Intervista | 22 ta’ Novembru 2009 Nr 161
FRANICA PULIS tintervista lill-pjanist veteran Sammy Galea
Iltqajt ma’ Sammy Galea fl-istudjo tal-familja Galea fil-Furjana, in-naħa ta’ Balzunetta. Hu raġel mistħi imma ladarba jibda jirrakkonta ma jiqafx. Min hu fid-dinja tal-mużika kulħadd jaf min hu Sammy Galea minħabba li għadu attiv sal-lum jikkomponi l-kanzunetti u għamel żmien twil jipparteċipa f’festivals Maltin u barranin, fosthom il-Malta Song Festival u l-Festival Internazzjonali għall-Kanzunetta Maltija.
Barra minn hekk għadu jdoqq il-Phoenicia sal-lum u forsi għad hawn min jiftakru mill-programm li kellu fuq it-televixin fuq ix-Xandir Malta fis-Sebgħinijiet u t-Tmeninijiet.
Bħala xi ħadd li trabba l-Furjana, daqshekk qrib tal-Belt u l-portijiet, ma stajtx ma nistaqsihx jekk jiftakarx iż-żmien tat-Tieni Gwerra Dinjija. Imma l-gwerra ftit li xejn jiftakar minnha minkejja li kellu 11-il sena meta spiċċat.
“Fil-gwerra konna ninżlu fix-xelter. F’dak iż-żmien kienu jagħtuni ħafna ġugarelli peress li kont inkun maz-ziju u hu kellu bar f’Balzunetta. Bilkemm kont nilgħab bihom. Kont inżommhom f’vetrina u nħares lejhom. Imma fil-gwerra waqgħet bomba, kissritilna d-dar u tlift kollox.”
Meta ġie lura minn Ruma fl-1953, wara sena studju fil-konservatorju Sta Cecilia, Galea beda jdoqq fil-bar ta’ zijuh.
“Strada Stretta ma tantx kont inkun fiha. Imma kont indoqq f’Balzunetta li kienet qisha Strada Stretta żgħira. Kont indoqq fil-bar taz-ziju Duminku (Minku) Murgo.”
Jispjegali li n-naħa ta’ ommu kienu Taljani, għalhekk dak il-kunjom. Ikompli jirrakkonta.
“Kont indoqq għaż-żfin u wara għall-artisti. Kienu jsiru floorshows. Dawn l-artisti kienu joffru spettaklu li kien jikkonsisti fi żfin, kant u anki ċajt. Kienu jagħmlu spettakli ta’ nofs siegħa għall-baħrin, suldati u fizzjali.”
Galea kien idoqq ma’ kuġinuh, is-sassofonist magħruf Sammy Murgo (jismu Salvino, wkoll minħabba n-nannu Salvatore) fil-bar taz-ziju għal sitt sigħat mis-6pm sa nofs il-lejl. Meta konna nispiċċaw mix-xogħol konna nagħmlu sa xis-2.30am nisimgħu l-programm ta’ mużika jazz fuq l-istazzjon tar-radju Voice of America fit-taxi tal-Papsi li kien joqgħod bieb ma’ bieb maz-ziju. Kien jistedinna hu biex immorru nisimgħu l-programm u l-aktar li konna nkunu jien u l-kuġin tiegħi Sammy.
Jiddeskrivi lill-Balzunetta fl-aħjar tagħha meta kienet mimlija ħajja bħal Strada Stretta.
“F’dak iż-żmien hawnhekk kien qisu New York. Kullimkien bid-dwal. Balzunetta kienet ħajja anki fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Il-mużiċisti li kienu jispiċċaw mill-bars kienu jingħaqdu flimkien u joqogħdu jduru t-toroq idoqqu fuq xi vjolin, kitarra jew accordion. In-nies kienu jisimgħuhom mit-tieqa u anki kien ikollhom in-nies iduru warajhom.
“Il-ħajja dik kienet. Meta kienu jiġu l-Amerikani l-ħwienet għalihom kienu jiftħu filgħodu wkoll,” jgħidli b’nostalġija kbira.
Jiftakar f’missieru, li kien iħobb ħafna l-quddies, tant li kien fratell u jmur għall-quddies tal-5am.
“Missieri kien jgħin liz-ziju fil-bar. Iz-ziju Żaru (missier Sammy Murgo) kien idoqq il-vjolin fil-bar ukoll. Kellna ziju ieħor idoqq it-trumbun mal-Banda La Valette u z-ziju Minku kien jipprova jdoqq il-pjanu,” u jċarrat tbissima fuq wiċċu.
Taħseb li l-Balzunetta tilfet is-seħer tagħha meta telqu l-Ingliżi?
“Iva. L-Ingliżi kienu l-aktar li jonfqu flus. Il-flotta kienet qisha t-turiżmu tagħna. Dawk kienu jħallu ħafna flus fil-ħwienet. Meta telqu huma n-negozju mar ħażin. Meta bdejt ix-xogħol jien kelli 20 sena. Lejn tmiem is-snin 50 in-negozju beda jmajna. Iz-ziju dam mas-sena u nofs jissaporti qabel ma għalaq il-ħanut u mar jiftaħ guest house f’Londra.”
Jagħtini rendikont tal-karriera tiegħu. Beda l-pjanu ta’ 13-il sena mas-Surmast Albert Manchè u wara xi tliet snin mar jistudja Ruma fl-1952 fil-Konservatorju. Kif ġie lura beda jaħdem ma’ zijuh bejn l-1953 u l-1958. Mill-1958 sal-1964 għamel żmien idoqq mal-pjanista u band leader Jimmy Dowling. Fl-istess żmien kultant kien imur idoqq fuq il-cruise liners madwar id-dinja. Fost il-pajjiżi li żar kien hemm l-Awstralja, l-Indja u l-Amerka ta’ Isfel.
Bejn l-1967 u l-1971 kien idoqq fil-lukanda Shereton eżatt kif fetħet. Kien iż-żmien meta għaqqad il-grupp tiegħu wara li kien ħeġġu jagħmel hekk il-pjanista Spiru Zammit. Mill-1972 sal-lum kien u għadu l-pjanista residenti tal-lukanda Phoenicia.
Żied jgħid li fl-1954 kien mar l-Ingilterra mas-Surmast Paul Arnaud.
“Kien ħadni hu biex nagħmel audition hemmhekk u mort tajjeb ħafna. Tlajt mhux għax ma kienx hawn xogħol imma għax ridt l-avventura. Fl-1961 imbagħad iltqajt ma’ Doreen u mill-ewwel għidt li din kellha tkun il-mara u għall-grazzja ta’ Alla għadna flimkien sal-lum. Sentejn wara, meta kelli 26 sena, iżżewwiġna.”
Dwar jekk qatt sabhiex diffiċli jaħdem ta’ kompożitur u pjanist, Galea qal: “S’issa Alla jbierek dejjem dawwarnieha r-rota. Fil-fatt il-ġenituri għalhekk ma ridunix insir pjanist. Minn dejjem kont ambizzjuż u kelli fiduċja li se naħdem f’dan ix-xogħol. Qatt ma ridt naħdem xogħol ieħor. Iżda kien hemm mużiċisti li kienu jinkwetaw kif se jkampaw bil-pjanu jew b’xi strument ieħor biss.”
Naqbduha fuq il-pagi ta’ dak iż-żmien.
“Biex ikollok pjanu tajjeb użat ridt mas-Lm60 biex tixtrih, daqs paga medja ta’ sitt xhur. Il-pjanu kien meqjus bħala xi ħaġa tas-sinjuri. Lezzjoni ta’ siegħa kienet tiswa 18 irbiegħi (12ċ5) li kienet għalja. B’xelin kont tagħmel borma minestra.
“Bħala pjanista kelli paga ta’ lira kuljum maz-ziju. Ħaddieħor kien jaqla’ tlett liri fil-ġimgħa. Jien kont ngħix ta’ sinjur. Konna naqilgħu ħafna tips ukoll. Għalhekk kont insiefer spiss.
“Fil-Ħamsinijiet pjanist kien jaqla’ xi ħaġa aktar mill-mużiċisti l-oħra għax ried ikun jaf jaqra l-mużika u l-piż kien jaqa’ fuqu. Drummer kien jaqla’ inqas. Dak iż-żmien għal tieġ konna nieħdu lira r-ras. Illum mużiċist jaqla’ mas-Lm60, Lm70.”
Qatt xtaqt temigra għal opportunitajiet aħjar?
“Kelli ħajra. Konna se mmorru noqogħdu l-Ingilterra. Iz-ziju wara li għalaq il-ħanut emigra hemm. Xtara dar hemm u konna se mmorru ħdejh. Imma mbagħad ma tlajniex għax marad missieri. Iżda kont nitla’ spiss l-Ingilterra.”
Jistqarr li din li jmur jgħix l-Ingilterra kienet waħda mix-xewqat li ma qatax.
“Fil-perjodu meta spiċċajt mix-Shereton konna qed naħsbuha ngħixux hemm. Anki xogħol kienu sabuli imma bqajna hawn.”
Dwar jekk il-mużika f’Malta marretx ’il quddiem jew le, Galea qal: “Il-livell tela’ ħafna hawn Malta. Tela’ fis-sens ta’ recordings. Bħala mużika ma nafx kemm tjiebet. Qabel kien hawn ħafna inqas kompożituri li kienu jagħmlu xogħol tajjeb u li għadu tajjeb sal-lum. Illum ukoll hawn kompożituri tajbin, mhux qed ngħid li m’hawnx. Imma llum il-kompjuter jagħmillek ħafna mix-xogħol. Qabel kienu jużaw l-orkestra live. Għalina kienet aktar diffiċli biex tipproduċi l-orkestrazzjoni għax ridna niktbu sal-anqas nota għal kull strument.
“Dak iż-żmien is-Surmast Twanny Chircop kien jagħmel ħafna arranġamenti għal diversi kompożituri. Kien raġel twajjeb u għamel ħafna ġid. Ma kinitx faċli taqbad u tikteb biċċa mużika speċjalment jekk ma kontx taf iddoqq strument. Ħafna mill-awturi qabel kienu poeti.
“Imma l-użanzi u l-istili jinbidlu. L-opportunitajiet żdiedu. Għalija l-melodija tibqa’ l-ewwel u s’intendi l-armonija tikkumplimentaha. Dawn huma l-ingredjenti bażiċi.
“Jekk qabel kien hawn 20 kompożitur jikkompeti fosthom kien hemm 10 li huma tajbin. Illum forsi hawn 100 imma xorta 10 hawn tajbin. Mhux il-kwantità imma l-kwalità. Min hu tajjeb, tajjeb. Illum sfortunatament m’hemmx linja u qisu kulħadd jinsab fl-istess borma.”
Jaqbeż ibnu Dominic, li kien mehdi jikkomponi fl-istess kamra, u żied jgħid: “Illum ma tistax tgħid x’inhu l-aħjar għax il-produzzjoni hi l-aktar importanti. Ma tagħtix kas x’poeżija hemm fil-kanzunetta. Ir-recording sar aktar importanti mill-mużika nnifisha.”
Kompla missieru, “Xorta hawn kompożituri tajbin. Meta morna barra ġieli ksibna riżultati tajbin.”
Dwar il-Jazz, Galea jgħid li għamel sena f’Londra jistudjah u li qabel kien iħobbu ħafna iktar. Iżda issa qata’ minnu peress li qed idoqq waħdu. Ibnu, li għamel xi riċerki dwar il-mużika f’Malta, tkellem dwar missieru bħala wieħed mill-esponenti ewlenin tal-Jazz u minn tal-bidu nett. F’dak iż-żmien kien hemm ħafna dilettanti tal-Jazz u anki l-Premiere kienu jdoqquh ħafna. Fis-snin 60 u 70 Galea kien wieħed mill-protagonisti tas-Swing, Modern Jazz u Latin American f’pajjiżna.
Il-pjanist jerġa’ jsemmi ż-żmien li ġieli qatta’ ma’ Jimmy Dowling li kellu big band bi 18-il mużiċist u kienu jdoqqu fil-Sala tal-Ballu tal-Phoenicia.
“Kien iġib ħafna mużiċisti barranin li ġieli kienu jġibuhom mill-marines. Għall-okkażjonijiet speċjali l-bands kienu jkunu mdaqqsin, ġieli anki sa 20 ruħ. Kont immur tajjeb magħhom u kont nitgħallem ukoll. Meta qed tisma’ mużika tar-ramm, kont tkun qed tisma’ mużika tajba. Anki mal-Amerikani kienu jħabbtuha.”
Bħala mużika jistqarr b’ċerta ħarsa nostalġika li l-iktar li kienet togħġbu kienet dik Franċiża. Il-mużika sentimentali romantika u l-mużika Latina huma l-favoriti wkoll.
“Inħobb indoqq semi-klassiku u nħobb nimprovizza ħafna fiha. Meta kont qed nistudja l-klassiku kont wasalt f’ċertu livell u kont inħoss il-bżonn li għandi nżid jew innaqqas xi ħaġa biex nagħtiha l-istil tiegħi. Għalhekk nippreferi l-Jazz u l-Pop.”
Ftit wara jagħtini rendikont tal-mużiċisti f’familtu li kienu jinkludu lil nannuh. Meta sab il-passaport tiegħu fuqu sab li kellu mniżżel li kien jaħdem ta’ pjanist ukoll.
“Id-demm jiġbed, hux, bla ma trid. Tħajjart għall- pjanu għax kien hemm tifla tiġi minni u kienet qed tistudja l-pjanu ġo ħanut. Kif smajt il-mużika ttawwalt mill-bieb u tħajjart indoqqu jien ukoll. Mort dritt id-dar ngħidilhom li rrid indoqq strument. Ħaduni biċ-ċajt. Lanqas futboler ma riduni nsir.
“Jien kont tifel waħdi u ma tantx imbuttawni lejn it-triq tal-mużika. Jien imbuttajt lili nnifsi. Ġabuhieli bi kbira meta tħajjart naqbad il-pjanu. Imma wara aċċettawha.”
Itemm billi jgħid: “Illum meta nħares lura naħseb li għamilt għażla tajba għax wara kollox x’hawn isbaħ milli tagħmel li tħobb fil-ħajja? Għalhekk inħossni xxurtjajt li kelli karriera sabiħa fil-mużika. Kultant tifraħ u ġieli tibki wkoll: l-istess bħall-imħabba.”