MediaToday

Sport | 22 ta’ Novembru 2009 Nr 161

Bookmark and Share

Il-proġett ta’ Manoel Island iħalli l-grawnd żdingat. Gżira United jitolbu

Titlu jew garanzija

Mark Attard

Il-proġett f’Manoel Island li Midi Malta ilha għaddejja bih għal dawn l-aħħar 10 snin ħalla lill-klabb ta’ Gżira United f’inċertezza kbira fuq il-futur tiegħu tant li l-klabb tat-Tieni Diviżjoni għadu sal-ġurnata tal-lum ma jistax jagħmel pass ta’ investiment f’infrastruttura għat-timijiet tiegħu.
Sorsi viċin il-klabb ta’ Gżira Utd li tkellmu mal-gazzetta Illum sostnew li minkejja li waslet biex tispiċċa sena oħra, il-klabb tal-futbol tagħhom għadu ma jafx fejn jinsab fuq it-titlu jew iċ-ċens, u iktar minn hekk, fuq meta se jibda x-xogħol fuq il-grawnd.
Din il-gazzetta għamlet kuntatt ma’ Tyrone Demanuele, Segretarju ta’ Gżira Utd u Membru tal-Kunsill tal-MFA, li minn naħa tiegħu fil-bidu rrifjuta li jitkellem magħna, iżda mbagħad qalilna,
“Jien kulma nista’ nagħmel hu li nerġa’ nappella li jibdew ix-xogħlijiet malajr kemm jista’ jkun jew tal-inqas jgħidulna x’inhu jżomm milli jibda dan ix-xogħol.
“Nixtiequ li l-grawnd jingħata b’titlu lil Gżira Utd. Ilna nitolbu dan kollu għal 10 snin sħaħ. Kulmin hu konċernat qatt ma talab imqar biex jiltaqa’ magħna.”
Partitarju akkanit li ta’ kuljum ikun iħuf lejn in-naħat ta’ dan il-grawnd sostna magħna li bħala partitarji ta’ Gżira, kollha jieħdu pjaċir jaraw klabbs oħra bi grawnds tat-turf artifiċjali, dressing rooms ġodda u uffiċji sura ta’ nies, iżda skont hu, fi kliemu stess qalilna li “Aħna bħala partitarji ma nistgħux ngħidu li l-klabb tagħna għandu dan kollu tiegħu kif kważi llum il-ġurnata għandu kulħadd.”
Wieħed jifhem li biex klabb tal-futbol jinvesti ammont ta’ flus f’infrastruttura jkun irid garanzija li l-post hu uffiċjalment tiegħu. Matul l-aħħar żminijiet l-MFA qassmet total ta’ €4,500,000 lill-klabbs Maltin li applikaw għall-fondi biex tiġi rranġata l-infrastruttura tagħhom iżda Gżira Utd ma setgħux jagħmlu bħall-kumplament peress li bir-raġun, waħda mit-talbiet tal-MFA tgħid li biex klabb japplika għal dawn il-fondi jrid ikun is-sid tal-post jew ikollu titlu fuqu.
Hu mifhum li l-klabb ta’ Gżira tilef opportunità tad-deheb biex jagħmel dan it-titjib fil-grawnd tiegħu li qiegħed int u dieħel fuq il-lemin eżatt kif taqsam il-pont ta’ Manoel Island.
L-ikbar ironija minn din l-istorja kollha tibqa’ li fil-pjanta tal-proġett il-ġdid ta’ Manoel Island hemm inkluż grawnd tal-futbol bil-faċilitajiet possibbli kollha, xogħol li suppost kellu jibda fl-ewwel tliet xhur tas-sena 2006. Dan joħroġ minn risposta numru 11043 li kien ta l-eks Ministru Jesmond Mugliett fl-1 ta’ Marzu 2005. Illum, li ninsabu fl-aħħar tas-sena 2009, il-gazzetta Illum tista’ tikkonferma li għal dawn il-grawnd għadhom anqas biss ħarġu l-permessi tal-Mepa.
Persuna anzjana li tkellmet ukoll ma’ din il-gazzetta fuq din l-istorja sostniet li ma tistax tifhem għalfejn inħolqot din l-apatija u l-inċertezza kollha fil-klabb li ilhom tant isegwu matul ħajjithom.
Klabbs oħra li bdew 50 sena wara Gżira Utd sabu tapit sabiħ mifrux mentri dan kollu għall-Ġżirjani jista’ jkollu dewmien ta’ xi tliet snin oħra jekk kemm-il darba l-pass li jmiss fil-proġett ta’ Manoel Island se jkun ir-restawr tal-isptar ta’ Lazzarett kif qed jissemma.
Din il-problema qed taffettwa wkoll liċ-ċittadini tal-Gżira u dan kollu nħareġ f’dimostrazzjoni li saret ftit tal-jiem ilu quddiem il-grawnd fejn minbarra l-kelliema f’isem Gżira FC kien hemm ukoll il-Membri Parlamentari Robert Arrigo u Chris Agius u s-Sindku Chris Bonett.
Punt li tqajjem minn Bonett kien il-fatt li Midi Malta se tkun qed tagħmel profit miż-żona tal-Gżira u li l-uniku post adekwat fejn it-tfal tal-Gżira għandhom biex jirrikrejaw ruħhom kien qiegħed jispiċċa fix-xejn minħabba li dan l-ispazju ttieħed mill-istess kumpanija.
Għalhekk, skont Bonett, Midi Malta għandha obbligu morali lejn it-tfal tal-Gżira li tagħtihom dak li wara kollox ilha twegħidhom għal dawn l-aħħar 10 snin.
Il-gazzetta illum tistaqsi: Min hu responsabbli għal dan id-dewmien? Il-Gvern? Midi Malta? Il-Kunsill Malti għall-Isport? Il-Mepa? Kollha kemm huma?
Iċ-ċittadini tal-Gżira jridu tweġiba…anzi ĦAQQHOM tweġiba!

 

 

Intervista
Balzunetta: minjatura ta’ Strada Stretta


FRANICA PULIS tintervista lill-pjanist veteran Sammy Galea




Carmelo M. Bonnici
Il-politika barranija Amerikana



Joe Ellis
Is-Salib u n-Nofs Qamar



Toni Abela
Il-libertà mhedda mill-biża’


Il-Punt - Dr Paul A. Bartolo
Demokrazija, inklużjoni u kurċifissi fil-klassi

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan