Intervista | 01 ta’ Novembru 2009 Nr 158
Karl Stagno-Navarra jintervista lill-President George Abela
L-awtorevolezza li ssawwar il-persuna tal-Kap tal-Istat hi msejsa fuq diversi elementi, fosthom ukoll l-esperjenza u l-għerf tal-persuna, u George Abela jilbes il-libsa ta’ President tar-Repubblika bl-aċċessorji kollha meħtieġa li tagħmel minnu persuna kompluta.
Bl-esperjenza tiegħu bħala politiku, avukat u trejdunionista, jista’ jingħad li George Abela qed jibni Presidenza mibnija fuq l-għarfien soċjali.
“F’ħajti għext l-esperjenzi mħallta li għallmuni nkun inklussiv ma’ kulħadd.
“Missejt mal-problemi ta’ mijiet ta’ nies u għandi għal qalbi t-temi kollha li jsawru s-soċjetà Maltija f’kull aspett,” sostna l-President Abela fl-intervista tiegħu ma’ din il-gazzetta.
B’aġenda mimlija daqs bajda, u jaħdem medja ta’ 12-il siegħa kuljum, George Abela ilu fil-Presidenza għal dawn l-aħħar seba’ xhur u sa mid-diskors inawgurali tiegħu sostna fuq l-impenn tiegħu li jagħmel mill-Presidenza punt ta’ riferiment għall-kenn u l-ħarsien ta’ dawk kollha li b’xi mod jew ieħor iħossuhom maqtugħin mill-bqija tal-progress li jkun qed jikseb il-pajjiż.
Għall-President George Abela li tkun il-President tal-Maltin u l-Għawdxin kollha mhux bizzejjed bħala “kelma” iżda fuq kollox li tkun it-tarka ta’ kulħadd u li din it-tarka tkun meħtieġa l-aktar mill-batut.
“Ta’ kuljum immiss b’idejja l-problemi soċjali li jgħaddu minnu għadd ta’ familji, l-aktar il-problemi ta’ mard fit-tfal, stejjer li jkiddu u jbikkmuk u permezz tal-Community Chest Fund nippruvaw intaffu ftit mill-piż li jgħaddu minnhom dawn il-familji.”
Hawnhekk George Abela jtenni li l-Istorja għallmet li l-poplu Malti u Għawdxi hu mogħni bil-valur tas-solidarjetà iżda dan il-valur fih tifsira aktar wiesa’, li tinkludi wkoll solidarjetà bil-fatti u mhux bl-inċentiv.
Id-deċiżjoni tiegħu li jagħmel mill-kampanja l-Istrina din is-sena bħala waħda mhux marbuta ma’ premjijiet għad-donazzjonijiet li jingħataw tista’ titqies bħala riskju għall-President Abela. Madankollu jitfagħli lura l-isfida u jtenni:
“Inħalli fil-ġudizzju tajjeb tal-poplu Malti u Għawdxi u li jkunu kapaċi jmeru lil min forsi ma jemminx fil-qalb ġeneruża. Neħtieġu niġbru l-fondi biex inkunu nistgħu nqassmu l-għajnuna b’ġustizzja lil min tassew hu fil-bżonn.”
Iżda b’saqajh ma’ l-art, il-President Abela hu konxju wkoll mir-realtà tal-fatt li l-pajjiż jinsab f’riċessjoni ekonomika bħall-bqija tad-dinja u dan għandu wkoll l-effett tiegħu fuq id-dħul tan-nies u x’jonfqu.
“Jgħiduli l-organizzazzjonijiet kollha li aħna ngħinu bil-Community Chest Fund kif id-dħul tagħhom mid-donazzjonijiet naqas ħafna matul din is-sena…”
Konxju mill-fatt li n-nies qed tkun attenta ħafna fl-infieq tagħha f’dawn iż-żminijiet diffiċli anki fejn jidħol ix-xogħol u s-sahra, ma jonqosx li juri l-ottimiżmu tiegħu li l-ftit mill-ħafna xorta jista’ tagħmel id-differenza kollha u l-livelli ta’ ġbir mingħand in-nies jistgħu jkomplu fuq li kienu fis-snin ta’ qabel.
Indawwar id-diskors tiegħi fuq diskors riċenti li għamel il-President Abela waqt konferenza dwar il-familja fejn b’mod intelliġenti ttanta lin-nies preżenti bi ħsieb li jinkwadra fid-dibattitu li qed jiżviluppa fil-pajjiż dwar id-divorzju u l-forom ġodda ta’ familja.
“Sostnejt li qabel ma nibdew nitkellmu fuq is-suġġett tal-familja neħtieġu l-ewwel nett inkunu nafu x’inhi l-familja u x’nifhmu li hi l-familja…”
Bħala avukat George Abela kellu ħafna esperjenzi f’kawżi ta’ separazzjonijiet u għaldaqstant din l-esperjenza tagħtih l-għerf li jifhem mill-viċin l-implikazzjonijiet u d-diffikultajiet ta’ mijiet ta’ nies li ż-żwieġ tagħhom jintemm.
“Meta nitkellmu fuq divorzju neħtieġu l-ewwel nett niflu x’inhuma l-implikazzjonijiet għat-tfal li huma totalment innoċenti fl-għawġ li jiżviluppa bejn il-ġenituri tagħhom. Dawn jeħtieġu jkunu protetti u wisq aktar indukrati għat-trawma li jgħaddu minnu fejn fil-parti l-kbira ma jkunux jistgħu jifhmu xi jkun għaddej bejn missirijiethom u ommhom.
Hawnhekk il-President Abela ħabbar li qed jaqra abbozz ta’ White Paper li qed jitħejja mill-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern dwar il-familja, abbozz li mistenni jitressaq għall-konsiderazzjoni tal-poplu dalwaqt.
“B’dan il-White Paper se nkunu nistgħu niftħu d-dibattitu fuq il-familja kif xieraq u naslu għal dak li għedtlek li l-ewwel neħtieġu nkunu ċerti li d-definizzjoni tal-familja tkun ċara,” qal il-President.
Iżda d-dibattitu mistenni jkun ferm aktar wiesa’ li jeħtieġ jinkludi wkoll l-opinjoni tal-minoranzi, fosthom ukoll l-omosesswali.
“Għadni kif iltqajt ma’ delegazzjoni ta’ rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali tal-gays u l-lesbiċi li qed jiltaqgħu f’Malta f’konferenza u lqajthom għaliex dawn in-nies huma wkoll bnedmin li m’humiex għar-rimi,” sostna l-President li żied jispjega kif bħala l-Kap ta’ l-Istat irid ikun hu l-ewwel li jagħti l-eżempju li m’għandu jkun hemm qatt il-preġudizzju fejn għax persuna ma tkunx bħalu dan m’għandux jagħtih wiċċ.
“Apprezzaw li lqajthom, u għidtilhom li jien miftuħ għal kulħadd u smajt mingħandhom u għarbilt l-opinjonijiet tagħhom,” sostna.
Mistoqsi dwar xi tkun il-pożizzjoni tiegħu fl-eventwalità li l-Parlament Malti jasal biex jilleġiżla d-divorżju, jekk jiffirmax jew le, il-President George Abela wissa li kollox jeħtieġ jitpoġġa fil-kuntest tiegħu.
“Li nagħmel jien jiddependi dejjem fuq id-dibattitu kollu li jkun sar, il-konklużjoni tal-istess dibattitu u l-evalwazzjoni ta’ kollox.”
Politikament George Abela dejjem kien meqjus bħala moderat u filwaqt li n-nomina għall-ħatra tiegħu saret minn Kap tal-Gvern li ġej mill-partit oppost minn tiegħu isostni li dan kien “pass storiku daqs kemm hu importanti għat-tiġdid tal-pajjiż.”
George Abela bħala l-Kap tal-Istat jiltaqa’ regolarment mal-Prim Ministru kif ukoll mal-Kap ta’l-Oppożizzjoni u jisma’ mingħandhom dak li jkollhom jirrappurtawlu fuq l-affarijiet kollha li jikkonċernaw lill-pajjiż.
“Nismagħhom, bħalma nisma’ wkoll lir-rappreżentanti tal-Partit Alternattiva Demokratika li nemmen li huma vuċi wkoll fid-demokrazija ta’ pajjiżna…”
Filwaqt li George Abela jkompli jispjega fuq l-impenn tiegħu li jisma’ lill-partijiet politiċi, kif ukoll lit-trejdunionisti kif ukoll lill-imsieħba soċjali kollha, ħareġ ukoll b’ħaġa li ma kontx qed nistenna.
“Jien niltaqa’ magħhom anki informalment, nismagħhom u mbagħad fis-silenzju politiku tiegħi nistenna l-mument fejn inwassal il-messaġġ lil min jeħtieġ jirċeviha u fuq kollox nintervjeni kif kelli nintervjeni fejn kien meħtieg…”
Intervjenejt? Nistaqsi…
“Iva, intervjenejt fil-mument opportnun fejn kelli nintervjeni, iżda fuq dan għad irid jinkiteb kif u fejn, mhux għalissa,” wieġeb il-President Abela.
Ix-xogħol hi tema importanti ħafna għall-qalb il-President u qed ilaqqa’ ta’ spiss gruppi ta’ industrijalisti barranin li qed jinvestu f’Malta bl-iskop li jagħtihom l-importanza li jixraq talli qed jinvestu u jagħtu x-xogħol lill-Maltin.
“Dan l-aħħar laqqajt lill-investituri Ġermaniżi fejn b’mod informali rringrazzjajthom tal-fiduċja li qed juru f’pajjiżna u issa jmiss li jsir l-istess mal-investituri Franċiżi, Ingliżi u Taljani…”
Bil-pajjiż jimmira għall-proġett SmartCity il-President Abela spjega li ħass il-ħtieġa li jistaqsi jekk kienx hemm bżonn li jgħaddi Dubai qabel ma’ għamel żjara Statali fil-Qatar.
“Mort Dubai u ltqajt mal-ogħla uffiċjali ta’ SmartCity fejn ukoll irringrazzjajthom tal-fiduċja tagħhom f’pajjiżna u l-Emir kien l-ewwel assigurani li b’saħħa kbira Dubai irid jinvesti f’Malta u jkattar ix-xogħol għall-Maltin,” spjega.
Lejn tmiem l-intervista ma setgħetx tonqos il-mistoqsija dwar x’se tkun il-ħidma tal-President Abela matul ix-xhur u s-snin li ġejjin, anki jekk diġà hu magħruf li qed isejjes il-ħidma tiegħu fuq ‘Presidenza b’tema soċjali.’
“Jiena nkompli nkun il-President tal-Maltin u l-Għawdxin kollha billi nkompli nkun il-widna u l-vuċi tagħhom, u nwiegħed li nkompli nservihom bl-akbar serenità iżda b’determinazzjoni li nħarishom,” sostna.
Ma setgħetx tonqos lanqas referenza għall-fatt li hekk kif ingħata l-ġurament tal-ħatra bħala President, George Abela għamel Żjara Statali għand il-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI fil-Vatikan u rnexxielu jiżgura żjara tal-istess Papa f’Malta s-sena d-dieħla.
Il-President Abela jitbissem u jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li waqt li żamm mat-tradizzjoni li l-President ġdid jagħmel l-ewwel żjara tiegħu lill-Papa, kellu udjenza privata mal-Papa fejn matulha stiednu b’qawwa biex iżur lil Malta.
“Tbissimt u qbilt miegħu meta qalli… ‘fuq kollox Malta mhux xi siegħa bogħod minn Ruma?’
“Fuq din komplejt ħeġġejtu biex jiġi Malta u niftakar li hekk kif intemmet il-laqgħa u jien u marti Margaret konna ħerġin mill-appartamenti Papali u sellimna lill-Papa, reġa’ sejjaħli u qalli “arriverdeci, niltaqgħu dalwaqt f’Malta’. Ġejt lura Malta b’sodisfazzjon kbir.”