien qed jgħid għas-snin 70 u 80 iżda mhux għalihom biss:
“Għadna m’għamilniex tagħna l-Istorja tagħna stess. Niddejjaq meta nisma’ min jgħid li l-Kavallieri bnew is-swar. Is-swar inbnew fi żmien il-Kavallieri iżda mill-ilsiera u bilfors bil-ħidma ta’ ħafna u ħafna Maltin. Hi ħaġa tal-mistħija li għadna ma ddokumentajniex b’riċerka kif jixraq il-ħajjiet ta’ Maltin li ħallew wirt importanti warajhom f’kull kamp.”

Il-bidu tal-karriera
Fl-1982 Bondin kien kiteb ktieb bl-isem ‘Rivalutazzjoni tal-Belt Valletta’ li kien qabbdu t-triq li wasslitu għal ħidma twila fil-qasam tal-ħarsien tal-wirt storiku.
Għandi nobsor li fi żmien meta l-politika kienet taħraq tant, kellhom paladin prezzjuż f’Bondin. Meta nqaleb il-Gvern fl-1987 u twaqqaf il-Kumitat għar-Rijablitazzjoni tal-Belt Valletta (Valletta Rehabilitation Committee) Bondin beda jaħdem fih bħala konsulent part-time. Kienet l-elezzjoni tal-1992 meta ġab numru sew ta’ voti iżda ma telax li daħlet fih ir-rieda qawwija li jintefa għax-xogħol ta’ ħarsien tal-wirt storiku.
“Minn dakinhar inqtajt mill-politika tal-partiti u impenjajt ruħi bi sħiħ fir-rijabilitazzjoni tal-wirt storiku.”
Kellu fejn jimraħ.
“Fl-ewwel snin kienu l-emerġenzi li jiddettawlna l-prijoritajiet: il-faċċata ta’ San Ġwann li bdiet tmil, is-saqaf tal-Palazz li kien joqtor meta tagħmel ix-xita. Saru avvanzi kbar. Illum forsi wieħed jista’ jagħżel il-prijoritajiet iżjed bil-kalma. Bix-xogħol li sar s’issa rbaħna wkoll ċertu domino effect: hemm x’turi u n-nies għandha kuxjenza aqwa ta’ dan il-wirt u b’hekk titqawwa r-rieda politika li jsiru iżjed xogħlijiet.”
Iżda lanqas ma jikkuntenta:
“Għad baqa’ ħafna x’isir: insemmi biss il-qagħda ta’ Sant Iermu u Sant’Anġlu. Hemm wirt storik
mill-akbar li mhux fil-Belt jew l-Imdina u li ma jingħatax l-attenzjoni li jixraqlu.”

L-isparpaljar tar-riżorsi
It-tħassib tiegħu mhux għal dik il-pittura jew għal dak il-forti:
“Hemm wisq sparpaljar ta’ riżorsi u nuqqas ta’ viżjoni globali biex nieħdu l-iżjed li nistgħu minn dawn ir-riżorsi li qatt ma huma biżżejjed. Għandna l-Kumitat ta’ Garanzija u s-Sovrintendenza tal-Wirt Storiku li hu r-regolatur fis-settur u Heritage Malta li taħdem bħala operatur tal-Mużewijiet. Funzjonijiet oħra huma tal-Mepa u aġenziji oħra.
“Dan l-aħħar smajna li l-Ministru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali se jniedi Mużew dwar is-Swar. Dan xogħlu? Min għandu jkun li jmexxi politika dwar il-mużewijiet, jippjana għall-mużewijiet li għandna bżonn b’mod professjonali? Nieħu gost nisma’ li se jintefqu €35miljun fir-restawr tas-swar iżda kien ikun sodisfazzjon akbar kieku dan kien se jsir b’rabta ma’ prijoritiajiet tekniċi. Fil-fehma tiegħi Heritage Malta għandu jkollha l-inkarigu u s-saħħa li tfassal dawn il-pjani u torbot ir-riżorsi kollha flimkien f’ħidma waħda.”
Semmieli li Ministru ħabib tiegħu kienet żelqitlu li għandna wisq wirt storiku. Bondin kien merih pubblikament u l-ieħor kien ħa għalih.
“Qatt ma jista’ jkollna wisq. F’pajjiż li għandu ftit riżorsi naturali għandna nkunu grati li għandna riżorsa bħal din u għalhekk għandna noqogħdu tant attenti kif nisfruttawha.”
Fl-istess ħin ma jarax il-wirt storiku bħala għajn ta’ dħul biss jew li għandna ninvestu fih biss skont kemm naqilgħu minnu immedjatament.
“Il-wirt storiku tagħna m’għandniex narawh bħala oġġett li jiġbed lit-turisti biss iżda parti importanti biex jgħinna nkunu Maltin, ngħixu fih, madwaru u bih, jagħtina l-karattru tagħna u jibqa’ l-aqwa xhieda tal-Istorja li sawritna: ġid speċjali li nistgħu ngħaddu lil min jiġi warajna.”

Awtorità fil-livelli internazzjonali
Dan l-impenn fit-tul ta’ Bondin ħalla frott mhux biss f’Malta:
“Kont nieħu l-inizjattiva biex nattendi konferenzi internazzjonali f’dan il-qasam u bdejt nieħu responsabbiltajiet dejjem akbar. Illum ġieli nistagħġeb li rnexxieli nasal sa fejn wasalt. Għadni kemm nerġa’ nintgħażel biex inkun il-President għas-seba’ sena konsekuttiva tas-CIVVIH, il-Kumitat Internazzjonali tal-Ibliet u l-Irħula Storiċi li hu kumitat xjentifiku mill-iżjed awtorevoli fid-dinja. Ħadt sehem fil-valutazzjoni u monitoraġġ ta’ bliet storiċi u għent biex oħrajn jieħdu għarfien bħala parti mill-wirt storiku dinji fosthom iċ-ċentru ta’ Liverpool, l-ibliet fil-Val di Noto u Baku fl-Ażerbajġan. Din is-sena tqabbadt bħala konsulent mill-gvernijiet tal-Ġappun, tal-Portugall u dak
Tork dwar bliet tagħhom li riedu jieħdu dan l-għarfien.”
Aktarx li l-għarfien li kiseb barra minn xtutna jixprunah biex ma jiskotx f’Malta meta jara xi ħaġa sejra żmerċ. Ġieli rajnieh isir persunaġġ skomdu meta jikkritika lil xi awtorità jew figura politika. Iħoss id-dmir u d-dritt li jfisser fehmtu. Dan l-aħħar daħal f’kontroversja dwar l-istatus tal-Belt Valletta minħabba l-iżvilupp li sar f’Tignè.
“Iżjed minn hekk il-Gvern għadu ma qediex l-obbligu tiegħu li jiddikjara buffer zone madwar il-Belt li hi waħda mill-ftit ibliet fid-dinja li tgawdi l-istatus ta’ belt fit-total tagħha li tagħmel parti mill-wirt dinji. F’ħafna każi jkun iċ-ċentru biss li jgawdi dan l-istatus. Fl-Italja kollha l-belt ta’ San Gimignano biss tgawdi status bħal tal-Belt Valletta.”
Irid u ma jridx Bondin iħares lejn ix-xogħol tiegħu bl-isfond internazzjonali f’dak il-qasam li ħafna minna m’aħniex midħla tiegħu. Filwaqt li l-apprezzament tiegħu tal-wirt storiku tagħna jgawdi minn dan il-paragun, iġiegħlu wkoll jiddispjaċih iżjed meta ma nilħqux il-livelli li nistgħu nilħqu minħabba ċirkostanzi li jtellfuna: “Nieħdu l-kritika bħala nuqqas ta’ lealtà. Saret parti mill-kultura tagħna minħabba l-insigurezza tal-partiti politiċi li ilhom ras imb ras għal tant snin. Minflok ittaffiet issaħħet u tkompli toħloq ostaklu biex inkunu nagħtu widen għall-kritika, nisimgħu b’ideat ġodda u nieħdu vantaġġ mill-kontribut ta’ kulħadd.” Bħala eżempju jsemmili l-pavimentar f’Pjazza San Ġorġ li se tkun inawgurata llum:
“Se jkun avvanz sew u se jintlaqa’ sew ukoll iżda ma ntlaqgħetx il-kritika ta’ esperti u professjonisti u mhux se jilħaq il-livelli għoli ħafna li seta’ jilħaq.”
Bħal ħafna nies li kellhom l-esperjenzi tiegħu m’għandux tama li se seħħ xi bidla kbira malajr biex jinħallu għoqod mentali u kulturali bħal dawn. Għall-mistoqsija tiegħi jweġibni bi tbissima mħawra bid-diqa ta’ min jixtieq jara l-Malta tilħaq l-ogħla livelli fil-qasam tiegħu u jaf li aktarx li ma tilħaqhomx b’kapriċc, minħabba l-pika u l-biża’ mill-kritika.

 

 



Carmelo M. Bonnici
It-tmiem li jitlob riflessjoni



Joe Ellis
Mhux kull ma jleqq hu deheb



Toni Abela
Aħna eżempju!


Il-Punt - Dr Anna Grech
Ulied l-alkoħoliċi: jitgħallmu jgħixu fis-silenzju

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan