MediaToday

Intervista | 15 ta’ Novembru 2009 Nr 160

Bookmark and Share

Politika ċara, trasparenti u mingħajr pika bla bżonn

Harry Vassallo jintervista lill-Ewroparlamentari Laburista Edward Scicluna

Minkejja li kkontesta elezzjoni b’suċċess Edward Scicluna għadu ma jridx jerħi l-kultura ta’ ekonomista li trawwem fiha. Ma jħossux komdu f’politika antagonista jew li trid tbellagħha lin-nies li l-abjad iswed jew talinqas griż. Filwaqt li għadu jbati bit-tibdil tar-ritmu ta’ ħajtu, is-safar ta’ spiss u ftit ħin għall-familja, jippreferi l-mod kif titħaddem il-politika fil-Parlament Ewropew fejn min irid jirnexxi fi proġett politiku jrid bilfors jasal fi qbil ma’ ħaddieħor ta’ fehma politika differenti.
Jgħid li jrid ikun parti minn klassi politika differenti: iżjed ċara u trasparenti, iżjed kapaċi tgħid li jkun hemm bżonn li jingħad ukoll meta ma jdoqqx għal widnejn kulħadd. Mal-ħajja doppja ta’ ekonomista u politiku żied ħajja doppja oħra, dik tal-kunsens fl-Ewropa u tal-konfront f’Malta. Biex iżjed jimmultiplikaw il-ħajjiet li jrid jgħix irid jieħu sehem sħiħ fil-grupp Parlamentari tiegħu, dak Soċjalista fil-PE, jappoġġah safejn jista’ iżda fi kwistjonijiet li jolqtu ħażin lil Malta l-lealtà tiegħu terġa’ tieħu lewn ieħor u jaħdem id f’id mal-Membri tal-Parlament Ewropej (MPE) Maltin l-oħra.
“Aħna minn naħa tagħna qegħdin qrib il-Gvern u nirċievu l-karti dwar kwistjonijiet li jolqtu lil Malta b’mod partikolari. Għandi rapport f’idejja li se jagħmel ħsara lil Malta u mill-ewwel bgħattu lill-Gvern u bgħattu lill-practitioners fis-servizzi finanzjarji biex nara x’emendi rrid nagħmel … qabel, mhux wara, biex ngħinu lill-pajjiż indipendentement mill-grupp li qed fih.
“Aħna l-ħamsa li aħna niltaqgħu darba fix-xahar minbarra li nċemplu lil xulxin meta jkun hemm bżonn. Allaħares le. Il-Ġermaniżi kemm qed jiġġieldu favur l-Opel. Jekk jattakkawlna l-industrija tas-servizzi finanzjarji, jew fuq l-immigrazzjoni, ningħaqdu u nieħdu pożizzjoni indipendentement mill-grupp politiku tagħna. Trid toqgħod attent biex ma ssirx ħsara lil pajjiżek.”

Dan hu l-isfond, l-atteġġament tiegħu hu u jikkummenta dwar il-Baġit:
“F’ċerti aspetti kien ħafna aħjar mill-passat. Din id-darba l-Ministru kien fuq preċipizzju u bilfors kellu jara kif se jagħmel biex joħroġ b’xi ideat aħjar minn qabel. Iżda hemm ukoll dak l-element tas-soltu li hu ottimist iżżejjed fuq kemm se tikber l-ekonomija, kemm se jdaħħal dħul il-Gvern.
“Ma jistax ikun li nbassru li Malta se tmur aħjar mill-medja tal-Ewropa. L-Ewropa se jkollha ftit tkabbir u aħna se naqbżu l-1 fil-mija sew. Mela aħna għandna xi pakketti ta’ stimolu ikbar minn ta’ pajjiżi oħra? Jew aħna se nkunu kompetittivi iżjed? Safejn naf jien, bl-inflazzjoni li għandna, qed inkunu inqas kompetittivi. Jiġifieri dan hu kliem fil-vojt. Biex imbagħad noqogħdu nistennew is-sena ta’ wara biex ngħidu: “Ara xi ġralna … dan mhux tort tagħna … jew ir-riċessjoni kienet iżjed milli stennejna…”

Staqsejtu x’kien jagħmel kieku kien hu l-Ministru tal-Finanzi u Ekonomija.
“Kont inbassar b’mod realistiku.”

Forsi għax int ekonomista iżjed milli politiku? M’għandekx il-problema tal-fiduċja fil-pajjiż? X’piż tagħtiha?
“Trid tkun realistiku. Ħa nkun ċar. Jekk l-istampa mhix sabiħa daqs kemm qed tbassarha allura int kellek tkun iżjed kuraġġuż fil-Baġit tiegħek. Li tagħmel xi ħaġa … pereżempju l-Gvern beża’ milli jwaqqa’ l-VAT fuq it-turiżmu. Beża’ li mhux se jkollu dħul biżżejjed. Issa r-rapport għadni rrid narah iżda jien ngħid li beża’ minnha.
Aħna nafu minn studji li saru fil-passat u anke mill-istudji tal-MTA li kull darba li twaqqgħu l-prezzijiet fil-qasam tat-turiżmu, ir-return ikun ħafna iżjed milli tkun infaqt. Nafu wkoll li l-multiplier li għandu t-turiżmu, kif jaffettwa setturi oħrajn li m’għandhomx x’jaqsmu mat-turiżmu, hu sinifikanti. Mela dik kienet mossa kuraġġuża li missu ħa l-Gvern.”
Kompla jgħid li dan kellu jsir ukoll fuq servizzi bħal dawk ta’ manutenzjoni li jħallu impatt pożittiv akbar fl-ekonomija lokali meta mqabbla mal-miżura li ġġiegħel it-tiġdid tal-vetturi u b’hekk tgħin l-iżjed lill-ekonomiji barranin li jipproduċu l-vetturi.
“Meta l-miżuri jkunu zgħar u kożmetiċi ma jkunux effettivi. L-miżura qawwija, iżda bl-effett kuntrarju, huma t-tariffi li se tgħolli l-Enemalta. Issa x’hemm kontra (fil-Baġit) biex tpatti għaliha ekonomikament?”
Qal li ekonomista jippretendi li jittieħdu miżuri mhux biss mil-lenti ta’ accounts li jibbilanċjaw il-kotba iżda miżuri maħduma fuq policies immirati li għall-investiment li jsir ikun hemm dħul akbar.

Ma naqasx li jfaħħar dak li kien idoqq għal widnejh:
“Il-mizuri fl-edukazzjoni, fuq id-ditti ż-żgħar, dawn huma miżuri li bħala ekonomista tismagħhom bħala mużika. Dawn il-ħafna skemi ’l hawn u ’l hinn huma in the right way. Jiddependi mill-Gvern kemm jattwahom. Ma rridux naraw li jgħid ħafna affarijiet fil-Baġit u s-sena wara ma jkunux twettqu. Hemm listi twal minn dawn.”

Qabel mal-mod kif il-Gvern għażel li jagħti sussidju lill-familji fuq il-prezz tal-enerġija:
“Ma nafux it-tariffi kemm huma. Iżda l-prinċipju hu tajjeb. Il-prinċipju hu li tgħolli l-prezz ta’ xi ħaġa skarsa u tagħti sinjal lin-nies biex jikkunsmaw anqas minna iżda mhux tfaqqarhom bħalma ġara l-aħħar darba speċjalment lil nies b’ċertu dħul baxx. Tagħtihom il-kumpens. Issa jekk il-kumpens hux adegwat ma nafx għax ma nafx kemm se tkun it-tariffa. Però l-idea li tagħti kumpens skont kemm hemm membri fil-familja hu tajjeb biex tgħolli mingħajr ma tfaqqar.”

Kellu kritika għad-diskors tal-għoli taż-żejt fuq is-swieq internazzjonali li ma jiħdux kont tal-fatt li waqt li f’din l-aħħar sena l-prezz mogħti f’dollaru Amerikan jidher li niżel u reġa’ ġie għal li kien, fil-fatt matul l-aħħar sena d-dollaru Amerikan naqas fil-valur b’20 fil-mija:
“Jitkellmu bid-dollaru. Mela l-munita tagħna hi d-dollaru? Għandna l-munita tagħna, l-ewro. L-ewro għoliet 20 fil-mija mad-dollaru allura jekk is-sena l-oħra fl-aħħar ta’ Ottubru kien 80 dollaru u fl-istess ġurnata sena wara hu $80 u l-ewro għoliet b’20 fil-mija dik l-istess ħaġa? Le. Il-prezz taż-żejt għadu 20 fil-mija taħt il-prezz tas-sena l-oħra. Meta tagħti l-figuri f’dollari tkun qed tqarraq bin-nies.”

Staqsejtu jixraqx li jkun hemm formula fissa u magħrufa biex kulħadd ikun jaf kif se jvarja l-prezz tal-elettriku hekk kif ivarja l-prezz taż-żejt:
“Mhux jien għandi ngħidha l-formula iżda r-Regolatur … sfortunatament għandna dgħufija kbira kbira mhux biss tar-Regolatur tar-riżorsi … tat-trasport … tal-ippjanar huma dgħajfa wkoll. Kieku kellna Regolatur kif suppost bħala pajjiż Ewropew denju lill-Korporazzjoni għandu jagħtiha perjodu ta’ sentejn li fih tieħu r-riskju hi ħalli wieħed jippjana. Mela wieħed jista’ joqgħod jilgħabha meta jġib it-turisti u fil-brochures ma jafx se jkun il-prezz tal-enerġija? Jew inkella l-familja? Kellna formula. Għaliex tlaqna minna?
“Min ma jkunx trasparenti u ċar iġegħilni naħseb li l-affarijiet mhumiex sew. Hemm affarijiet li nara f’dik il-Korporazzjoni, issa ġew minn meta ġew, li m’huma ċari xejn. Ngħidilha jien dinosawru, li meta tneħħi l-qoxra tara ħafna affarijiet mhumiex sbieħ…
il-prattiċi tal-management, il-mod kif titmexxa. Meta teknologija tkun se tispiċċa trid taħsbilha minn qabel. Issa qed inbatu l-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ ppjanar fit-tul.”
“Inwaħħal fir-Regolatur li suppost qed jieħu ħsieb. Ir-Regolatur kemm-il darba saffar (għal foul) jew għolla leħnu jew ta’ warning bħalma ġieli għamel il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Min ikun chairman ta’ Regolatur dan li għandu jkun xogħlu. Mhux moħbi lanqas taf min hu. U rridu naraw il-Liġi sew biex inkunu indipendenti u jekk issib fl-aħħar fis-small print li trid tgħaddi mill-Ministru mhemm indipendenza xejn.”

Qbadtlu fuq l-enerġija alternattiva, kamp traskurat għal għexieren ta’ snin li sar moda f’dawn l-aħħar xhur.
“Għandek l-ilma, l-enerġija, l-iskart solidu u d-drenaġġ. Dawn l-erbgħa dejjem kienu f’dipartimenti li jaraw kemm se jdaħħlu mit-tariffi u qatt ma kien hemm ippjanar. U issa rajna xi ġralna bil-Magħtab. L-istess qed jiġrilna fuq l-ilma. Għandna 20 jew 30 sena oħra u ma nafux jekk aħniex se jkollna ilma tal-pjan li jkun jista’ jintuża. Dan nuqqas ta’ pjanar. L-użu tar-riżorsi għandna nimmaniġġawh.”
Għedtlu li din mhix kwistjoni ta’ politka partiġġana. Hi l-pedament tar-raġuni, sitwazzjoni ttraskurata għal għexieren ta’ snin. Ħadd m’għamel analiżi ta’ dak li ħlejna f’dawn is-snin kollha.
“Issa (aħna) membri tal-UE, tal-Eurozone. Nafu l-benchmarks ta’ 27 pajjiż u naraw fejn aħna (meta mqabbla magħhom). Aħna qegħdin ’l isfel sew. Il-punt hu li jservuna ta’ tbeżbiża biex nagħmlu target. Minflok, qegħdin nagħmlu wegħdi bla targets. Ma ngħidux: fi żmien sena nkunu hawn, f’10 inkunu hawn.”
Staqsejtu jaħsibx li l-PN għandu allerġija għall-ippjanar ekonomiku għax jarawh Soċjalista wisq.
“Naħseb li hemm kompetizzjoni bejn il-partiti li nfissdu kemm jista’ jkun. Biex inkunu popolari. Taxxi ma ngħollix imbagħad qed tiddejjen u n-nies ma jarawkx. Jekk il-pajjiz jaffordja, mela le. Jekk ma tistax tagħmel l-impossibbli f’pensjonijiet, f’benefiċċji soċjali … jekk taf li mhux se tlaħħaq trid tiftaħ id-diskussjoni.
“Il-pensjonanti x’se jagħmlu? Is-sagrifiċċju s-single mothers se jagħmluh jew min jiftaħ iżjed minn ħaddieħor. Il-middle income class se tgawdi servizz ta’ saħħa b’xejn għax hi taxpayer? Jekk iva rridu naraw id-daqs tar-riżorsi li għandna u li l-kwalità mhux se tkun mill-aqwa. Aħna pajjiż middle income b’75% tal-medja tal-UE. Ma jistgħux isiru minn dawn il-wegħdiet bl-addoċċ.
“Id-diskussjoni għandha tkun fl-MCESD iżda trid tkun miftuħa għall-pajjiż kollu. Kulħadd għandu jkollu leħen bħala pajjiż mhux bħala partit.”

F’Malta għandna 11,000 ruħ bil-paga minima li tigi anqas minn 60% tad-dħul medju. Dawn il-11,000 ruħ bil-paga minima huma taħt is-solja tal-faqar. Staqsejtu jaħsibx li dawn in-nies humiex f’qagħda li jużaw dawn l-għodod li tipprovdi l-UE? Għandux responsabbiltà li jaħdem għalihom?
“Jien qiegħed fuq il-Kumitat Ekonomiku tal-Affarijiet Monetarji fil-PE. Xogħolna li nagħmlu liġijiet biex nilqgħu għall-kriżi finanzjarja u r-riċessjoni. Dan kien terremot mhux bħalma ħsibna f’Malta: li se jiġri kullimkien u mhux għandna. U jekk ma nkunux attenti jista’ jaffettawna izjed minn ħaddieħor.
Għandna (quddiemna fil-PE) ruxxmata ta’ liġijiet biex ċerti prattiċi jispiċċaw: il-mod kif jaħdmu l-banek, il-mod kif ċerti prodotti finanzjarji jiġu reġistrati, hedge funds. Tgħidli dawn kif se jinteressawh bniedem fuq il-minimum wage? Jaffettwaw il-pensjonijiet, il-mod kif qed jinvestu, jekk għat-30 sena li ġejjin is-sistema se nirregolawha żżejjed jista’ jagħti l-każ li dawn ikollhom qligħ inqas. B’1 fil-mija anqas qligħ il-ħaddiem irid iġemma 20 fil-mija iżjed. Għandna responsabbiltà li la nirregolaw iżżejjed u lanqas li ma nirregolawx.”

Il-fondi tal-pensjonijiet Maltin qed jiġu investiti jew le? Kemm jista’ jġemma’ persuna li qiegħed fuq il-paga minima?
“Ftit. Għalhekk l-Istat għandu jidħol biex jgħinu.”

Tkellimna fuq il-fondi li Malta tieħu mill-UE u nfetaħ baħar ta’ kritka u frustrazzjoni.
“Aħna bħal bniedem li tagħtih il-flus biex jinvesti f’daru, biex jixtri karozza u dan għax traskurat ma jonfoqhomx. Aħna f’dik is-sitwazzjoni qegħdin.
M’għandniex noqogħdu nimpikaw aħniex qed nieħdu iżjed milli nagħtu lill-UE. Fil-fatt qed nieħdu €15 miljun iżjed milli nagħtuha. X’inhuma €15 miljun meta għandna €60 miljun oħra li m’aħniex nużawhom? U dan fi żmien ta’ kriżi. Qabel ma dħalna fl-UE kellna fondi oħra u konna kapaċi nużawhom, issa le.
“L-absorbtion capacity hi nofs dik li tikkalkula l-UE. Allura m’aħna se nieħdu xejn. Nagħtu €60 miljun u nagħtu €60 miljun. Għandna nieħdu €120 miljun. Jekk nieħdu nofshom biss ma nieħdu xejn.

Malta spiċċat żvantaġġata meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra meta ma ngħatatx żmien biex taħrab mill-obbligu li ċċekken id-deficit. Staqsejtu għaliex.
“F’dal-każ tad-defiċit il-pajjiżi kollha tawhom tlieta, erbgħa snin biex jikkoreġu d-defiċit u lilna tawna sena.
“Jien erba’ xhur ilu għamilt Mistoqsija Parlamentari lill-Kummissjoni u dawn tawna risposta fjakka iżda qaluli l-Gvern Malti ma kkonvinċihomx li kellna special circumstances. Issa qed nisimgħu li l-Ministru tal-Finanzi se jibda din il-proċedura. Il-Gvern, minflok ammetta l-problema kif suppost, beda jgħid lill-Kummissjoni li m’għandniex problemi biex ma jwaħħluniex l-excessive deficit procedure u jagħtuna ż-żmien (sena skont it-trattat) biex inġibu d-defiċit in line jew inkella jkollna l-penali. U kkonvinċejnihom u qalulna: mela ma nwaħħlukomx il-penali.
“Tliet xhur wara ħarġu l-figuri li wrew li d-defiċit kien ħafna iżjed milli qed jgħid il-Gvern u iżjed serju, ’il fuq mill-4 fil-mija . Il-Kummissjoni qalulna, issa li għandkom l-excessive deficit se nibdew il-proċeduri kontrikom iżda f’sena tridu tirranġawh. Intkom ikkonvinċejtuna li m’għandkomx problemi. Mela f’sena tridu tirranġawh. Issa nafu li f’sena ma jistax ikun. Jekk il-pajjiż għaddej b’riċessjoni bħal din u jekk Malta qed issofri daqs u iżjed mill-UE, għallinqas fl-aħħar quarter li ġie rrappuratat. U l-Gvern qed juri bil-Baġit tiegħu li mhux possibbli. Mela għaliex dan ma rahx qabel?
Fil-Bagit l-ieħor Lehmann Brothers kienu diġà fallew. Id-dinja kollha mwerwra, l-ekonomiji bdew imorru lura u aħna ngħidu kemm ħloqna x-xogħol u għax qegħdin fil-Eurozone u ħafna kliem li ma kienx floku. Missna kellna Baġit ippreparat għal dan il-riċessjoni.”
Kellna nieqfu ħesrem minħabba l-ħin għall-intervista ikkmandat mit-tul tax-xandira li ssir minna fuq it-televiżjoni. Kien baqagħlu ħafna xi jgħid u jien x’nistaqsieh. Mank kulħadd fil-politika bħalu. Dan raġel li tieħu pjaċir meta ma taqbilx miegħu. Se jipprova jirraġuna miegħek, mhux jidħak bik jew jipprova jgħaffġek. Mhux se jieħu għalih jew iżommhielek fil-komma. Mhux prodott tas-sistema politika tagħna iżda ta’ dik Ewropea.
Forsi bdiet tinbidel xi ħaġa f’Malta wkoll.

 

 

Intervista
Il-bilanċ bejn viżjoni u ambizzjoni


Karl Stagno-Navarra jintervista lil Michael Briguglio iċ-Chairperson il-ġdid tal-AD




Carmelo M. Bonnici
Pajjiż f’fażi ta’ progress



Joe Ellis
Il-Ħajt li ħadd ma ħaseb li se jaqa’



Toni Abela
F’salib it-toroq


Il-Punt - Adrian Grima
Ta’ min hi l-Letteratura Maltija?

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan