MediaToday

Carmelo Mifsud Bonnici | 01 ta’ Novembru 2009 Nr 158

Bookmark and Share

Tibdiliet fil-Gvern Ġermaniż

1 Wara l-aħħar elezzjoni ġenerali li fiha rajna lill-Kanċilliera Angela Merkel tiġi konfermata għal-leġiżlatura oħra fil-Ġermanja, issa tul din il-ġimgħa qed naraw il-formazzjoni tal-Kabinett il-ġdid. Ovvjament il-koalizzjoni l-ġdida, dik bejn is-CDU u l-FDP, se tfisser li l-Ministri tal-Partit Soċjal-Demokratiku se jispiċċaw nhar it-Tlieta li ġej. Uħud minnhom kienu ilhom 12-il sena ministri. Fl-aħħar laqgħa tal-Ministri tal-Ġustizzja u l-Intern fil-Lussemburgu kelli l-opportunità li nifhem iktar minn dan fil-viċin.

2Fil-fatt, mingħajr ma trid, f’dawn il-laqgħat tispiċċa ssir taf numru ta’ ministri fuq livell differenti minn dak tas-soltu, jiġifieri sempliċi ittri u rappreżentanzi normali. Fil-laqgħat ikollok ftit tal-ħin, jew sejrin nieklu jew nippreparaw għall-mumenti ta’ laqgħat, li fihom tgħid kelma. Ħafna drabi tibni dawn ir-rapporti ta’ ħbiberija għax tispiċċa tiddiskuti punti li taqbel magħhom. M’hemmx dubju li anke hawn, l-affiljament politiku jgħin, però ma jżommx milli tibni dan l-għarfien anki ma’ dawk li tista’ taħseb li mhux se tara għajn ma’ għajn magħhom.

3 Fil-Lussemburgu ltqajt ma’ Bridgitte Zypries, li kienet tokkupa għal dawn l-aħħar snin il-pożizzjoni ta’ Ministru tal-Ġustizzja. F’diversi laqgħat konna nispiċċaw nagħtu l-opinjonijiet tagħna. Daqqa naqblu u daqqa le. Hi bniedma intelliġenti u waqt li s-soltu nitkellmu fuq dak li jkun qed jokkupa l-aġenda f’dik id-data tal-laqgħa, stajt nara iktar l-aspett uman tagħha. Waħda mill-osservazzjonijiet li għamlitli kienet li issa, li kienet se tispiċċa, għall-ewwel darba kienet qed tnaqqas mix-xogħol. Qaltli li tħossha li tista’ tibda tgawdi ftit mill-ħajja issa li m’għadhiex ministru wara 12-il sena kontinwi ta’ ħidma.

4Biss, anke mar-rebbieħa tlift ħabib. Wolfgang Schäuble, li kien Ministru tal-Intern, issa se jiċċaqlaq bħala dak tal-Finanzi. Kien jimpressjonani fin-numru ta’ drabi li kien jintervjeni jitkellem fuq punt u ieħor. Dejjem determinat, ċar u preċiż f’diskorsu. Jaf jikkonvinċi u jżomm il-pożizzjonijiet tiegħu bl-aktar mod sostnut. U dan hu iktar u iktar interessanti meta wieħed iqis li spiċċa ma jistax jimxi għax xi miġnun snin ilu sparalu tlett tiri. Kien jiġi għal-laqgħat u rari ħafna kien jkun nieqes minnhom minkejja l-pożizzjoni fiżika tiegħu.

5 Sibtu diversi drabi f’mumenti partikolari u tani appoġġ f’dak li kont qed nipproponi fl-immigrazzjoni. Imma l-għan prinċipali tiegħu kien marbut ma’ iktar sigurtà fl-Unjoni. F’waħda minn dawn il-laqgħat kien iddikjara: “We are especially committed to the European Idea. This also includes our participation in the creation of a European Security Network, for the citizens of Europe can only seize the chances stemming from more freedom, openness and mobility if their security is not afflicted. Freedom and security therefore are not contrasts, but two sides to a coin”.

6 Kemm dam jokkupa din il-kariga kellu din bħala prijorità. Ikabbar il-vantaġġi li sistema bħal dik tas-Schengen biex tkompli tissoda aktar ruħha. Għalhekk il-fruntieri Ewropej kienu għalih importanti li jinżammu tajjeb u proprju għal din ir-raġuni li sibtu kull darba li ġejna biex norganizzaw l-operazzjoni FRONTEX bil-preżenza tal-Pulizija Tedeska magħna. Mhux se jkun faċli li jkollok persuna li jkollha l-istess kwalitajiet bħalu u min dieħel warajh għandu problemi kbar quddiemu. Żgur, u mhux forsi, id-dell ta’ Wolfgang hemm se jibqa’ għal numru ta’ snin.

7 Kont qed nittama li jkolli l-opportunità li nerġa’ niltaqa’ miegħu qabel jidħol għall-kariga l-ġdida iżda dan ma kienx possibbli. Daħal irrankat f’dak tal-Finanzi b’ruħu u b’ġismu, kif jidher ċar mir-rapporti f’diversi gazzetti finanzjarji. Tipikament tiegħu ddikjara mill-ewwel (għadu lanqas ħa l-ġurament) li s-sitwazzjoni finanzjarja Ġermaniża hi dik li fl-erba’ snin li ġejjin mhux possibbli li l-baġit ikun bilanċjat. Mhux kulħadd ikun ferħan b’dan, però taf li m’hemmx ċajt mal-verità miegħu. Anzi dejjem emmen li mingħajr il-verità ma tagħmel xejn fil-ħidma kontra d-delinkwenza u fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

8 Dawn it-tibdiliet fil-Kabinett Ġermaniż se jaffettwaw mhux biss il-ġrajjiet f’dak il-pajjiż imma wkoll dak Ewropew. M’għandix dubju li l-preżenza ta’ Wolfgang Schäuble se tkun determinanti fil-politika finanzjarja Ewropea. Iktar u iktar meta diversi Stati għadhom ma rkuprawx mill-kriżi finanzjarja. Il-ġrajjiet futuri jagħtuna parir, però żgur li tlifnieh fl-Intern.

 

 

Intervista
Bejn awtorevolezza u l-umiltà

Karl Stagno-Navarra jintervista lill-President George Abela




Carmelo M. Bonnici
Tibdiliet fil-Gvern Ġermaniż



Joe Ellis
Lagħqa żebgħa



Toni Abela
Permanenti


Il-Punt - Claudette Abela Baldacchino
Qisu xejn mhu xejn

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan