Carmelo Mifsud Bonnici | 25 ta’ Ottubru 2009 Nr 157
Il-ktieb se jibqa’ jew se jsir elettroniku? 1. Waħda mix-xewqat li għandi, u li ilha minn meta kelli 15-il sena, hi dik li xi jum inżur il-Fiera tal-Ktieb fi Frankfurt fil-Ġermanja. S’issa ma kellix din l-opportunità u ma nafx kemm se jirnexxili. Però għadni nittama. Dan għax f’dawk il-jiem ikun hemm l-aqwa ta’ dak li għaddej fid-dinja tal-ktieb. Għal min isegwi jaf li proprju f’dik il-fiera jinġabru ħafna nies u ssib ideat ġodda nkella passi oħra fuq dak li kien hemm qabel. Okkażjoni unika li għal dawk bħali li jħobbu l-ktieb m’hawnx isbaħ minnha. 2. Din is-sena din il-fiera kellha l-preżenza ta’ numru ta’ ġganti fis-settur elettroniku bħall-Google, Sony u Amazon li qed jipprospettaw il-ktieb elettroniku. Il-kunċett hu li m’hemmx bżonn li ġġorr xi ktieb tqil miegħek, jew ġabra ta’ kotba, imma f’apparat wieħed tista’ taqra kwantità. Vantaġġ għal min iħobb jaqra u fl-istess ħin possibbiltà aqwa biex idaħħal f’dan għerf li mhux se joħolqulu problema ta’ spazju fid-djar. Dan li jissejjaħ e-book għandu l-konvenjenza tiegħu, m’hemmx dubju, però se jibdel ix-xenarju letterarju u ekonomiku u mhux kulħadd qed jilqgħu b’idejh miftuħa. 3.Għalkemm il-bejgħ ta’ dan l-apparat (“Kindle” Amazon u “Reader” Sony) mhux kbir fis-settur enormi tad-dinja tal-ktieb, xorta waħda għandek l-effett li iktar persuni qed jixtru l-verżjoni elettronika tal-ktieb. Dan b’mod partikolari fid-dinja Anglo-Sassona imma mhux f’oħrajn fl-Ewropa. Biss il-fiera ta’ Frankfurt serviet żgur biex tiftaħ u tagħti aktar attenzjoni għal dan il-mezz ta’ tixrid ta’ ktieb b’saħħa kummerċjali li qatt qabel ma kellna. Hemm vantaġġi interessanti. Għada pitgħada min jikteb il-ktieb se jkollu l-possibbiltà li jnaqqas id-dipendenza tal-immaġinazzjoni fuq il-kliem. Il-kittieb jista’ jibni l-mużika li takkumpanja u juri b’mod ċar il-karattri, il-pajsaġġ, l-immaġini kollha li s-soltu kull qarrej jibdel skont kemm kapaċi jifhem. 4.Dawk il-kotba bħal ta’ Charles Dickens jew Joseph Conrad, li kienu inevitabbilment jibdew b’diskussjoni dettaljata tal-fattizzi, statura, karnaġġon tal-persunaġġi jew tal-ambjent sħiħ, se jonqsulhom il-kliem. Ix-xenarju se jinbidel biċċa biċċa, iktar u iktar meta tqis li kumpaniji bħall-Google ħadu ħsieb jikkonservaw b’mod elettroniku kwantità kbira ta’ kotba minn diversi libreriji u biblijoteki mad-dinja. Il-biża’ f’dan kollu ġej mhux tant fl-informazzjoni imma fl-abbiltà li wieħed jipproteġi d-drittijiet tal-awturi. Quddiem dan fi Frankfurt kellna lil Angela Merkel, il-Kanċilliera konfermata tal-Ġermanja, topponi u tinsisti għal iktar attenzjoni u protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet fil-konfront ta’ din l-innovazzjoni. 5. Din il-pożizzjoni ġabet ir-reazzjoni nkwetata ta’ Google permezz tad-direttur tagħhom David Drummond. F’intervista li rnexxieli nsegwi jidher mill-iktar ċar li dak li jidher li hu “theddida” fir-realtà jista’ jittrasforma ruħu f’opportunità għal tixrid aqwa u ikbar tal-ktieb. Drummond, għall-kuntrarju ta’ dak li jista’ jaħseb ħaddieħor fl-analiżi tiegħu, jitlaq mill-punt tat-tluq li xejn ma jista’ jsir mingħajr il-ktieb stampat. Anzi, li mingħajr il-ktieb, il-proġett kollu tal-Google jispiċċa fix-xejn u għalhekk għandhom interess huma stess li jaslu fi ftehim mal-kittieba u kull min għandu f’idejh id-drittijiet tal-awtur biex jipproteġuhom. Mhux biss, imma bil-parteċipazzjoni ta’ Amazon, hemm dik li jinbiegħu iktar kotba bi prezzijiet iktar raġonevoli. 6. F’dan però nqabdet taqbida interessanti li l-ħin kollu trid tikkumplika ruħha. Minn naħa l-waħda kawżi, bħal dik li hemm fit-Tribunal ta’ New York kontra Google, li jidher li waslu għal ftehim li l-ġudikatura trid tara tiddikjarahx validu fid-9 ta’ Novembru, u dik li hemm fi Franza fejn il-grupp “La Martinière” fetaħ ukoll kawża kontriehom bis-sentenza għat-18 ta’ Diċembru. Proċessi li jistgħu jagħlqu u jirrestrinġu l-ftuħ. Fuq in-naħa l-oħra, l-aċċess għall-informazzjoni u l-proċess ta’ demokratizzazzjoni ta’ kotba li qabel ma kinux jistgħu jinsabu jew li l-kontenut tagħhom ma kienx magħruf. Għax hawn għandek magna ta’ 10 miljun ktieb, li ċert li se jiżdiedu bil-possibbiltà ta’ iktar meta biblijoteki nazzjonali bħal dik ta’ Franza, dejjem jekk tasal fi ftehim, taf tagħti lill-Google Books. 7. Ma nemminx li se naslu f’xi mument meta l-ktieb se jitlef mill-importanza tiegħu. Jibqa’ jiġi stampat u għax jiġi hekk li wieħed jista’ jimxi ’l quddiem f’din il-linja ta’ e-books. Ovvjament, id-drittijiet tal-awtur iridu jiġu protetti. Huma jiggarantixxu l-bilanċ intern neċessarju biex jiċċaqlaq ’il quddiem dan kollu u jippremja l-intelliġenza u l-ġenju ta’ min jikteb. Biss, il-vantaġġi kbar li t-teknoloġija tippermetti m’għandhomx jinżammu lura. Il-kotba huma minjiera ta’ informazzjoni jekk il-poplu jkollu aċċess veloċi u li fih aktar minn persuna waħda fl-istess ħin taraha. Dan iservi żgur għall-progress. Għax għalkemm il-biblijoteki huma l-protetturi ta’ dan it-teżor li hu patrimonju għad-dinja, fir-realtà jsiru jafu huma biss x’ikun fihom. Dan m’għandux ikun fid-dinja tal-lum u għandna nassiguraw dejjem iktar qari u aċċessibbiltà. Għalhekk ktieb li jittrasforma ruħu f’mezzi elettroniċi hu garanzija ta’ edukazzjoni, formazzjoni u demokrazija u, l-iktar importanti, irid jitħaddem b’mod li jissoda d-drittijiet tal-awtur u mhux inaqqashomlu.
|
Intervista
|
Email: Illum Search Custom Search
Features
|
Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan