MediaToday

Il-Punt | 25 ta’ Ottubru 2009 Nr 157

Bookmark and Share

Nirrestawraw il-Festi Flimkien: x’restawr hu?

Marlene Pullicino

Malli jfeġġ ħjiel tas-sajf, hekk kif l-ewwel żiffa sħuna tmelles lil xtutna, l-irħula u l-ibliet tagħna donnhom jaqgħu taħt seħer. F’kemm ilni ngħidlek mill-art jibda jinbet armar ta’ kull xorta, il-knejjes jilbsu l-libsa tal-festa, it-toroq jitpaxxew bil-mixegħla ta’ kull forma, u l-art u s-sema jitpittru b’murtali tal-kulur jew ġiġġifogu li jbellah lil kull min iżurna.
Il-qniepen tal-knejjes taqbadhom ferneżija u l-marċi brijużi jgħidulek ‘iżfen’, jidwu mat-toroq tagħna. L-ikel u x-xorb jimxi aktar mis-soltu għax ħadd ma jkollu aptit jingħalaq ġewwa jsajjar, tal-ħwejjeġ u ż-żraben jifirħu għax kulħadd jipprova jiddandan u jżanżan, u tal-qubbajt jagħmel xalata ta’ negozju.
Fi ftit kliem, għal dawk il-jiem tal-festa, raħal wara raħal u min jgħammar fihom jinsew l-imrar tal-ħajja, u jintelqu mal-kurrent li ġġib magħha l-festa tal-qaddis/a. Bosta jieħdu parti attiva fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-okkażjoni li jsiru fil-knisja, u ma jimpurtahomx mill-marċi u l-briju. Oħrajn bil-kontra, jgħidu viva l-qaddis tagħhom u fil-knisja ma tarahomx.
Issib minn kollox. Min jiġri wara l-festi aktar minn mejda tal-qubbajt, u min jidgħilhom bla ħniena għax iħawduh!
Ngħidu x’ngħidu u nagħmlu x’nagħmlu jibqa’ l-fatt li dawn it-tradizzjonijiet reliġjużi u soċjokulturali għandhom għeruq fil-fond fejn tidħol il-kultura u l-identità tagħna, mhux biss bħala poplu, iżda wkoll bħala rħula u bliet individwali, bħala soċjetajiet u fratellanzi diversi bil-friegħi kollha tagħhom, kif ukoll bħala individwi wild ta’ raħal u mhux ta’ ieħor.
Dan is-sajf kien partikulari. F’kull festa li mort, fuq fomm l-organizzaturi tal-istess festi, kien hemm id-dokument li kulħadd jaf li kien qed jinħema fil-Kurja. Kont inħoss ċerta biża’ fost id-dilettanti, ċertu uġigħ il-qalb. Ħadd donnu ma kien qed jistenna li b’dak li se tipproponi l-Knisja, il-festi se jitħarsu u jissaħħu.
L-opinjoni ġenerali kienet li l-Knisja kienet kontra t-tkabbir tal-festi fuq barra, u kienet se turi snienha għax taf li min vera jħobb il-festa jħobbha kompluta bil-purċissjoni bl-istatwa tal-qaddis b’kollox. Allura, saħansitra jekk m’għandhiex il-jedd kostituzzjonali li tiddeċiedi x’jiġri mill-bieb tal-knisja ’l barra, xorta l-Awtorità Ekklesjastika tista’ tilgħab il-karta tat-theddid biex tgħaddi tagħha.
Għadda s-sajf u ż-żmien tana parir: id-dokument ‘Nirrestawraw il-Festi Flimkien’ ħareġ forma ta’ ‘proposti’ li mill-impressjoni li ħadt mill-promotur ewlieni tiegħu f’isem il-Knisja jistgħu jkunu proposti imposti.
Id-diskussjoni tajba u kien hemm bżonn li ssir, xejn xejn qed titqajjem kuxjenza dwar ix-xogħol bla heda ġol-knisja u barra minnha li jwassal biex tittella’ kull festa tar-raħal. Li hemm x’niżbru kulħadd jaqbel, għax meta niżbru nsaħħu. Li ma tagħmilx sens hi l-pożizzjoni awtokratika li tidher li qed tieħu l-Knisja.
Fiż-żmien meta d-devoluzzjoni ta’ poter saret l-ordni tal-ġurnata, meta gvernijiet saħansitra qed jiddelegaw lil NGOs f’diversi oqsma, it-ton tad-dokument jindika li l-Knisja sejra kontra l-kurrent għax trid il-kontroll assolut ta’ x’jiġri barra u ġewwa fil-ġimgħa tal-festa. Bħallikieku s-soċjetajiet involuti huma tajbin biss biex iżommu l-ordni – liema dover hu fil-fatt tal-Pulizija – u mhux biex jiddeċiedu mal-parteċipanti kollha, inkluż il-Knisja, x’għandu jinżamm jew jitwarrab biex il-festi jikbru u jissaħħu fid-direzzjoni t-tajba u skont ir-realtà tal-ġurnata.
Il-festi huma parti importanti mill-patrimonju tagħna. Jeħtieġ nagħmlu dak kollu meħtieġ biex insaħħuhom u żgur li ma naslux bl-arroganza. Naslu bis-sens komun, bl-umiltà u bir-rispett lejn xulxin li tippriedka l-Knisja stess.

Marlene Pullicino hi Deputat Laburista u ffinanzjat attività nazzjonali dwar il-futur tal-festi f’Malta li saret ftit tal-jiem ilu

 

 

Intervista
Il-bżonn ta’ awtopsja

Julia Farrugia tintervista lil Pierre Portelli, President tal-Kunsill Amministrattiv tal-PN




Carmelo M. Bonnici
Il-ktieb se jibqa’ jew se jsir elettroniku?



Joe Ellis
Oppożizzjoni għal Berlusconi?


Mark Borg
Il-bullying fl-iskola


Il-Punt - Marlene Pullicino
Nirrestawraw il-Festi Flimkien: x’restawr hu?

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan