Intervista | 29 ta’ Novembru 2009 Nr 162
Karl Stagno-Navarra jintervista lill-Mexxej Laburista Joseph Muscat
Waqt li jaspira li jkun il-Prim Ministru alternattiv fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, il-Mexxej Laburista Joseph Muscat jippreferi jsostni li jaspira aktar li jkun il-Mexxej ta’ dak li hu stess qed ifisser bħala moviment jew koalizzjoni nazzjonali.
Fi kliem Muscat dan il-‘moviment nazzjonali’ jew ‘koalizzjoni ta’ ideat’ hu destinat li “jbiddel il-pajjiż,” billi jaqleb ta’ taħt fuq l-istat ta’ medjokrità fil-pajjiż li fi kliemu, “bħala pajjiż imsieħeb fl-Unjoni Ewropea, jixraqlu ferm aħjar f’kull qasam.”
Rilassat fl-uffiċċju tiegħu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, Muscat iddefenda b’saħħa l-għażla tiegħu li jitkellem fuq il-klassi tan-nofs u s-sidien tan-negozji ż-żgħar.
Nistaqsih jekk jafx li meta jitkellem ripetutament fuq dawn is-setturi qed jurta lill-għeruq tal-partit li huma tradizzjonalment il-ħaddiema.
“Naf x’qed ngħid,” isostni Muscat li jispjega li waqt li hu veru li l-għeruq tal-partit huma l-klassi tal-ħaddiema, irid jingħad iżda li l-parti l-kbira ta’ dak is-settur ta’ nies li tradizzjonalment ivvutaw lill-PL illum avvanzaw fil-ħajja u rnexxielhom jidħlu fil-faxxa tan-nofs, dak is-settur li l-lum qed iġarrab il-piż tad-deċiżjonijiet żbaljati tal-Gvern.
Fi kliem Muscat, ma jemminx li kemm hu jew il-PL qed jabbanduna l-għeruq tal-partit, iżda l-istil ta’ politika li qed idaħħal hu wieħed sempliċi…
“Qed naħdem b’saħħa biex dan il-partit ikun b’saħħtu fir-rappreżentanza tas-setturi kollha, inklużi l-ħaddiema,” sostna.
Meta nikkonfrontah fuq il-fatt li bl-argument tiegħu qed jagħti kreditu lejn il-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjoanlista jekk is-settur tal-ħaddiema avvanza b’mod li l-parti l-kbira ta’ nies fil-faxex ta’ isfel irnexxielhom jeskalaw lejn il-klassi tan-nofs, Muscat iwieġeb li kemm hu kif ukoll il-partit jippretendi li f’dawn is-snin kollha ta’ gvern immexxi mill-PN in-nies irnexxielha tavvanza.
“Allaħares spiċċajna fi stat fejn ħadd ma avvanza, u min avvanza għamlu bl-għaraq ta’ ġbinu wkoll u mhux għax tellgħu xi gvern jew ieħor….”
Niftaħlu fuq l-insistenza tiegħu li jlaqqam lill-PL bħala l-partit ‘progressiv’ u nistiednu jgħid xi jrid ifisser biha.
“Progressiv hu dak li jixtieq li jara li l-poplu jgawdi minn kwalità ta’ ħajja li tassew tirrefletti l-aspettattiva tiegħu bħala poplu ta’ pajjiż imsieħeb fl-Unjoni Ewropea,” sostna Muscat li żied kif ma jistax ikun li f’Malta tibqa’ tirrenja l-mentalità fejn kollox jgħaddi u minn taħt dejjem imur iċ-ċittadin.
Għal Muscat, ir-responsabbiltà ta’ dan kollu taqa’ fuq spallejn il-Gvern tal-ġurnata u akkużah li tilef id-direzzjoni ta’ fejn irid iwassal lill-pajjiż.
“Partit progressiv hu partit li tassew jirrispondi għall-aspettativi tan-nies f’dinja u f’soċjetà moderna,” sostna Muscat li kompla jgħid fuq kif il-parti l-kbira tal-poplu Malti hu mxebba’ bil-fatt li minħabba l-medjokrità fil-mod ta’ kif jitmexxew jew isiru l-affarijiet, qed jispiċċa tat-tieni jew tat-tielet klassi meta mqabbel mal-bqija tal-popli fl-Unjoni Ewropea.
“Dan hu inaċċettabbli,” sostna Muscat li kompla jgħid li ma jista’ jaċċetta qatt kif il-pajjiż jibqa’ bl-istat ta’ toroq li għandu, kif il-kwalità tal-arja tibqa’ dik li hi għad-dannu tas-saħha taċ-ċittadini, kif l-ambjent jitkompla jitgħarraq għad-dannu tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin, u kif deċiżjonijiet ta’ tali importanza jittieħdu mingħajr l-ebda konsultazzjoni.
“Malta u l-Maltin jixirqilhom ferm aħjar minn hekk,” sostna Muscat.
Fi kliem Muscat, il-kelma ‘progressiv’ mhix xi ħaġa ġdida hekk kif fil-Ħamsinijiet, fis-Sittinijiet u fis-Sebgħinijiet, kienu Gvernijiet Laburisti li kienu ntroduċew għadd ta’ benefiċċji soċjali, il-jedd tal-vot lin-nisa u għadd ta’ inizjattivi soċjalment progressivi.
“Jien m’iniex hawn biex nivvinta r-rota, iżda biex nerġa’ nqajjem dik il-ħolma tal-Maltin u l-Għawdxin li huma kapaċi jkollhom l-aħjar u jgawdu l-aħjar minn dak li l-pajjiż jirnexxielu jiġġenera.”
Muscat jippreferi ma jitkellimx fuq il-passat tat-tmexxija tal-PL.
Nistaqsi lil Muscat biex jgħid għaliex il-PL kellu jġarrab tant telfiet elettorali konsekuttivi, x’rimorsi jista’ jkun li għandu jekk it-telfiet elettorali setgħu kienu evitati.
“Għaliex għandi ninħela fuq dak li seħħ fil-passat, fuq dak li ġara jew seta’ kien? Fil-politika teħtieġ iva żżomm kont tal-passat, iżda jekk trid tassew il-ġid għall-partit tiegħek teħtieġ tħares ’il quddiem lejn dak li tista’ tagħmel aħjar u fuq kollox kif tista’ tiżviluppa politika aħjar lejn dik li l-elettorat ma għażilx u li bil-persważjoni twasslu biex jaċċettah.”
Lil hinn mis-soltu retorika dwar kemm il-politika hi servizz għall-pajjiż, Muscat jinsisti li l-ħidma tiegħu fit-tmexxija tal-PL hi kollha kemm hi ffukata fuq kif il-pajjiż jista’ jitmexxa aħjar u kif wieħed jista’ jsib soluzzjonijiet aħjar għall-problemi tal-pajjiż.
Nikkonfronta lil Muscat fuq dak li ta’ spiss jingħad minn diversi kritiċi politiċi dwar kemm hu faċli li tkun fl-Oppożizzjoni fejn wieħed hu ħieles li jattakka ripetutament mingħajr il-ħtieġa ta’ difiża.
“Ħa nagħmluha ċara, jien m’iniex Kap ta’ l-Oppożizzjoni biex nattakka iżda biex innissel sens ta’ responsabbiltà fit-tmexxija.
“M’iniex hawn biex nikkritika biss, iżda fuq kollox biex nipproponi, kif fil-fatt għamlet l-Oppożizzjoni Laburista f’dan il-Baġit.
“B’dan jaħsbuna li qed nagħmlu x-xogħol għall-Gvern u jista’ jkun li jikkritikawna li l-Gvern jisraq il-proposti tagħna u jagħmilhom tiegħu.
“Għalina dan ma jimpuratx, għaliex jekk nemmnu li l-proposti tagħna huma tajbin u jistgħu jagħtu tweġiba jew soluzzjoni aħjar għall-problema, għalina jiġi l-ewwel l-interess nazzjonali,” sostna Muscat.
Għall-Kap tal-Oppożizzjoni l-Gvern qed jagħmel l-iżball ripetut li jkejjel il-politika tiegħu bil-kalkulatur minflok b’kuxjenza soċjali.
Konxju mill-fatt li l-pajjiż — bħall-bqija tad-dinja — għaddej minn riċessjoni, Muscat jammetti li quddiem din ir-realtà l-Gvern tal-ġurnata għandu jdejh marbutin partikolarment fejn jidħlu l-finanzi fl-ekonomija u kull ċaqliq min-naħa tiegħu jista’ jisfratta s-settur tax-xogħol.
Iżda fi kliem il-Mexxej Laburista hemm ħafna affarijiet li l-Gvern qed jagħmel bla kalkolu tal-impatt negattiv fuq in-nies.
“Il-poplu diġà hu mgħaffeġ sforz l-ekonomija iżda l-Gvern mhu qed jagħmel assolutament xejn biex itaffi din il-problema,” sostna waqt li żied fuq kif it-tariffi tad-dawl u l-ilma se jkomplu jkunu ta’ piż enormi fuq il-familji Maltin u wisq aktar fuq dawk li jimpjegaw lin-nies.
“Kif jista’ jkun li l-Gvern jgħid li jrid iħares l-impjiegi meta jgħolli t-tariffi tad-dawl u l-ilma meta n-negozji tagħna diġà huma mgħobbija b’piżijiet enormi? Kif jista’ jkun li l-Gvern mhux qed jikkalkula l-ħsara li qed jagħmel?” staqsa.
Muscat żied li matul il-ġimgħa li għaddiet iltaqa’ mal-Ministru Austin Gatt fejn dan tal-aħħar ippreżentalu l-kalkoli tal-Korporazzjoni Enemalta biex wasslu biex jiddaħħlu t-tariffi l-ġodda.
Hawnhekk Muscat spjega kif qabel il-laqgħa kien talab lill-Ministru Austin Gatt biex jara kif se jkunu strutturati l-kontijiet il-ġodda ladarba l-Gvern għoġbu ma jħabbarhomx.
“Austin Gatt qalilna li kien lest jurina kif se jkunu t-tariffi l-ġodda iżda talabna li nżommuhom għalina.
“Weġibnih li aħna bħala Oppożizzjoni ma konniex lesti li naqsmu mal-Gvern informazzjoni li l-Gvern stess ma riedx juri lill-korpi kostitwiti li jpoġġu fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD).
“Il-Gvern baqa’ jinsisti li jekk jurina t-tariffi kellna nżommuhom għalina biss u aħna rrifjutajna, tant li meta mbagħad iltqajna għall-briefing fil-Ministeru, tkellimna biss fuq il-kalkoli tal-Enemalta fejn hemmhekk ikkonfermajna l-anomaliji u l-iżbalji fil-komputazzjoni tat-tariffi.
“Sibna li l-iżball fil-komputazzjoni jlaħħaq mal-€15-il miljun u ninsistu li dan l-iżball m’għandux ibatuh il-poplu u s-sidien tan-negozji.
“Dawn il-flus jistgħu faċilment jitpoġġew lura fil-bwiet tan-nies minflok ma jeħodomlhom minbarra l-fatt li mid-diskors tal-Budget il-Ministru tal-Finanzi qal li se jagħti kumpens xieraq għall-piż li wieħed se jkollu jġorr minħabba t-tariffi l-ġodda,” sostna Muscat.
Hu żied billi akkuża lill-Gvern li bil-kontra ta’ dak li qed jgħid il-Ministru tal-Finanzi fejn se jagħti kumpens lill-familji, dan fil-verità se jittrasforma f’sitwazzjoni fejn jagħtik ewro u jeħodlok €8.
Muscat jinsisti li l-poplu bi dritt jistenna kontabbiltà aħjar mingħand il-Gvern u għaldaqstant, fil-ġimgħat u fix-xhur li ġejjin, il-PL se jkun impenjat f’eżerċizzju biex ifiehem u jispjega lin-nies kif qed ikun misruq b’mod inġust u mġiegħel iħallas kontijiet esaġerati għad-dawl u l-ilma.
Iżda kif jista’ Muscat ipaċi bilanċ bejn l-iżbilanċ u l-ħarsien ta’ l-impjiegi? X’għażel l-ewwel bħala priorità?
Fi kliemu t-tnejn huma importanti u wieħed ma jistax jagħmel l-affarijiet bil-kontra kif qed jagħmel il-Gvern billi jmexxi politika bil-kalkolatur u ma jimpurtahx kif qed jintlaqtu n-nies.
“L-impjiegi ta’ mijiet ta’ nies huma mhedda minħabba l-politika żbaljata tal-Gvern u fl-istess waqt il-miżuri li qed jieħu qed jisfratta l-kompetittività tal-pajjiż,” sostna.
Filwaqt li Muscat tenna fuq l-importanza tal-investiment barrani fil-pajjiż, kien kritiku għal dak li fisser bħala “assurdità” fejn il-Gvern u l-aġenziji kollha jiftħu l-bibien beraħ għall-investitur barrani u meta jkollhom investitur Malti dawn il-bibien iwassluh għal burokrażiji bla tmiem.
“Jekk tieħu medja ta’ kemm jinvestu l-barranin f’Malta hemm ammont ta’ flus involuti u dawn huma flus tajbin u mberkin. Iżda fir-realtà l-parti l-kbira tal-investiment isir mill-Maltin iżda meta l-Maltin jersqu bil-miljuni biex jinvestu qed isibu bsaten kbar fir-roti u burokrazija bla tmiem.
“Dan kollu qed ixekkel il-fiduċja fil-pajjiż u dan mhux sew u aħna se nagħmlu ħilitna biex l-investitur Malti mhux biss ikollu l-fiduċja li jinvesti f’pajjiżu stess iżda biex fuq kollox inwaqqgħu l-ħitan burokratiċi kollha li qed ixekkluhom milli jkunu kuraġġużi, jinvestu u jimpjegaw lin-nies,” sostna.
Fi kliem Muscat dawn l-affarijiet jurtaw u joffendu biex ma jingħadx ukoll li jtellfu mill-inċentiv għall-investiment tal-Maltin f’pajjiżhom stess.
Ma setax jonqos li Muscat jitkellem ukoll dwar il-korruzzjoni, fejn għal darb’oħra fisser il-korruzzjoni bħala “taxxa” żejda fuq il-poplu Malti.
Waqt li sostna li Gvern Laburista ġdid se jkun impenjat bis-sħiħ biex jiġgieled il-korruzzjoni, akkuża lill-Gvern li hu “impotenti” quddiem is-saħħa tal-interessi kummerċjali.
Hawnhekk Muscat irrefera għall-kuntratt kontroversjali għall-estensjoni tal-Power Station f’Delimara li ngħata lill-kumpannija Skandinava BWSC.
“Il-mozzjoni li ressaqna fil-Parlament tispjega l-preokkupazzjoni tagħna għall-mod ta’ kif dan il-kuntratt ingħata kif ukoll dwar kif il-Gvern wasal biex għażel dik it-teknoloġija.
“Inżid ukoll li kemm jien u Evarist Bartolo morna għand l-Awditur Ġenerali bi provi ġodda li jindikaw kif il-kumpanija BWSC kienet implikata f’każi ta’ korruzzjoni f’diversi pajjiżi oħra fejn ikkompetiet f’għoti ta’ kuntratti.”
L-intervista ma’ Muscat intemmet bil-Mexxej Laburista jtenni mill-ġdid fuq il-ħtieġa li l-poplu Malti jkollu l-kuraġġ li jinqata’ mill-mentalità tal-passat fejn il-klassi tal-ħaddiema żżomm il-firda minn mal-klassi ta’ min iħaddem.
“Dawk iż-żminijiet ta’ firda huma llum mitmuma għal kollox u issa wasal iż-żmien li kulħadd jingħaqad fi front wieħed b’riżq bidla fil-pajjiż fejn l-aspirazzjonijiet tagħna lkoll ikunu mwieġba.
“Dan hu l-moviment nazzjonali, jew il-koalizzjoni ta’ ideat li irrid li mmexxi lejn jum aħjar,” sostna l-Mexxej Laburista.