MediaToday

Il-Punt | 29 ta’ Novembru 2009 Nr 162

Bookmark and Share

Saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol: dmirijiet ta’ min jimpjega

Simon Micallef Stafrace

F’artiklu, li ħareġ ftit ilu fuq din il-gazzetta dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, Charlot Zahra kien staqsa jekk dan hux lussu żejjed. Għandu jkun ċar li m’hemm ebda prezz li jista’ jitqies bħala lussu meta niġu għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. F’dan il-kuntest hu ta’ interess li jsir aċċenn għal deċiżjonijiet mogħtija mill-Qrati tagħna fir-rigward tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Tul iż-żminijiet kien hemm diversi sentenzi li jirrigwardaw dan l-aspett tal-Liġi tagħna kemm kriminali kif ukoll ċivili. Hemm l-element ta’ danni li għandhom jitħallsu, kif jitħallsu u l-limiti relattivi. Bħala massimu l-Qrati tagħna sostnew univokament id-dover ta’ kulħadd li fuq ix-xogħol titħares is-saħħa tal-ħaddiem. Se nikkonċentra fuq żewġ ġudikati li jispjegaw id-dmirijiet ta’ min jimpjega u jmexxi ażjenda.
Fil-kawża Noel Mifsud vs. Polyfoam Limited deċiża fil-5 ta’ Lulju, fl-2007 mill-Imħallef Tonio Mallia (Cit. Nru: 415/2003) il-Qorti osservat, li l-prinċipji li jirregolaw ir-responsabbiltà ta’ sid ta’ intrapriża biex iħares is-saħħa tal-impjegati tiegħu huma stabbiliti sew fil-ġurisprudenza.
Fil-kawża Ingliża Wilsons and Clyde Coal Co. vs English, deċiża mill-House of Lords fil-1937 kien ġie osservat li, “In the case of employments involving risk… it was held there was a duty on the employer to take reasonable care, and to use reasonable skill, first, to provide and maintain proper machinery, plant, appliances, and works; secondly to select proper skilled persons to manage and superintend the business and thirdly to provide a proper system of working.”
Imbagħad il-Qorti għaddiet biex tat rassenja vasta ta’ każi tal-Qrati tagħna li jirrigwardaw din il-materja, u dawn huma s-senjalazzjonijiet magħmula.
Fil-kawża Calleja vs Fino, deċiża fl-10 ta’ Ottubru 1980, ġie kwotat b’approvazzjoni li, “It is the employer’s duty to provide a safe system of work. Any injury to which the employee has not contributed would be the sole responsibility of the employer. The fact that the system adopted had been in use for years without incident is not proof that the system is safe: the accident in question justifies this.”
Fil-kawża Borg vs Wells et, deċiża fid-9 ta’ Settembru, fl-1981, kompla jiżdied li, “In planning a system of work the employer must take into account the fact that workmen become careless about risks involved in their daily work”.
Fil-kawża Grech vs Ellul, deċiża fis-27 ta’ Ġunju, fl-1996 intqal: “It is the duty of every employer to take all reasonable care for his employees’ safety in all circumstances at their place of work”.
Fil-kawża Grech vs Farrugia, deċiża fis-7 ta’ Diċembru, fl-1994, intqal li, “Il-makkinarju għandu jkun imħares b’mod li ma jikkreax ħsara lil min qed jaħdem fuqu, jew qed jadoperah anke meta dan ma jkunx qed jaħdem fuqu, jew juża dak il-makkinarju mingħajr dik l-attenzjoni u prudenza li wieħed jistenna bħala normalità u dan biex jagħmel tajjeb għal dik l-aljenazzjoni tal-attenzjoni, prudenza u għaqal li jsofri ħaddiem industrijali, proprju għaliex dik l-aljenazzjoni tkun, fil-maġġoranza tal-każi, indotta mill-istess natura tal-attività industrijali.”
Il-Qorti kompliet tgħid li kienet ukoll ta’ importanza l-kawża fl-ismijiet Chetcuti vs Mizzi, deċiża fl-20 ta’ Ġunju, fl-2002, fejn ġie osservat li min iħaddem m’għandux iqabbad lill-ħaddiema tiegħu jagħmlu xogħol li mhux soltu jagħmlu u li għalih ma kellhomx taħriġ.
Sentenza riċenti hi dik li ngħatat fit-2 ta’ Ġunju li għadda mill-Qorti tal-Appell presjedut mill-Prim Imħallef V. De Gaetano u l-Imħallfin, J. A. Filletti u G. Valenzia fl-Appell Ċivili Numru. 11/2003 Joseph Apap v. Frank Borg proprio et noe.
Din il-kawża affermat il-prinċipju li l-obbligu ta’ min iħaddem hu li jipprovvdi “a safe system of work” u “a safe working environment”, u superviżjoni u adegwatezza tal-attrezzi pprovduti. Hu għandu jiżgura li l-post tax-xogħol ikun ħieles minn sogri bla bżonn għas-saħħa u minn perikli li jistgħu jiġu raġonevolment evitati għall-inkolumità fiżika u psikoloġika tal-ħaddiema.
Dan jinvolvi wkoll li min iħaddem jieħu jqis l-atmosfera fil-post tax-xogħol, fosthom id-diffikultajiet li jsib il-ħaddiem fil-kors tax-xogħol tiegħu, il-ħinijiet twal, l-għaġġla fix-xogħol, l-aljenazzjoni tal-ħaddiem stess u n-nuqqas ta’ għajnuna minn ħaddiema oħra li jkunu inkarigati biex jaħdmu miegħu fuq dan ix-xogħol. Avolja jista’ jkun hemm grad ta’ negliġenza mill-ħaddiem stess, is-sid irid, fi grad jew ieħor, jirrispondi għad-danni li jirriżultaw minħabba nuqqas ta’ superviżjoni u infurzar tiegħu f’dan ir-rigward
Indipendentement minn kull statistika u ftehim ma’ union tal-ħaddiema, min iħaddem ma jistax jinjora l-obbligi tiegħu. Jekk irridu nkunu onesti ma’ xulxin ħafna drabi dak li hu neċessarju hu relattivament ċar.
Hemm il-bżonn li min iħaddem ipoġġi fuq quddiem l-inkolumità tal-ħaddiem: mingħajr ħaddiem b’saħħtu x-xogħol ma jsirx. Gwaj jekk nekonomizzaw mill-ispiża li jista’ jinvolvi l-ħarsien tal-ħaddiem fuq ix-xogħol. Gwaj jekk l-awtoritajiet ma jqisux din l-ispiża meta jiġu biex janalizzaw offerta ta’ kumpanija biex tieħu x-xogħol.
Għalhekk min iħaddem ma jistax ma jagħtix kas dawn il-ġudikati li, mill-punto di vista saħansitra legali, jagħmluha ċara li s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ċertament mhux xi lussu.

Simon Micallef Stafrace hu avukat

 

 

Intervista
Il-bilanċ bejn l-għeruq u min avvanza


Karl Stagno-Navarra jintervista lill-Mexxej Laburista Joseph Muscat




Carmelo M. Bonnici
X’età qed ngħixu



Joe Ellis
Qaddejja tal-Liġi ħalli nkunu ħielsa



Toni Abela
Għandna bżonn ditektiv


Il-Punt - Simon Micallef Stafrace
Saħħa u sigurtà fuq ix-xogħol: dmirijiet ta’ min jimpjega

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan