Editorjal | 08 ta’ Novembru 2009 Nr 159
Qorti fi Strasburgu ddeċidiet li l-preżenza ta’ salib imdendel fi klassi ta’ skola tal-Gvern kien jikser id-dritt ta’ omm li ma riditx li uliedha jkunu esposti għalih. Ir-reazzjoni ta’ ħafna nies, u mhux biss ta’ dawk li kkummentaw pubblikament, kienet ta’ xokk qawwi.
Nistgħu nobsru li ħafna nies iħossuhom diżorjentati. Mill-qrati jippretendu deċiżjonijiet li jsaħħu u mhux li jġibu rashom ’l isfel il-valuri tagħhom. Din il-Qorti mwaqqfa mill-Konvenzjoni Ewropea hi l-ogħla waħda fil-kamp tagħha, dak tad-drittijiet fundamentali.
Min jemmen qed jistaqsi kif jista’ jkun li s-salib, is-simbolu tal-akbar tjubija, l-aqwa ġid spiritwali li qatt sar lill-bnedmin, isarraf ta’ ħsara jew uġigħ lil xi ħadd. Min jemmen, bħal min ma jemminx, qed jirvilla kontra s-sentenza għaliex tidher qed tiċħad il-Kristjaneżmu bħala element essenzjali tal-kultura Ewropea. Intlaqtu minn din id-deċiżjoni meta jħossuhom mhedda mill-mewġa ta’ immigrazzjoni lejn l-Ewropa, ħafna minnhom immigranti Musulmani.
Billi l-imħallfin li qablu unanimanent f’din id-deċiżjoni huma l-aqwa li għandha l-Ewropa żgur li setgħu jobsru li kliemhom kien se jiġbed reazzjoni qawwija. Kienu jafu sew li fil-klima preżenti kienu qed jixegħlu sulfarina f’maħżen tal-polvri. Bilfors ma kellhomx triq oħra.
L-imħallfin mhumiex politiċi. Ma jħossux il-bżonn li jigdmu lsienhom biex ma jitilfux il-voti. Lanqas mhuma negozjanti jew operaturi tar-relazzjonijiet pubbliċi li jgħidulna dak li jobsru li rridu nisimgħu biex jilħqu l-iskopijiet tagħhom. Huma marbutin mil-Liġi u triqithom hi mdawla mid-deċiżjonijiet li jkun ttieħdu qabel.
Meta tgħodd dan kollu tagħraf iżjed li l-kitba ta’ dik il-qorti mhix xi kapriċċ ta’ xi żagħżugħ irresponsabbli iżda t-tarf l-iżjed riċenti ta’ proċess li ilu ġej ħames mitt sena. Madankollu l-ħtieġa għat-tolleranza reliġjuża bdiet tinħass u titfisser mal-firda tal-Knejjes Protestanti mill-Knisja Kattolika.
Din wasslet għall-qasma tal-Ewropa bejn il-pajjiżi Protestanti u dawk Kattoliċi. Franza rat gwerer ċivili mdemmija, massakri u atroċitajiet miż-żewġ naħat. Il-Kanċillier Irjali, Michel de l’Opitàl, kien l-ewwel li resaq minn politika ta’ renju wieħed, re wieħed u reliġjon waħda għall-ħsieb li r-re għandu jkun s-sovran tal-Franċiżi kollha jkun xi jkun it-twemmin tagħhom.
Minn hemm il-ħsieb li l-Istat għandu jkun newtrali bejn ir-reliġjonijiet u twemmin kollu baqa’ jiżviluppa u sar il-qofol tal-koeżistenta ċivili fl-Ewropa kollha. F’Malta ukoll. Għalkemm il-Kostituzzjoni tagħna kienet u għadha tgħid li r-reliġjon Kattolika hi r-reliġjon stabbilit tal-Istat Malti, fiha wkoll il-provvediment tad-drittijiet fundamentali li jħarsu l-libertà reliġjuża. Ma’ dawn hemm il-Konvenzjoni Ewropea u llum il-Karta tad-Drittijiet Fondamentali Ewropea tal-UE. It-tolleranza tal-fehmiet tal-minoranzi hi l-qofol tagħhom kollha.
Il-ħsieb li jnebbaħhom kollha hu li mhemmx bżonn is-saħħa, il-qawwa jew in-numri kbar biex jitħarsu d-drittijiet fundamentali. Hu l-istat li għandu jħares id-dinjità u l-libertà mqar ta’ ċittadin waħdu meta tkun mhedda. L-individwu għandu saħħa kontra l-istat bihom. Dan hu valur Ewropew mill-iżjed fundamentali li wkoll jaf l-għeruq tiegħu fil-ħsieb Nisrani.
Għandu raġun min jgħid li s-salib għandu valur kulturali u storika fl-Ewropa iżda żbaljaw bl-ikrah l-avukati difensuri tal-Italja li ppruvaw ibenġluha fil-Qorti bl-argument li l-preżenza tal-kurċifiss fil-klassijiet tal-iskejjel tal-Gvern fl-Italja, m’għandu l-ebda valur reliġjuż iżda storiku biss u li qatt ma jintuża għal skopijiet reliġjużi u għalhekk ma jistax joffendi li min ma jemmenx fih.
B’kuntrast qawwi għal dan l-argument, il-Qorti għarfet il-qawwa tas-salib, it-tifsira essenzjalment reliġuża tiegħu; tagħtu iżjed rispett milli tawh dawk li żvalutawh bl-iskop li jżommuh imwaħħal mal-ħajt. Il-Qorti qalet li s-salib hu simbolu reliġjuż u l-preżenża tiegħu tfisser li l-Istat Taljan jitlef in-newtralità tiegħu u għalhekk jikser id-drittijiet ta’ min mhux ta’ dik ir-reliġjon.
Min ixxokkja ruħu meta sema’ b’din id-deċiżjoni aktarx li ma fehemx ir-raġunament ferm rispettuż tagħha. Ironikament dawk li ma jridux li jitneħħew is-slaleb mill-klassijiet qed jeħduha kontra sentenza li għarfet il-qawwa reliġjuża tas-salib u kontra l-valuri ta’ tolleranza li ilhom jorbtuna għal għexieren ta’ snin. L-imħallfin ma setgħux jagħmlu mod ieħor.