MediaToday

Aħbarijiet | 08 ta’ Novembru 2009 Nr 159

Bookmark and Share

Il-PBS jakkwista d-drittijiet tat-Tazza tad-Dinja 2010

Charlot Zahra
czahra@mediatoday.com.mt

Wara li erba’ snin ilu kien inqala’ furur kbir wara li l-logħbiet tal-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja 2006 fi Franza kienu ntwerew fuq Melita Cable sar magħruf li d-drittijiet tat-Tazza tad-Dinja 2010 li ser tintlagħab f’Ġunju 2010 fl-Afrika ta’ Isfel se jixxandru fuq il-PBS.
Kelliem għall-European Broadcasting Union (EBU), l-assoċjazzjoni li tiġbor fiha stazzjonjiet televiżivi minn aktar minn 50 pajjiż madwar l-Ewropa u madwarha, ikkonferma li d-drittijiet televiżivi nxtraw mingħand il-PBS.
Albert Garnier, kelliem għall-EBU, qal lil Illum: “Il-PBS akkwistat id-drittijiet kollha għall-mezzi kollha ta’ xandir għajr id-drittijiet tal-mobajl għat-Tazza tad-Dinja 2010 tal-FIFA. Id-drittijiet huma l-aktar għall-użu fix-xandir free-to-air fuq bażi nazzjonali.”
Dan ifisser li l-PBS xtraw id-drittijet fejn jidħol ix-xandir bl-aerial free-to-air, għax-xandir permezz tal-pay tv kif ukoll id-drittijiet għax-xandir fuq l-Internet. B’hekk mhux eskluż li l-PBS jerġa’ jilliċenzja d-drittijet tal-pay tv u l-internet lil xi content provider ieħor, bħall-GO u l-Melita.
S’issa l-PBS għadhom ma għamlu l-ebda tħabbira uffiċjali f’dan ir-rigward.
Il-kelliem tal-EBU ma setax iwieġeb mistoqsijiet ta’ din il-gazzetta dwar jekk il-PBS kinitx qassmet dawn id-drittijiet li xi content provider ieħor fejn jidħol il-pay-tv u l-internet, lil min, kemm-il logħba se jixxandru u jekk humiex se jkunu diretti jew differiti.
Anki kelliem għall-FIFA, il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Futbol, ikkonfermat ma’ Illum li l-PBS kienu ngħataw id-drittijet għax-xandir tal-logħbiet.
Fl-2006, meta Melita ħabbru li kienu akkwistaw id-drittijiet esklussivi tal-logħbiet fi Franza, kien qam agħa fost id-dilettant sportivi li s’issa kienu mdorrijin jaraw il-logħob kollu b’xejn, biex jintlaħaq ftehim biex il-logħob jixxandar free-to-air. Il-perċimes kien id-Deputat Nazzjonalista Jefferey Pullicino Orlando li kien fuq quddiem nett fil-battalja li saret fil-media wara li tħabbar dan il-ftehim.
Melita Cable kienu ftehmu ma’ Smash TV, stazzjon li jxandar bl-aerial free-to-air, li jxandar l-64 logħba kollha tal-fażi finali eżattament malli jintemmu. Iżda dan ma kienx biżżejjed għall-Awtorità tax-Xandir.
F’Mejju 2006 l-Awtorità kienet ħarġet direttiva li permezz tagħha Melita kienet sfurzata li tagħmel ftehim ma’ stazzjon terrestri ieħor li jintlaħaq minn parti sostanzjali tal-popolazzjoni biex ixandar il-kwarti-finali, is-semi-finali, il-finali u l-logħba għat-tielet u r-raba’ post dirett. Dak iż-żmien l-Awtorità kienet qieset illegali l-ftehim esklussiv li kien sar bejn Smash u Melita. Skont l-Awtorità tax-Xandir, “Smash TV mhux neċessarjament jilħaq proporzjon sostanzjali tal-pubbliku”.
Evenwalment, Melita Cable kienet laħqet ftehim mal-PBS, Net TV u ONE TV biex ixandru dawn it-tmien logħbiet diretti, bl-istazzjonijet kollha jxandru l-finali b’mod dirett.
Wara d-deċiżjoni tal-Awtorità, Smash TV kien għamel investiment sostanzjali f’repeaters ġodda ftit tal-ġimgħat qabel bdiet il-fażi finali, bl-istazzjon jilħaq 82 fil-mija tal-popolazzjoni hekk kif stipulat mil-Liġi tax-Xandir.
Dakinhar il-kontroversjali kienet iggravat wara li għall-ewwel darba r-RAI ma kienx akkwista d-drittijiet kollha tal-logħbiet tal-fażi finali għax dawn kienu nxtraw mill-istazzjon li jxandar bis-satellita Sky Italia.
Sussegwentement ir-RAI irnexxielu jixtri d-drittijiet terrestri għal-logħob kollu tat-tim nazzjonali Taljan.
Din id-darba, minħabba li l-EBU rnexxielha tirbaħ id-drittijiet esklussivi tal-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja, dan ifisser li fl-Italja l-logħob se jixxandar kollu mir-RAI, li huma l-membri tal-EBU fl-Italja.

 

 

Intervista
Il-bilanċ bejn viżjoni u ambizzjoni


Karl Stagno-Navarra jintervista lil Michael Briguglio iċ-Chairperson il-ġdid tal-AD




Carmelo M. Bonnici
Pajjiż f’fażi ta’ progress



Joe Ellis
Il-Ħajt li ħadd ma ħaseb li se jaqa’



Toni Abela
F’salib it-toroq


Il-Punt - Adrian Grima
Ta’ min hi l-Letteratura Maltija?

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan