MediaToday

Sport | 08 ta’ Novembru 2009 Nr 159

Bookmark and Share

Il-kelma ta’ missier ir-referees

Mark Attard

Tagħmel ftit ħin titkellem ma’ Tonio Briguglio tibda tistaqsi lilek innifisek għalxiex hawn tant nies ta’ kapaċità u esperjenza fil-futbol Malti li għax forsi kelma jgħiduha iktar minn ħaddieħor, u jikkritikaw fejn jaħsbu li hu ħażin, jiġu kważi skumnikati u għalihom ma jinstab post imkien.
L-esperjenza li għandu Briguglio fil-qasam tar-referees ma ssibhiex f’kulħadd. Ir-raġel irreffja ħafna, anzi, wisq. Il-passat tiegħu jurik li warajh għandu 18-il partita internazzjonali tal-faxxa ‘A’ u 68 logħba tal-Uefa. Hawn Malta l-ikbar sodisfazzjon tiegħu jibqa’ li rreffja 9 darbiet il-finali tat-Trophy. Rekord assolut li diffiċli ħafna li xi darba jintlaħaq.
Il-karriera tiegħu tiġbor fiha 26 sena li 16 minnhom għamilhom fuq il-panel tal-UEFA u l-FIFA. Fi kliem qasir, din kienet il-ħajja ta’ tifel li beda fl-isport ta’ 14-il sena bħala plejer tal-Liċeo li aktar ’il quddiem kompliet tiżviluppa sakemm laħqet il-quċċata tagħha bil-karriera ta’ referee, li hi l-iktar waħda li se jibqa’ popolari għaliha matul ħajtu.
Iżda t-triq għalih ma kinitx daqshekk faċli. Matul is-snin sab lil min ried ifixklu jew jimblukkah milli jkompli għaddej fit-triq li kien qabad u li bdiet tħallilu s-sodisfazzjon mixtieq.
“B’sodisfazzjon ngħid li l-karriera ta’ referee ħallietli tifkiriet kbar f’ħajti. Iżda kelli wkoll l-imrar. Kelli ngħaddi minn diversi sqaqin u ċerti għoljiet li kelli nagħmel sforz kbir biex nissuperahom. Jien, biex qrobt lejn il-quċċata, kelli ngħaddi minn sqaqien dojoq, telgħat wieqfa u minn qalb annimali feroċi. Iżda jekk nieħu kollox ma’ kollox ngħidlek li l-karriera ħallietli togħma tajba u memorji sbieħ minbarra li laqqgħatni ma’ ċerta nies ta’ klassi.
“Dejjem xtaqt insir referee u ta’ 26 sena ddeċidejt nimla l-applikazzjoni u kien hemmhekk fejn ħadt l-ewwel skandlu fil-karriera tiegħi. Kien hemm persuna u ġiet turini l-karti tal-eżami minn qabel. Qabbditni bard kbir. Kien qalli biex nagħtihom daqqa t’għajn għax kienu se jkunu d-domandi li se jistaqsuna fl-eżami. Jien irrispondejtnu li nafhom u li ma kienx hemm għalfejn. Anqas biss ħarist lejhom. Dan l-inċident tfajtu fil-ġenb għalkemm bqajt niftakru u llum niġi konxju tiegħu iktar minn dak iż-żmien.”
Tonio Briguglio twieled fit-22 ta’ Lulju 1934 fil-Ħamrun u llum joqgħod Ħal Qormi. Miżżewweġ lil Maryanne u missier ta’ żewġt itfal, Tonio u Ann Marie. Briguglio kien midħla wkoll ta’ sports ieħor bħal basketball, table tennis, atletika u muturi.
Jien inkellmu fuq il-karriera ta’ referee fil-futbol. X’inhi l-funzjoni eżatta tiegħu u x’sodisfazzjon tista’ tħalli lill-persuna din il-karriera.
“Referee qiegħed hemm biex jara li jiġu osservati r-regolamenti tal-logħba u jmexxi l-partita b’mod dinjituż u li toħroġ il-personalità ta’ dak li jkun. Referee jrid jittratta lill-plejers tajjeb biex jiġi trattat tajjeb lura hu stess. Is-sodisfazzjon tar-referee hu meta jara li jiġi stmat mill-plejers li jkunu qed jirrikonoxxu li dak li qed jagħmel ikun qed jagħmlu għall-ġid tagħhom u għall-ġid tal-logħba inġenerali.
“Jekk il-karriera ta’ referee tittieħed bis-serjetà ngħidlek li diffiċli. Iżda jiddispjaċini ngħidlek li dawk li fil-pajjiż li qed jitħajru jidħlu għal din il-karriera qed jiġrilhom bħaż-żerriegħa tal-Vanġelu li jaqgħu mat-triq.
“Il-karriera tirrikjedi ħafna sagrifiċċju. Ma tridx tkun biss atleta imma anki psikjatra. Trid taġġorna ruħek mar-regolamenti. Hemm ħafna affarijiet li jagħmlu referee perfett iżda jien nibqa’ ngħid li l-ikbar tnejn huma li jkun fiżikament u mentalment tajjeb b’mod rilassat u trankwill mingħajr problemi x’jaħseb u jewhden fuqhom. Ma jistax ikun li referee jirreffja jekk ikollu problema fil-ħajja personali.”
Nitkellmu fuq il-bidu tal-karriera tiegħu u kif pass wara pass laħaq il-quċċata ta’ din il-karriera.
“Fl-1960 bdejt nirreffja u għamilt erba’ snin fit-trab tas-Schreiber fit-Tielet Diviżjoni. Wara erba’ snin tlajt għat-Tieni Diviżjoni u wara erba’ snin oħra tlajt fl-Ewwel Diviżjoni. Ma nafx għalfejn kien hemm referees li ma kinux qed jirreffjaw daqsi u spiċċaw telgħu fl-Ewwel Diviżjoni qabli. Iżda mbagħad il-verità telgħet u fl-1970 bagħat għalija Frank Attard, is-Segretarju ta’ dak iż-żmien, u qalli li jħoss li għandu jafdali partita tan-nar bejn Sliema Wanderers u Valletta. Skont kif kienu ġġudikawni dak iż-żmien jidher li mort tajjeb ħafna u wara ftit sirt fuq il-panel tal-FIFA. Fl-1972 irreffjajt fil-Little World Cup li saret fi Spanja u wasalt biex kont linesman fil-finali bejn il-Ġermanja u l-Ingilterra fin-Nou Camp quddiem 120,000 ruħ.
“Illum referee m’għandux il-problemi li kellna aħna għalkemm xorta għadhom jiltaqgħu mad-diffikultajiet tagħhom. Fi żmieni min kien ikun linesman kienu jaqbduh minn widnejh daqs kemm ikun viċin in-nies.”
Naqtagħlu diskors fin-nofs u nkellmu fuq il-preżent. Huma ħafna dawk ir-referees li jidhru li m’humiex kuntenti bis-sitwazzjoni preżenti. Briguglio jgħidli ftit mid-diffikultajiet li jsibu ma’ wiċċhom illum il-ġurnata r-referees.
“Waħda mill-problemi ta’ referee hi li mal-ferħa ta’ kif ikun għadda mill-eżami jieħu l-ewwel qatgħa meta jċappsulu ma’ wiċċu kont ta’ xi €200 biex jixtri l-full kit li ma sservix aktar minn 3 snin. Jekk ikun student żgur li ma jarahomx sbieħ.
“Imbagħad jitfgħuh trainee referee f’partiti tad-diviżjonijiet il-baxxi u jdum hekk mhux inqas minn sentejn. Meta jgħaddu dawn is-sentejn jitfgħuh sena bil-bandiera f’idejh u t-tieni sena jibda bħala referee normali. Din fiha diġà kontradizzjoni għax meta tirreffja partiti tal-Youths il-plejers ftit li xejn ikollhom esperjenza biex jirrispettaw ir-referees.
“Iżda l-ikbar waħda hi li ġieli jirreffjaw tliet logħbiet f’ġurnata. Il-problema tiġi għax jekk pereżempju rreffjajt l-ewwel waħda nofs u għat-tieni waħda ħriġt mal-linja, il-partitarji tal-ewwel logħba jintefgħu kollha warajh u joqogħdu jgħajruh kemm jifilħu. Din waħda mill-affarijiet bażiċi li ma tagħmilx sens. U r-referees forsi jibżgħu jitkellmu fuq dawn l-affarijiet u dan għax is-sena l-oħra kellna referee li għax ipprotesta naqra għax ħass li ma kellux sigurtà fil-grawnd spiċċa ma jingħatax appuntamenti daqs kemm kien. Naħseb li hemm problema ta’ nuqqas ta’ komunikazzjoni.”
Ifakkarni fl-artiklu li ppubblikat din il-gazzetta ftit tal-ġimgħat ilu fejn wara eloġji sħaħ fuq kemm għandna referees f’pajjiżna fil-programm tal-MFA, MFA Magazine, proprju tlett ijiem wara nsiru nafu li referee ngħata żewġ appuntamenti f’inqas minn tliet sigħat f’żewġ grawnds differenti.
“Iva, l-artiklu tiegħek smajt bih. Ma skantajtx. Dik normali ħafna. Iżda jien ma nistax nikkritika referee għax anki dawk li huma ftit wisq li ma jarawx għajn m’għajn miegħi inħoss li huma t-tfal tiegħi u nkun irrid nikkurahom. Nikkritikahom kostruttivament biss.
“Meta fuq it-televiżjoni konna nagħmlu s-Slo Mo qatt ma kienet tkun l-intenzjoni tiegħi li nikkritika lir-referees iżda biex ngħallimhom. Wara sirt naf li minkejja li kien hemm minnhom li kienu jitnaffru, dawk l-istess filmati li konna nuru fuq it-televiżjoni kienu jużawhom biex jagħmlu l-lectures bihom.”
Inkellmu fuq programm tat-televiżjoni riċenti li deher fuqu fejn saħaq li f’Malta m’għandniex biżżejjed inspectors tal-logħba u mill-ftit li għandna hemm minnhom li m’humiex ta’ stoffa biżżejjed.
“Jien inħoss li m’hemmx inspectors biżżejjed. Jien ngħid li inspector hu t-tabib tar-referee. Inspector ma jistax ma jkunx aġġornat ma’ ċerti affarijiet li jsiru. Jien mhux qed ngħid li m’hemm ħadd tajjeb. Anzi ngħid li hemm inspectors ta’ esperjenza kbira u tal-affari tagħhom iżda hemm inspectors oħra li qatt ma kienu referee jew li dejjem irreffjaw partiti ħlief tat-Tielet Diviżjoni.
“Jien ngħid li biex tkun inspector trid tkun referee ta’ esperjenza kbira u li f’ħajtek irreffjajt partiti ta’ portata kbira.”
Briguglio għamel anki sentejn President tal-Malta Football Referees Association. Fiż-żmien tiegħu saru ċerti tibdiliet u riformi għall-ġid tar-referees. Iżda hawnhekk sab ukoll min ipprova jfixklu.
“Fis-sentejn li għamilt President kelli tfixkil kbir minn dawk ta’ madwari. Jien għamilt sentejn biss u b’kumbinazzjoni. Jien qatt ma ridt insir President tal-MFRA. Kont dħalt wara li kellu jitlaq Pawlu Bonett fuq xi kumplikazzjonijiet li kienu qamu u jien għidtilhom li kont se naċċetta għalissa sakemm isibu President ġdid.
“B’wiċċi minn quddiem ngħid li l-affarijiet li għamilt jien kemm domt f’dik il-karigi ħadd s’issa ma għamilhom. Neħħejt l-income tax minn fuq il-ftit dħul li kellna dak iż-żmien u l-oħra kienet li kif mort jien ridt li referee jrid ikun inxjurjat mhux biss waqt il-ħin tal-partita iżda l-ħin kollu kull fejn imorru, 24 siegħa kuljum.
“Iżda l-affarijiet kif kienu mixjin ma bdewx jogħġbuni. Darba minnhom waqt laqgħa tar-Referees Board kont għidtilhom li jekk ma jirranġawx l-affarijiet kont se nitlaq. Illum il-ġurnata għad hemm min sal-lum qed jipprova jagħmilli l-ħsara u jigdeb fuqi. Irrid nagħmilha ċara li jien mal-MFA m’għandi l-ebda problema ma’ ħadd inkluż mingħand il-President Joe Mifsud li mingħandu dejjem rajt rispett kbir.”
Darba smajt storja fuq Briguglio li kif kont quddiemu għamilt il-kuraġġ u staqsejtu fuqha. Kienu qaluli li hu jkun jaf minn qabel min huma r-referees tal-logħbiet.
“U żgur li vera. Meta kont President tal-MFRA kelli problema mal-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien. Jien kelli sors tiegħi fl-MFA li kien qalli li l-klabbs u n-nies qed ikunu jafu min huma r-referees tal-partiti minn qabel.
“Jien indagajt fuqha għax dehrli li kienet xi ħaġa serja. Tant hu hekk li jien kont mort bl-isem tar-referees ta’ logħba partikolari u flok l-MFA indagat dak li kont qed ngħid, spiċċaw jindagaw lili minn fejn qed inġib l-informazzjoni. Dak iż-żmien kont naħdem il-Posta u l-ikbar ċajta taċ-ċentinarju kienet meta qalu li jien noqgħod infittex fil-posta tar-referees u niftħilhom l-ittri biex inkun naf x’appuntament għandhom.”
Nistaqsih jekk ir-referee lokali hux imħallsin tajjeb u biżżejjed għax-xogħol li jagħmel.
“Le, żgur li le. Però jiddispjaċini ngħid li ċerti deċiżjonijiet minn ċerti nies dwar ir-referees mhux dejjem jittieħdu tajjeb. Ħdejn iż-żmien tagħna dawn tal-lum miljunarji. Jien fi żmieni kont nieħu Lm3.00. Illum referee qed jitħallas ukoll tat-taħriġ u mhux biss tal-logħob. L-MFA mhux kollox tagħmel ħażin għar-referees. Kultant ir-referrees stess jiksru l-kmandament tal-funzjoni.
“Nagħtu każ Dr Mifsud għandu esperjenza kbira ta’ kif titmexxa d-dinja tar-referees għax ma ninsewx li kien officer-in-charge tal-Uefa. Għamel ħafna affarijiet tajba. Però jiddispjaċini ngħid li ċerti deċiżjonijiet fuq ir-referees mhux dejjem ittieħdu tajjeb.
“Se ngħid xi ħaġa li hemm min ma jiħux pjaċir biha. Is-sodisfazzjon tiegħi hu li allavolja m’iniex direttament uffiċjal, fejn nista’ ngħin lir-referees dejjem għamilt hekk u se nibqa’ nagħmel hekk. Il-maġġoranza tar-referees lokali jagħmlu kuntatt kontinwu miegħi fuq pariri li huma jaraw siewja għalihom.”
Inkellmu fuq ir-referees tal-lum. Kulħadd għandu l-ideat tiegħu fuq min hu l-aqwa u l-aħjar wieħed. Din il-mistoqsija nagħmilha wkoll lil Briguglio.
“Mhux se niġġudika jien iżda għandna erba’ referees fuq il-FIFA Panel li l-livell ta’ bejniethom jekk ivarja hu veru ftit. Naħseb li hemm xi referees li qegħdin lesti li jidħlu fil-FIFA u hemm bżonn li jidħlu għax jixirqilhom. Jien dejjem ngħid li ma nistgħux nibqgħu sejrin li referee jasal fuq il-Panel tal-FIFA ta’ 38 sena. Ta’ dik l-età tibda taħseb biex jekk tkun fuq il-panel tal-FIFA toħroġ minnha.
“Ir-refereeing minn xi 10 snin ilu lil hawn tbaxxa ħafna. Jien niftakar referee prim bħal Charles Agius li rrappreżentana fiċ-Champions Cup li llum il-ġurnata anqas noħolmuha. Hemm ħafna lok għal titjib fir-refereeing. Nemmen li t-trattament u l-mod kif jiġi mgħallem referee jista’ jkun aħjar.”
Inkellmu fuq il-korruzzjoni u jekk kinitx teżisti fiż-żmien li kien jirreffja hu fl-Empire Stadium, fil-Gżira.
“Anki fil-bidu tad-dinja kien hemm il-korruzzjoni. Fi Snin 40 ukoll kien hemm plejers li nqabdu u ġew skwalifikati għal għomorhom. Fuq ir-referees kien hemm ħafna għajdut iżda diffiċli ħafna biex tipprova. Però tinsix li fis-Snin 50, f’Malta kellna referees Ingliżi għall-partiti lokali. Jekk tibda l-istorja tar-referees ma tispiċċa qatt. “Jien nista’ ngħidlek li fil-karriera tiegħi ta’ 36 sena qatt ma kelli avviċinament għal xi każ ta’ korruzzjoni. Jien li kelli biss li darba waħda rċivejt ittra anonima u kemm ili ġurnalist li sirt naf min hu. Rispett tal-familja tiegħu waqqaftu bil-Pulizija biss. Minn dak iż-żmien lil hawn f’60 sena ta’ futbol qatt ma kelli affarijiet ta’ dan it-tip.
“Jien irrid nagħmilha ċara li anki lil dawk li f’ħajti ppruvaw ifixkluni llum ħfirtilhom u nsejt kollox. Jien m’għandi xejn kontra ħadd. Lir-referees dejjem stmajthom daqs it-tfal tiegħi. Il-parir tiegħi jibqa’ li għandhom jieħdu din il-linja bis-serjetà u jkunu preparati psikoloġikament u fiżikament, li ma jkunux pulizija iżda edukaturi, biex ma jibżgħux minn kritika kostruttiva u biex qatt ma jaħsbu li jafu biżżejjed. B’hekk kull ostaklu jingħeleb bil-perseveranza u l-personalità.”
Briguglio jirringrazzja lil dawk li kienu tal-ikbar importanza għalih matul ħajtu.
“Nirringrazzja lill-mara tiegħi għax kienet il-persuna li għenitni matul ħajti. Meta kont immur għal-logħob kienet tlestieli l-baskett u kont inkun ċert li ma jkun hemm xejn nieqes fih.
“Fl-MFA dejjem sibt koperazzjoni minn kulħadd anki jekk ħdimt ma’ tliet Presidenti differenti, iżda kien hemm wieħed li prova jagħmilli daqsxejn ta’ barriera f’ħajti.
“Jien wasalt fejn wasalt bil-mod il-mod u llum ilni kważi 20 sena. Dħalt anki fil-ġurnaliżmu li llum nista’ ngħid li hi karriera ta’ sodisfazzjon kbir. Nipprova dejjem li nkun kritiku tajjeb. Li ngħid jien dejjem ikun verità u lest nerfa’ r-responsabbiltà tiegħu.”

 

Intervista
Il-bilanċ bejn viżjoni u ambizzjoni


Karl Stagno-Navarra jintervista lil Michael Briguglio iċ-Chairperson il-ġdid tal-AD




Carmelo M. Bonnici
Pajjiż f’fażi ta’ progress



Joe Ellis
Il-Ħajt li ħadd ma ħaseb li se jaqa’



Toni Abela
F’salib it-toroq


Il-Punt - Adrian Grima
Ta’ min hi l-Letteratura Maltija?

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan