Ittri | 08 ta’ Novembru 2009 Nr 159
Stephen Gauci,
Kap tas-Sezzjoni tar-Relazzjonijiet Pubbliċi,
Air Malta plc
L-Air Malta tirreferi għall-artikolu ta’ Charlot Zahra, ‘L-Air Malta twebbes rasha fuq is-sit bil-Malti’ (Illum, 18 ta’ Ottubru 2009) u tixtieq tirrispondi kif ġej.
L-Air Malta tagħmilha ċara li la hi sponsor ta’ Sheffield United u lanqas ma ħallset iċ-ċifra ta’ ‘ħafna aktar’ minn stg350,000 kif allega l-ġurnalista fl-artiklu tiegħu.
L-Air Malta ffirmat żewġ kuntratti ma’ klabbs tal-futbol, wieħed ta’ Portsmouth FC fl-Ingilterra u l-ieħor mal-Inter FC fl-Italja. Dawn m’humiex sponsorships imma arranġamenti kummerċjali li l-għan ewlieni tagħhom hu li Malta u l-Air Malta jiġu rreklamati waqt partiti tal-futbol fil-kampjonat tal-Premiership Ingliż kif ukoll dak tas-Serje A Taljan.
Fil-fatt kull ġimgħa qed tingħata promozzjoni kbira lil Malta barra minn xtutna peress li l-logħbiet ta’ dawn iż-żewġ klabbs isegwuhom eluf ta’ nies.
L-Air Malta tikkonferma li l-ammonti nvestiti f’dawn ż-żewġ arranġamenti huma ħafna u ħafna anqas miċ-ċifra li l-artikolista allega li l-Air Malta ħallset għalihom.
Dawn l-inizjattivi kummerċjali jikkumplimentaw il-kampanji ta’ reklamar li jsiru mill-Air Malta matul is-sena speċjalment fir-Renju Unit, fl-Italja, fil-Ġermanja u fi bliet oħra Ewropej.
Jidher biċ-ċar li r-reklamar tal-Air Malta qed irendi l-frott mixtieq. Dan joħroġ ċar mill-istatistika maħruġa dan l-aħħar mill-Assoċjazzjoni tal-linji tal-ajru Ewropej (AEA) fejn intwera li bejn Jannar u Awissu ta’ din is-sena l-Air Malta kellha tnaqqis minimu ta’ 4.4% ta’ passiġġieri meta mqabbla mal-medja ta’ 7.5% anqas passiġġieri li kellhom il-linji tal-ajru Ewropej oħra membri ta’ din l-istess Assoċjazzjoni. Għalhekk meta mqabbla mal-medja Ewropea l-Air Malta rnexxielha tnaqqas l-impatt li l-kriżi finanzjarja qed tħalli fuq l-industrija tal-ivjaġġar.
L-Air Malta hi kburija b’dan ir-riżultat li jikkonferma l-ħidma pożittiva u l-inizjattivi ta’ marketing tal-kumpanija qed ikollhom l-effett mixtieq. B’dawn l-inizjattivi jgawdu kemm l-industrija tat-turiżmu lokali kif ukoll il-poplu Malti kollu.