MediaToday

Carmelo Mifsud Bonnici | 08 ta’ Novembru 2009 Nr 159

Bookmark and Share

Pajjiż f’fażi ta’ progress

1Dan l-aħħar ġie f’idejja The FEMA Research Bulettin maħruġ mill-Università tagħna, stampat mill-Fakultà tal-Ekonomija, Management u Accountancy, li fih kien hemm artiklu li janalizza x’sehem għandhom pajjiżi bħalna fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Dan l-argument hu kollu marbut ma’ kemm aħna kapaċi ninfluwenzaw l-opinjonijiet u l-aġenda f’dawk l-istituzzjonijiet li se jkun suġġett ta’ studju separat. Hemm żgur lok għal din l-attenzjoni minn dawk li qegħdin fl-akkademja, però hi ħaġa oħra kif u b’kemm se jirnexxilhom jidentifikaw din l-abbiltà. Dan għax għalkemm hu minnu li pajjiż ġdid li jsib ruħu ma’ oħrajn irid l-ewwel jifhem x’qed jiġri, kif jaħdem il-mekkaniżmu ntern u wara jista’ jiċċaqlaq, xorta jibqa’ dejjem xi punti li ma jistgħux jiġu identifikati esternament.

2Hemm proċess ta’ għarfien ta’ tagħlim fuq kif jaħdmu numru ta’ organizzazzjonijiet. Uħud huma kajmani, idumu biex jiċċaqilqu u oħrajn huma dinamiċi, trid tiġri tlaħħaq mal-abbiltà tagħhom li jiffissaw l-aġenda tagħhom. Uħud għandhom din il-veloċità minnhom infushom, oħrajn il-qafas tal-istruttura organizzattiva u legali tagħhom jiddependu fuq min imexxihom aktar milli fuqhom stess. Għalhekk hu parir ta’ dejjem li kull min iħares lejn organizzazzjoni jrid jara jekk iridx li tiċċaqlaq ’il quddiem jew le billi jagħżel persuni li jidħlu fiha bil-qalb u mhux biex sempliċement jagħmlu karriera. Anzi l-aħjar li tagħżel min-naħa struttura legali li tmexxi indipendentament minn min ikun hemm fiha.

3Fl-Unjoni Ewropea, bil-poteri li għandha, għandek sitwazzjoni li f’ebda għaqda oħra fid-dinja ma hemm bħalha. Dan għax hi struttura organizzattiva u verament dinamika, kif ukoll hemm dejjem iktar persuni li jokkupaw il-pożizzjonijiet determinanti li huma mimlija ħeġġa u inizjattivi. Tiskanta, imma dak li jista’ jidher kumplikat b’regoli li mhux dejjem faċli biex wieħed jifhem, issibu jitħaddem b’mod effikaċi u, sa ċertu grad, effiċjenti wkoll. Pajjiżna sab ruħu f’dan
il-kurrent qawwi, jaħdem u jifhem
kif irid jindirizza l-problemi.

4Dan ma kien faċli xejn fil-bidu, però llum irridu nirreġistraw li rnexxielna naslu fuq diversi punti biex nagħtu l-kontribut tagħna l-ewwel fis-sustanza u fid-deċiżjonijiet u, t-tieni ta’ kif nistgħu ninfluwenzaw lill-oħrajn. Il-fatti huma li din il-gżira rnexxielha ġġib fuq l-aġenda Ewropea punti li ħadd ma kien ġab qabel. Mhux biss, imma ħaddimna ferm iktar minn ħaddieħor il-possibbiltà li nwasslu messaġġi u tibdil fl-impostazzjoni li kellhom Stati oħra. Ovvjament, il-ħidma biex iġġib din il-bidla mhix faċli li tirreġistraha b’dokumentazzjoni jew provi, imma din saret u għadha qed issir.

5Il-vantaġġ li tkun mal-mejda tad-diskussjoni, li tista’ titkellem u titħaddet ma’ min imexxi pajjiżi oħra ma jistax jiġi kkalkulat b’xi forma pre-stabbilita. Tant hemm possibbiltà li tersaq bil-kelma t-tajba, bl-użu tar-raġuni, u b’dawn li tibdel il-fehma tal-oħrajn, li ħafna drabi aħna stess f’pajjiżna ma nindunawx kemm din hi qawwija. Tgħallimt li ma tridx toqgħod lura, imma trid taffronta anki lil dawk li jistgħu jidhru bħala l-aktar “ostili”. Dak li tkun qed timmira għalih mhux dejjem jiġik żewġ, imma l-effett hu kumulattiv. Daqqa timxi ’l quddiem fuq ħaġa u daqqa tibqa’ wieqaf, biss ma tridx tieqaf. L-użu tal-Unjoni Ewropea hi għodda li ħadd ma jagħraf biżżejjed il-kapaċità tagħha jekk mhux b’iktar impenn, snin u esperjenza.

6Ovvjament pajjiżna se jidħol fi proċess ieħor. Għax issa li bdejna nidraw dak li għandna preżentement se nidħlu fit-Trattat ta’ Lisbona. Kien ċar li llum jew għada dan kien ġej fis-seħħ u l-oppożizzjonijiet li kien hemm se jispiċċaw, kif fil-fatt rajna tul dawn il-jiem. Din hi sfida politika ġdida li se nidħlu għaliha. M’hemmx dubju li se jirnexxilna nimxu ’l quddiem. Fortunatament aħna m’aħniex nieqsa mill-intelliġenza. Għall-kuntrarju ta’ dak li ħaseb ħaddieħor, il-pajjiż ħa diversi opportunitajiet, avvanza ’l quddiem u żamm lura numru ta’ impatti negattivi milli jseħħu fuqna. L-effett tagħna fl-Unjoni jrid jiġi mistħarreġ fid-dettall, m’hemmx dubju, biss kien ikun żball kbir wisq kieku ma dħalniex.

 

 

Intervista
Il-bilanċ bejn viżjoni u ambizzjoni


Karl Stagno-Navarra jintervista lil Michael Briguglio iċ-Chairperson il-ġdid tal-AD




Carmelo M. Bonnici
Pajjiż f’fażi ta’ progress



Joe Ellis
Il-Ħajt li ħadd ma ħaseb li se jaqa’



Toni Abela
F’salib it-toroq


Il-Punt - Adrian Grima
Ta’ min hi l-Letteratura Maltija?

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan