MediaToday

Aħbarijiet | 22 ta’ Novembru 2009 Nr 161

Bookmark and Share


Click to download feature in PDF format

Wara dik il-werqa bellusija

Julia Farrugia

Hekk kif in-nida tmelles il-kisja ħamra ta’ quddiemna, buffura ħelwa ċċaqlaq il-pjanti li mijiet minnhom sa minn ġimgħa ilu kienu diġà lesti għall-bejgħ biex ilewnu d-djar għall-jiem tal-Milied.
Il-ponsjetta hi pjanta li llum qabdet għeruq sew fost il-familji Maltin. Kif jikkonferma Prentiss Zammit li ilu 16-il sena f’dan il-mistier, “il-ponsjetta hi popolarissima mal-Maltin.”
Il-pjanta kompliet iżżid fil-popolarità tagħha u llum “kull familja tixtri mill-inqas waħda għad-dar tagħha.”
Għad li l-oriġini ta’ din il-pjanta tmur lejn il-Messiku u l-Guatemala, il-ponsjetta titkabbar ukoll f’Malta. Ix-xogħol fuqha b’tant imħabba u paċenzja mill-idejn għammiela tal-bidwi Malti jibda f’Awwissu.
“Fi staġun wieħed aħna nbigħu mal-2,500 ponsjetta,” jispjega Zammit.
Għal ftit tibda timmaġina l-ponsjetti ħerġin bil-mijiet bħal pastizzi. Hi xena ħelwa. Tal-inqas dawn ma jħaxxnukx, naħseb bejni u bejn ruħi. L-aħmar bellusi u dawk il-frak safrana jiksru l-kesħa li jaf joffri x-xahar ta’ Diċembru.
Minn dak li nisma’ f’temp ta’ kwarta l-Maltin donnhom qed ikomplu jinħabbu ma’ din il-pjanta. L-aktar għaliex hi xi ħaġa li għal dawk li jafu jħaddmu moħħhom, u ftit aħjar idejhom, tista’ tibqa’ titgawda anke wara l-Milied. Dawk li jdejhom draw sew mal-ħamrija jafu s-sigriet.
“Il-ponsjetta tibqa’ tgawdiha billi f’Jannar toħroġha barra fil-kenn. Tkabbrilha l-pot u tibqa’ tieħu ħsiebha bis-sustanzi,” jispjegalna l-imgħallem.
Għal dawk li jinteressahom il-qari hemm ħemel ta’ tagħrif dwar il-ponsjetta. Fost ir-rakkonti li wieħed isib hemm dawk ta’ kif din il-pjanta bdiet tkun assoċjata mal-Milied. Kollox beda fis-seklu 16 fil-Messiku.
Skont il-leġġenda kien hemm Pepita, tifla ċkejkna fqira ħafna li ma kellhiex flus biex tixtri rigal biex tieħdu l-Knisja bħala parti miċ-ċelebrazzjoni tat-twelid ta’ Ġesù.
Ir-rakkont ikompli li fi triqitha dan lit-tifla deherilha anġlu li talabha tiġbor ftit ħaxix selvaġġ mit-triq u tpoġġih quddiem l-altar tal-knisja. It-tifla hekk għamlet u f’daqqa waħda minn fost iż-żbul beda jwarrad fjur ħamrani bellusi.
Fis-seklu 17 il-patrijiet Franġiskani tal-Messiku bdew jużaw dawn il-pjanti fit-tiżjin tal-Milied.
Il-popolarità ta’ din il-pjanta kompliet tikber tant li fl-Istati Uniti biż-żmien ħolqulha wkoll jum nazzjonali – it-12 ta’ Diċembru.
Iżda din l-imbierka pjanta ġabet magħha wkoll il-kontroversji. Kollox hu marbut mal-monopolju li l-familja Ecke f’Kalifornja kellha mat-tkabbir tal-ponsjetta.
Din il-familja kellha sigriet teknoloġiku ta’ kif tkabbar b’suċċess u b’mases kbar din il-pjanta b’tali mod li ħaddiema u negozjanti oħra sabuha diffiċli jikkompetu magħhom.
Is-suċċess tal-familja Ecke kien marbut mal-fatt kif din il-pjanta titkabbar.
Ponsjetta li titkabbar fil-beraħ titla’ b’mod miftuħ u tifrex il-friegħi. Għal kuntrarju t-teknika Ecke kienet tinkludi taħlita ta’ żewġ tipi ta’ ponsjetti f’daqqa. B’dan il-mod il-pjanta kienet tiffolla.
Lejn l-aħħar tas-snin 90 riċerkatur f’Università skopra l-metodu u ppubblikah. Kompetituri daħlu fis-suq u r-rota għalihom bdiet iddur ukoll.
Iżda lura għal Malta u għall-ġenna tal-art li għandu Prentiss, ħsibijietek bilfors imorru fuq il-ħaddiema li jaħdmu f’dan it-tip ta’ mestier.
Fi staġun fejn għal dawn il-ħaddiema mhemmx festi jew ħin frank biex tmur tixtri r-rigali, il-Milied xorta għandu sinjifikat kbir. Biss biss it-tiżjin fil-ħanut joħloq dik l-atmosfera maġika.
“Il-Milied għalija jfisser ferħ kbir, atmosfera sabiħa għalija għax inħobb ħafna dawn iż-żminijiet.”
Nersqu lejn naħa oħra tal-ħanut fejn siġar twal jostru għal ftit il-kumplament tat-tiżjin.
X’tip ta’ siġar tal-Milied qed ifittxu l-Maltin? U hemm differenza mix-xirja li jagħmel bniedem barrani li jgħix Malta?
“Il-parti l-kbira tal-Maltin jixtru s-siġra artifiċjali tal-Milied għax kull sena jibqgħu jużawha. Min-naħa l-oħra ħafna mill-barranin jixtru s-siġra tal-Milied il-ħajja għax imdorrijin li f’pajjiżhom iżommu mat-tradizzjoni u jixtru waħda friska. Din hi użanza komuni f’ħafna pajjiżi,” jistqarr Prentiss.
Iżda n-negozjant Malti qed jintebaħ xejriet partikolari. Fosthom li s-siġra tal-Milied qed tinbiegħ inqas.
“Għas-sempliċi raġuni li peress li jkunu artifiċjali ħafna mill-familji diġà għandhom waħda.”
Fattur interessanti hu dak li “’1 minn kull 50 klijent jippreferi siġra tal-Milied bajda. L-aktar li jippreferu hi l-ħadra,” jgħidilna Prentiss waqt li jogħdos wara l-bank biex iġib karta.
Ir-raġuni tibqa’ dik ovvja: li Malta ma narawx silġ. U anke jekk ħafna mill-Maltin jogħxew f’pajjiżi barranin meta tibda nieżla dik l-għata bajda, jidher li tal-inqas fis-salott tagħhom jippreferu jillimitaw l-immaġini ta’ Milied abjad għal xi kartolina jew għall-kanzunetta “White Christmas.”

 

 

Intervista
Balzunetta: minjatura ta’ Strada Stretta


FRANICA PULIS tintervista lill-pjanist veteran Sammy Galea




Carmelo M. Bonnici
Il-politika barranija Amerikana



Joe Ellis
Is-Salib u n-Nofs Qamar



Toni Abela
Il-libertà mhedda mill-biża’


Il-Punt - Dr Paul A. Bartolo
Demokrazija, inklużjoni u kurċifissi fil-klassi

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan