Aħbarijiet | 22 ta’ Novembru 2009 Nr 161
Charlot Zahra tkellem ma’ Adrian Gatt, il-President tal-Assoċjazzjoni Residenti Sliema, dwar il-problemi ambjentali li qed taffronta din il-belt u li wara 16-il sena wassal għat-twaqqif mill-ġdid tal-SRA
Adrian Gatt, il-President tal-SRA kif rikostitwita, fisser ma’ Illum li kif bdew il-Kunsilli Lokali bdew fl-1994 l-SRA ta’ dak iż-żmien ħasset li ma kienx għad baqa’ bżonn ta’ din l-assoċjazzjoni “minħabba li x-xogħol tagħha kien se jiġi dduplikat mix-xogħol tal-Kunsill.
“Imma tul iż-żmien, ħafna mid-deċiżjonijiet li ttieħdu f’Tas-Sliema kienu għad-detriment tar-residenti,” ilmenta Gatt. “L-ikbar prova ta’ dan hu l-bini sfrenat li sar f’Tas-Sliema u l-livelli għoljin ta’ tniġġis fl-arja li jaqbżu l-limiti stabbiliti mill-UE.”
Għaldaqstant grupp ta’ Slimiżi ħassew il-ħtieġa li jerġgħu jqajmu l-Għaqda Residenti Sliema mill-ġdid “biex tkun front kontra dawn l-inġustizzji u biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti ta’ Tas-Sliema,” saħaq Gatt ma’ Illum.
“Dan sar biex l-Assoċjazzjoni ma tkunx kontrollata mill-Kunsill imma jkollha l-libertà tesprimi ruħha u taġixxi kif tixtieq mingħajr ebda xkiel,” saħaq il-President.
“Madankollu l-SRA mhix qegħda hemm biex tkisser u topponi għal kull ma jagħmel jew jiddeċiedi l-Kunsill Lokali,” fisser Gatt.
“Apparti milli tieħu ħsieb l-aġenda tagħha, l-SRA tikkumplimenta fejn hemm il-bżonn jew tikkritika meta l-Kunsill jieħu deċizjonijiet li fl-opinjoni tal-SRA ma jkunux fl-aħjar interess tar-resident,” żied jgħid.
Eżempju ċar li, fil-fehma ta’ Gatt, juri li l-SRA mhix oppożizzjoni għall-Kunsill kienet attività ta’ tindif f’Tas-Sliema li ġiet organizzata mill-Kunsill Lokali stess “fejn il-membri tal-Kumitat ta’ l-SRA, kif ukoll xi membri oħra tal-SRA, ħadu sehem attiv f’din l-inizjattiva pożittiva.”
Iżda mistoqsi dwar il-fehma tal-SRA dwar il-ħidma tal-Kunsill Lokali Slimiż, speċjalment fil-qasam ambjentali u jekk l-Assoċjazzjoni kinitx sodisfatta bl-operat tal-Kunsill Lokali f’dan ir-rigward,
Gatt qal:
“Naħseb li jekk insemmu s-suġġett ambjentali l-fatt li l-ammont tal-bini żdied kif żdied u t-tniġġis qabeż l-limiti stabbiliti, ftit li xejn tawgura tajjeb għall-operat tal-Kunsill fuq dan is-suġġett,” qal Gatt. “Fatt ieħor li juri dan hu n-nuqqas kbir ta’ pjazez u fetħiet għar-residenti u żoni ta’ rikreazzjoni u sport li jeżistu f’Tas-Sliema.
“Mhux talli hekk, talli għadd ta’ faċilitajiet sportivi li kienu jeżistu f’Tas-Sliema llum kważi spiċċaw għal kollox,” sostna Gatt.
Gatt fisser kif apparti l-bandli ta’ ħdejn it-Torri u Ġnien Indipendenza, li qegħdin fuq xaqliba waħda ta’ Tas-Sliema,u li qegħdin f’żona ta’ ħafna traffiku u tniġġis, ma tantx baqa’ fejn t-tfal jistgħu jilagħbu.
“Hemm ukoll il-bini li qed jiekol il-ġonna kollha interni li jeżistu f’Tas-Sliema li xogħolhom kien biex jagħti naqra privatezza u arja lir-residenti tal-madwar,” kompla Gatt.
Dan qed joħloq inkonvenjent kbir lir-residenti ta’ Tas-Sliema waqt li l-bini jkun qed isir
kif ukoll aspett klawstrofobiku meta dan ix-xogħol jitlesta, flimkien ma’ iżjed problemi tat-traffiku u tnigġis biż-żieda ta’ residenti li dawn iġibu magħhom.
Gatt fisser li l-SRA għandha politika fejn toġġezzjona għal żviluppi kbar, “speċjalment jekk dawn isiru fuq art li illum hi spazju miftuħ, ġonna jew btieħi mdaqqsa.
“Eżempju ta’ dan huma Villa Bonici u l-madwar, ġonna f’High Street u ieħor fi Triq Parisio li hemm applikazzjonijiet biex dawn il-ġonna jinbnew,” saħaq Gatt.
“Apparti li noġġezzjonaw, għadna kif lestejna proposta biex l-akkwati ta’ madwar Villa Bonici jiġu priservati bħala spazji miftuħa u l-bini tal- madwar jibqgħu fl-istat baxx li qegħdin,” żied jgħid Gatt.
L-SRA qed tissuġġerixxi wkoll sit li jista’ jintuża bħala residenza għall-anzjani li tkun mmexxija mill-Gvern.
“Wegħda tal-Gvern li qatt ma saret,” ilmenta l-President tal-SRA.
Problema oħra li qed taffronta l-SRA hi dik tal-ħwienet fix-xaqliba ta’ Qui-Si-Sana li qed jaqilbu l-permessi għal dak ta’ Klassi 6.
“Dawn huma permessi għall-ħwienet tad-divertiment li jistgħu jibqghu miftuħa għal ħinijiet twal tul il-lejl għad-detriment tar-residenti fil-viċinanzi,” fisser Gatt.
Minbarra il-problemi marbuta mal-iżvilupp, problema oħra li qed iħabbtu wiċċhom magħha r-residenti ta’ Tas-Sliema huwa t-tniġġis mill-karozzi.
“Qegħdin nitolbu biex isir studju ħolistiku dwar it-trasport biex l-ammont ta’ karozzi deħlin u ħerġin minn Tas-Sliema jitnaqqsu kemm jista’ jkun,” kompla Gatt.
“Għamilna proposti ukoll lill-Kunsill Lokali biex tiġi organizzata Car Free Day kif ukoll jitpoġġew wardens jew nies mill-ADT f’ċerti toroq biex dawn iħarrku vetturi li jkunu qed idaħħnu iżjed milli suppost,” żied jgħid il-President.