MediaToday

Toni Abela | 08 ta’ Novembru 2009 Nr 159

Bookmark and Share

F’salib it-toroq

Ma kinitx sentenza tal-Qorti Ewropea li qalet li salib fi klassi jikser id-dritt fundamentali ta’ min mhux Kristjan! Għal poplu Malti niżlet qisha porga anti-reliġjuża. Fi gżira fejn lanqas id-dibattitu fuq id-divorzju mhu aċċettabbli, u fejn it-twemmin Kattoliku hu mbierek kostituzzjonalment, għall-poplu Malti din hi dagħwa.
Bil-quddiem ngħid li ma naqbilx ma’ din is-sentenza. Ir-raġunijiet mhumiex wisq reliġjużi iżda politiċi u filosofiċi. Il-Qorti Ewropea ma tistax tippretendi li tfassal qmis li bilfors tiġi lil kull min jidher quddiemha fuq kwistjonijiet li huma differenti u li jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor.
Kienet tkun storja oħra kieku persuna ta’ fidi differenti talbet li tinħeles milli tattendi għal-lezzjonijiet tar-reliġjon dwar il-fidi Kattolika. Kienet tkun kwistjoni oħra kieku persuna ta’ fidi differenti għandha jkollha post ta’ qima bħalma għandhom kappella dawk l-istudenti Kattoliċi. Iżda dan mhux il-każ.
Meta kont għadni student tal-Liġi kont nammira ħafna l-kitbiet filosofiċi tal-awtur Taljan Benedetto Croce. Niftakar silta mill-ħsieb tiegħu dwar id-dritt fundamentali tal-qima u reliġjon. Jargumenta li ħadd ma għandu jkun miżmum milli jipprattika dan id-dritt ikun fejn ikun. Anke fl-iskejjel u għajb għal min jipprova jirfes dan id-dritt. L-esperjenza Faxxista fl-Italja ħalliet ġerħa profonda fuq dan l-awtur.
Imma Croce jirrikonoxxi l-prinċipju tal-maġġoranza morali. Jemmen li f’kull soċjetà hemm simboli u sinjali li jimmarkaw din il-maġġoranza. Anzi jmur pass ’il quddiem. Hu jwiddeb li dejjem ikun hemm movimenti politiċi li jagħmlu minn kollox biex jeqirdu simboli ta’ din ix-xorta.
Fl-Istorja tal-Ewropa dawn il-movimenti politiċi dejjem kienu evidenti. Ħafna drabi ppruvaw jissostitwixxu b’simboli politiċi oħrajn b’ritwali li jixbhu ħafna lil xi reliġjon. Eżempju ċar kien ir-reġim Nażista fejn is-simbolu tal-iswastika kien aktar minn evidenti. Xeni ta’ attivitajiet ta’ massa bil-lejl u b’bandalori b’dan is-sinjal xbajna naraw f’filmati tal-epoka. Hekk ukoll jista’ jingħad għall-minġel u l-martell fl-Unjoni Sovjetika u s-satelliti tagħha u s-simbolu tal-ajkla li kienet takkompanja lill-imperatur wara l-ieħor.
Iż-żelu eċċessiv li hemm fil-qalba tal-Ewropa li jkun hemm distinzjoni bejn stat u Knisja ħafna drabi witta t-triq għal dittaturi li jfakkruna aktar fil-ħażin li ġabu milli fit-tajjeb li setgħu għamlu. Iżda t-tneħħija ta’ simboli maġġoritarji u kulturali huma s-sinjali ta’ żminijiet u ġenerazzjoni li ma tafx eżattament xi trid.
Biex tkun lajk u ċivili ma jfissirx li ma għandekx tirrispetta l-maġġoranza morali. Min-naħa l-oħra lanqas ma għandhom ikunu esklużi dawk li ma jagħmlux parti minn din il-maġġoranza. L-iżball li tillivella biex ħadd ma jidher li qiegħed minn fuq. Din mhix kwistjoni ta’ pika, iżda ta’ rispett reċiproku bilanċat. Hi kwistjoni ta’ identità.
Iż-żminijiet qed jinbidlu b’mod mgħaġġel fejn il-piramida soċjali tal-bieraħ qed tagħmel wisa’ għall-isfera ta’ moderniżmu li qiegħed jaħsad kulturalment lil dawk li ma jistgħux jifhmu x’qiegħed jiġri. Raġel sar mara u tarbija taf biss lil ommha. Iż-żwieġ eterosesswali qiegħed ikun spalla ma’ spalla ma’ relazzjonijiet umani li sa ftit tas-snin ma kinux jidhru. Żminijiet meta anke fi ħdan il-Knisja Kattolika għandek rewwixta wara rewwixta minn isqfijiet u saċerdoti bi sfida lill-Vatikan. Iżda hemm simboli li jfakkru f’identità. Jista’ jkun salib, nofs qamar jew il-Buddha. Dawn huma simboli ta’ identità.

 

Intervista
Il-bilanċ bejn viżjoni u ambizzjoni


Karl Stagno-Navarra jintervista lil Michael Briguglio iċ-Chairperson il-ġdid tal-AD




Carmelo M. Bonnici
Pajjiż f’fażi ta’ progress



Joe Ellis
Il-Ħajt li ħadd ma ħaseb li se jaqa’



Toni Abela
F’salib it-toroq


Il-Punt - Adrian Grima
Ta’ min hi l-Letteratura Maltija?

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan