Joe Ellis | 08 ta’ Novembru 2009 Nr 159
Għoxrin sena ilu, fid-9 ta’ Novembru, l-istorja tad-dinja nbidlet b’mod drammatiku. Nistgħu ngħidu li dakinhar, meta l-Gvern tal-Ġermanja tal-Lvant iddeċieda li jiftaħ il-fruntiera ma’ Berlin tal-Punent, waqgħet il-Purtiera tal-Ħadid. Il-Ħajt ta’ Berlin, li kien inbena 28 sena qabel biex iwaqqaf l-emoraġija ta’ ċittadini tal-Ġermanja tal-Lvant li kienu qed jaħarbu lejn il-Punent, tilef l-iskop tiegħu.
Wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija l-Ewropa nqasmet bejn il-pajjiżi tal-Punent tal-Ewropa alleati tal-Amerika fil-Patt Atlantiku li ngħaqdu fin-NATO u l-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa ddominati mill-Unjoni Sovjetika u li rrispondew għan-NATO billi ngħaqdu fil-Patt ta’ Varsavja.
Il-Gwerra l-Bierda li segwiet it-Tieni Gwerra Dinjija mkien ma nħasset aktar milli fil-Ġermanja. Il-Ġermanja, wara l-Gwerra, inqasmet f’żoni ta’ okkupazzjoni mill-erba’ potenzi li kienu rebħuha. Il-Ġermanja, f’mossa tipika ta’ Stalin li kien iħobb jilgħab bil-fruntieri u bl-inġinerija etnika, ġiet imġiegħla ċċedi t-territorju kollu li jiġi fuq il-Lvant tal-linja ffurmata mix-xmajjar Oder u Niesse.
F’ħakka ta’ għajn, il-Ġermanja tilfet kwart tat-territorju li kellha qabel ma n-Nażisti ħatfu l-poter. Kienet porga qarsa li anke l-Komunisti tal-Ġermanja tal-Lvant ma ġerrħux mill-ewwel. Madankollu ż-żmien itaffi l-feriti u minkejja li 12-il miljun Ġermaniż kellhom jaħarbu t-territorji li ntilfu, eventwalment anke l-Ġermanja tal-Punent irrikonoxxiet il-fruntiera li vvinta Stalin.
B’dan iċ-ċaqliq tal-fruntieri l-Polonja ġiet ikkumpensata talli tilfet il-provinċji tal-Lvant tagħha li ngħaqdu mal-Ukrajna li kienet tifforma parti mill-Unjoni Sovjetika. Mossa li tispjega l-iskizofrenija politika tal-Ukrajna tal-lum bil-provinċji eks-Pollakki jħarsu lejn l-Unjoni Ewropea mentri dawk tal-Lvant għadhom taħt l-influenza Russa.
Meta kont tifel żgħir irrid nistqarr li l-formazzjoni tiegħi kienet ferm influwenzata mir-rivista Reader’s Digest li kien jixtri missieri. Kienet rivista b’ton anti-Komunista mmarkat. Kienet tkun miżgħuda bi stejjer dwar il-ħqurija tar-reġimi komunisti, l-attentati biex nies jaħarbu minn wara l-Purtiera tal-Ħadid, speċjalment minn Berlin u rapporti li eventwalment intwerew li ma kienu xejn veritieri, dwar il-potenzjal militari tal-pajjiżi tal-Patt ta’ Varsavja u speċjalment tal-Unjoni Sovjetika.
Għadni niftakar qisu lbieraħ naqra rapport dwar Berlin wara li nbena l-ħajt li qasamha minn nofs.
Il-ġurnalist stqarr li tant kienu qed isiru tibdiliet fiż-żewġ naħat li kieku kellek tneħħi l-ħajt, kont qisek iżżewweġ nofs tuffieħa ma’ nofs larinġa. Ma setax jiżbalja aktar għax illum min imur Berlin diffiċli jifhem li din il-belt kienet xi darba maqsuma u li kienet il-punt l-aktar jaħraq tal-Gwerra l-Bierda.
Niftakar ukoll ċajta li oriġinat miċ-Ċekoslovakkja u li kont qrajtha ta’ tifel żgħir f’din ir-rivista: xi ħadd tħalla jżur il-Punent u meta rritorna d-dar xi ħadd staqsieh kif kien qed imut il-Kapitaliżmu. Ir-risposta, xotta xotta, kienet li kien qed imut b’mod mill-aqwa. Għax fil-fatt is-soċjetajiet hekk imsejħin Soċjalisti kienu jqisu rwieħhom bħala l-evoluzzjoni naturali fl-istorja tal-bniedem wara l-Kapitaliżmu li kellu jisparixxi minn wiċċ id-dinja.
Fil-verità dawn il-pajjiżi Komunisti kienu soċjetajiet b’ripressjoni qawwija, fejn barra mill-ħruxijiet imwettqa minn Stalin li swew il-ħajja ta’ miljuni, kienu neqsin mil-libertajiet fundamentali li huma l-karatteristiċi tal-demokraziji liberali. Attentati biex jirriformaw is-sistema fl-1953 fil-Ġermanja tal-Lvant, fl-1956 fl-Ungerija, fl-1968 fiċ-Ċekoslovakkja u fil-Polonja fl-1970, fl-1976 u fl-1981 inħonqu bir-ripressjoni interna u fejn din ma kinitx biżżejjed, bl-intervent armat tal-pajjiżi aħwa Soċjalisti.
Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, aktar beda jsir evidenti li l-ekonomiji ċentralizzati tal-pajjiżi Soċjalisti ma setgħux iżommu l-pass ma’ dawk kapitalisti tal-Punent.
In-nuqqas ta’ proprjetà privata kien joħnoq l-inizjattiva privata. Kienu ekonomiji fejn l-impriżi, ħafna minnhom tal-istat, ma kinux jistgħu jfallu. Fil-fatt, anke l-liġi tal-falliment tneħħiet mid-dritt ta’ dawn is-soċjetajiet. Peress li kollox kien tal-poplu ma kienx jagħmel sens li impriża titħalla tfalli. Dan wassal biex flok ma jfallu impriżi, falliet is-sistema inġenerali għax ma kinitx ekonomikament sostenibbli. Għax fil-Kapitaliżmu, xejn ma jiffoka l-moħħ tal-imprenditur aktar mill-ħsieb ta’ falliment, prospett li jista’ jolqot lil kulħadd kif rajna riċentement fil-każ tal-Lehman Brothers.
Biex nifhmu l-preżent irridu ngħarrxu fl-istorja. Storja li ħassieb prominenti kontemporanju li kien wieħed mill-ġenituri tal-Moviment neo-Konservattiv Amerikan u li kien ukoll il-favorit ta’ politiku prominenti lokali, Francis Fukuyama, ħaseb li kienet spiċċat fl-ewforija ġenerali wara l-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin u l-kollass tas-sistemi Soċjalisti fil-Lvant tal-Ewropa.
Fil-ktieb tiegħu li ħareġ fl-1992, ‘The End of History and the Last Man’, Fukuyama qaleb lil Marx ta’ taħt fuq u kkonkluda li s-sistema Kapitalista kif ipprattikata fid-demokraziji liberali kienet l-evoluzzjoni aħħarija tal-mixja tal-bniedem fl-Istorja. It-titlu tal-ktieb jissuġġerixxi dak li t-tmiem tal-kontrapożizzjoni bejn iż-żewġ superpotenzi li kien jikkaratterizza l-Gwerra l-Bierda kien se jfisser li mhux se jispiċċaw il-kunflitti minn wiċċ dinja mmexxija minn superpotenza waħda li rebħet it-tellieqa ekonomika u politika.
Kienet illużjoni liema bħalha. L-istorja mhux talli ma spiċċatx, talli bdiet tieħu sfumaturi ġodda. It-tensjonijiet li kienu ġew soppressi bil-kontrapożizzjoni massiva bejn is-superpotenzi reġgħu telgħu fil-wiċċ. Fuq kollox xiref fuq l-orizzont l-integraliżmu Iżlamiku li nibet l-aktar minħabba l-ineffikaċja, il-korruzzjoni u n-nuqqas ta’ rappreżentanza demokratika tar-reġimi sekulari Għarab kif ukoll il-kunflitt dejjem għaddej bejn il-Lhud u l-Għarab fil-Palestina. Kien għalhekk ukoll li Al Qaeda sabet ħamrija għammiela, u speċjalment wara li l-Afganistan intesa mill-Punent wara l-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin.
Insomma, is-soltu żbalji tal-potenzi imperjali jibqgħu jinħassu fiż-żmien. Hekk m’hemmx dubju li d-dikjarazzjoni ta’ Balfour, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Ingliż fl-eqqel ta’ l-ewwel kunflitt mondjali meta l-Ingilterra riedet tintgħoġob mal-Lhud, żergħet iż-żerriegħa ta’ kunflitt li ma jidhirx li se jissolva malajr. U l-Amerika ffinanzjat lill-ġellieda Afgani li bosta minnhom, wara li keċċew lis-Sovjetiċi, saru t-Talibani li ndukraw lil Al Qaeda.
Il-ħolma ta’ Fukuyama ma seħħitx. Id-demokraziji Liberali ma rebħux kullimkien. Iċ-Ċina, u sa ċertu punt il-Vjetnam, irripudjaw l-ekonomija Soċjalista, ħaddnu l-Kapitaliżmu imma żammew is-sistema politika ta’ partit wieħed ta’ żmien il-Komuniżmu.
Ir-Russja rpiljat mill-kollass tas-sistema Sovjetika imma ma ħaddnitx id-demokrazija kif nafuha fil-Punent. U lanqas m’għamlu hekk ħafna mill-pajjiżi eks-Sovjetiċi.
Madankollu, ċerti reġimi bħal dak tal-apartheid fl-Afrika ta’ Isfel, sar anakroniżmu u ma damx ma għeb mix-xena. Il-Ġermanja ngħaqdet minkejja d-diffidenza tal-Ingilterra u oħrajn, irrinunzjat darba għal dejjem għat-territorji mitlufa, u minkejja s-saħħa ekonomika u demografika tagħha, baqgħet fidila lejn l-ideali Ewropej u ċaħdet il-passat ikrah tagħha.
X’aktarx li din hi l-istorja tal-flixkun nofsu mimlu u nofsu vojt. Għalkemm l-ewforija tal-bidu wara l-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin li se jispiċċaw il-kunflitti u t-tensjonijiet fid-dinja ma seħħietx, ċertament rajna l-marċa trijonfali tal-Kapitaliżmu u sa ċerta punt, tad-demokraziji Liberali f’bosta partijiet tad-dinja bħalma hi l-Ewropa tal-Lvant u l-Amerika Latina.
L-Unjoni Ewropea, minn għaqda ta’ 12-il pajjiż, saret tħaddan 27 u bi kju ta’ pajjiżi oħra li jridu jidħlu. Madankollu, l-Unjoni Ewropea, minkejja li hi l-akbar suq ekonomiku fid-dinja, baqgħet nanu politiku minħabba l-interessi diverġenti tal-membri tagħha. Dan rajnieh bl-iktar mod ċar sena ilu waqt il-kunflitt tal-Ġeorġja, frott l-għażliet imperjali żbaljati ta’ Stalin, fejn l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea adottaw pożizzjoni diverġenti.
Imnalla kien Sarkozy li nzerta kien il-President ad interim tal-Kunsill Ewropew, li salva s-sitwazzjoni. Din id-dgħufija politika suppost se tiġi ndirizzata bit-Trattat ta’ Lisbona li issa daħal fis-seħħ. Issa naraw.
Madankollu Fukuyama pprospetta l-Unjoni Ewropea bħala l-mudell ta’ kif ir-rapporti multilaterali bejn il-pajjiżi se jevolvu fil-futur. Forsi hawn għandu raġun għax diġà qed naraw movimenti fil-Lvant Nofsani, fl-Afrika, il-kontinent b’tant prospetti imma ftit suċċessi u fl-Asja lejn għaqdiet ekonomiċi u politiċi bejn pajjiżi differenti bbażati fuq il-mudell Ewropew, mudell li jiċħad l-impożizzjoni tal-Imperjaliżmu tas-superpotenzi.
Anke Malta, li tilfet mill-importanza strateġika tagħha wara l-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin, għandha rwol x’tilgħab fit-tfassil ta’ din il-politika multilaterali li qiegħda tevolvi, peress li Malta akkwistat importanza ġdida bħala membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea.
Malta għandha tgħożż dan ir-rwol il-ġdid u tikkontribwixxi għall-bini ta’ Ordni Internazzjonali Ġdida lil hinn mill-interessi provinċjali li xi kultant jista’ jkollna u li sfortunatament jikkundizzjonaw l-għażliet li nieħdu, anke fil-kuntest Ewropew.