MediaToday

Intervista | 25 ta’ Ottubru 2009 Nr 157

Bookmark and Share

Il-bżonn ta’ awtopsja

Julia Farrugia tintervista lil Pierre Portelli, President tal-Kunsill Amministrattiv tal-PN

Fis-sala tal-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista tinħass bħal longa kbira. Anke jekk fit-triq it-temperatura hi ta’ 20 grad Celcius il-ħġieġ li jdawwar id-Dar Ċentrali jtella’ t-temperatura fil-kamra bi sħana simili għal ta’ deżert.
Sakemm nikkurdaw il-cameras għall-intervista naħseb ftit fuq il-ġenjalità ta’ min ħareġ bl-idea ta’ ħġieġ minn kull angolu meta d-dinja dejjem qed tersaq favur kunċetti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Nistħajjel li anke jekk fl-eqqel tax-xitwa, biex tistaporti aktar minn siegħa f’din il-kamra għandek żewġ għażliet: jew tagħmel laqgħa fiha tard bil-lejl jew minn sbieħ Alla tixgħel l-arja kundizzjonata biex tniżżel it-temperatura.
Pierre Portelli, President tal-Kunsill Amministrattiv tal-PN, iwieġeb il-mistoqsijiet.
Dwar l-akbar problema li għandu l-Partit Laburista Portelli jgħid li: “il-kliem hu biss ‘Irridu nirbħu l-elezzjoni. Ma rridx narakhom tibku aktar.’ Jien jinteressani nisma’ kif meta jkun qed imexxi l-pajjiż id-darba li ġej, xi darba, tkun meta tkun, x’se jagħmel għal dan il-pajjiż biex inkunu aħjar.”
Mitlub jidentifika affarijiet li għoġbuh fit-tmexxija ta’ Lawrence Gonzi bħala Prim Ministru u oħrajn li ma għoġbux Pierre Portelli jidentifka dawn:
“Jien kuntent ħafna li Lawrence Gonzi rnexxielu jżomm it-tradizzjoni fil-PN li l-ewwel jiġu n-nies u allura jekk timxi magħha f’dan il-mument partikolari, l-ewwel jiġu l-impjiegi.
“Idejjaqni kif Lawrence Gonzi għadha ma tagħtux f’għajnu biżżejjed li jsabbat saqajh fuq il-komunikazzjoni tal-Gvern mal-poplu. Il-Gvern jagħmel ħafna affarijiet imma l-komunikazzjoni tiegħu hi ħażina. Din jien ngħidha fil-miftuħ u anke internament,” jistqarr l-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-PN.

L-għeluq tal-istazzjonijiet politiċi
Pierre Portelli, li hu l-eks-Kap tal-Aħbarijiet tal-mezzi tax-xandir tal-Partit Nazzjonalista, għandu idea ċara dwar il-futur tal-istazzjonijiet politiċi.
Fi kliemu dawn għandhom jingħalqu u minflok, il-liċenzja għandha tinxtara mill-privat.
“Jien offrejt mudell lill-Prim Ministru. Dan kien ftit qabel u ftit wara li sar is-Segretarju Ġenerali ġdid tal-PN,” jiżvela Portelli.
Kritiku ta’ ONE News u NET News, jistqarr li xeba’ jara d-doża qawwija ta’ propaganda politika, doża li tkompli tiżdied meta tibda toqrob elezzjoni.
Mingħajr ma jsemmi ismijiet, jgħid hekk: “Illum wasalna f’sitwazzjoni li jekk preżentatur jiċċaqlaq minn stazzjon għall-ieħor ukoll irridu ndaħħlu l-kulur politiku tiegħu u ngħidu li din rebħa jew telfa.”
“Fejn hi l-Awtorità tax-Xandir? Għaliex ma tinżilx aktar b’saħħa fuq il-bulletini tal-aħbarijiet?”
Jitkellem dwar il-kriżi ekonomika u jgħid li “ftit hawn nies li sejrin tajjeb fil-pajjiż.”

Reshuffle?
“Jien ngħid li wasal iż-żmien biex il-Prim Ministru jikkunsidra li jkabbar il-Kabinett. Jew inkella joħloq livell ieħor. Xejn ma jżomm lill-Prim Ministru milli joħloq livell ta’ Junior Minister.”
Mistoqsi jekk kellimx il-Prim Ministru dwar din il-possibbiltà, Portelli jgħid li qajjem dan il-punt internament fil-Partit Nazzjonalista.
Skont hu mhuwiex biss hu li għandu din il-fehma iżda hemm persuni oħra li jaħsbuha bħalu.

Is-safra ta’ Tonio Fenech b’ jet pivat ma’ negozjant privat
“Naħseb li wasal iż-żmien li niddeċiedu fejn se naqtgħu linja,” jgħid Portelli.
Imfakkar li l-kodiċi ta’ etika nkiser għal darba, tnejn, tlieta mill-Ministru Tonio Fenech, iwieġeb hekk: “Qed jinkiser kuljum.”
Kieku hu kif jagħmilha r-regola?
“Jien kieku jien nagħmilha li Ministru ma jaċċetta xejn. Naqta’ linja u ngħid XEJN, la hamper, xejn. Għax ma ngħidux mis-sena d-dieħla, tibda sena ġdida? Mis-sena d-dieħla ngħidu ħadd ma għandu jaċċetta xejn.”

In-nies qed jitilqu mill-Partit Nazzjonalista
Mistoqsi kif iħares lejn il-mawra ta’ Marisa Micallef fil-Partit Laburista Pierre Portelli għandu kumment wieħed: “Nawguralha fir-rwol ġdid tagħha.”
Iżda ftit wara jipprova jagħti stampa li din il-persuna m’hi ħadd li għandu jinkwieta daqstant lill-PN.
“Din mhix uffiċjal tal-PN,” jgħid Portelli.
Imfakkar li din kienet kandidata tal-PN f’Elezzjoni Ġenerali, u politikament appuntata Chairman tal-Awtorità tad-Djar, id-diska ddur xi ftit.
Infakkru li l-ġurnalist u opinjonista Joe Grima ddikjara fuq it-televiżjoni li kien hemm nies involuti sew fil-PN u kienu vitali għal ċerti rebħiet li talbuh ilaqqagħhom mal-mexxej Labursita Joseph Muscat.
Mistoqsi jekk għandux jinkwieta lill-PN li hemm dan il-kurrent ta’ nies li qed imur mal-Partit Laburista, iwieġeb hekk:
“U żgur li għandu jinkwieta lill-PN. Nemmen li l-PN għandu jistaqsi: ‘Jien qed nitlef in-nies. Għaliex qed nitlef in-nies?’”
Pierre Portelli hu tal-fehma li minbarra li ssir din l-analiżi għaliex ċerti nies prominenti qed jitkellmu kif qed jitkellmu, għandu jkun hemm eżami biex ikun magħruf għal-liema raġuni fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew eluf ta’ persuni ma vvutawx lill-Partit Nazzjonalista.
“Naħseb wieħed irid joqgħod attent mill-mod kif ċerti esponenti tagħna jitkellmu. Naħseb kulħadd għandu joqgħod attent. Jien meta qrajt il-kumment ta’ Paul Borg Olivier lili ma dejjaqnix. Imma jidher li dejjaq lin-nies.
“Aħna rridu nistaqsu: Imma meta aħna qed nitkellmu, kif qed nitkellmu? Jista’ jkun li l-pressure qed tagħmel bina?”
Jiżbalja l-PN jekk jaħseb li “u iva, issa tiġi l-elezzjoni u l-affarijiet iduru.”

 

 

Intervista
Il-bżonn ta’ awtopsja

Julia Farrugia tintervista lil Pierre Portelli, President tal-Kunsill Amministrattiv tal-PN




Carmelo M. Bonnici
Il-ktieb se jibqa’ jew se jsir elettroniku?



Joe Ellis
Oppożizzjoni għal Berlusconi?


Mark Borg
Il-bullying fl-iskola


Il-Punt - Marlene Pullicino
Nirrestawraw il-Festi Flimkien: x’restawr hu?

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan