MediaToday

Ittri | 18 ta’ Ottubru 2009 Nr 156

Bookmark and Share

Il-caravan site f’Marsaskala

P.J. Caruana,
Marsaskala

Fil-gazzetta Maltatoday tal-Ħadd, 4 ta’ Ottubru ngħad li l-Gvern se jagħmel sit għall-caravans, ‘Caravan Site f’Marsaskala’. Fuq dan is-suġġett diġà ntqalu xi affarijiet kemm mir-residenti f’ġurnali oħrajn kif ukoll fit-toroq. Qed jingħad li l-applikazzjoni għal dan is-sit tal-caravans hi pproġettata fil-parti magħrufa bħala ‘taz-Zonqor’ fejn il-pixxina.
Jekk dan hu minnu, li jidher li hu, għaliex anke l-MEPA u l-Kunsill Lokali ammettew li l-applikazzjoni diġà saret, tkun daqqa ta’ ħarta oħra għal-lokal ta’ Wied il-Għajn. L-aktar li se jkunu milquta din id-darba huma dawk ir-residenti li joqogħdu n-naħa taż-Żonqor. X’fadal jitwaddab iżjed ġo Wied il-Għajn? L-Impjant ta’ Sant’Antnin bit-taħwid kollu li hu mdawwar bih il-proċess, il-fishfarms li issa sirna nafu wkoll li se jagħlqu dawk tan-naħa ta’ fuq u se jinġiebu u jitpoġġew kollha f’Marsaskala? U issa l-caravan site! Affarijiet li jħammġu u jniġġsu l-ambjent, li jbiegħdu lit-turisti u li jdejqu lir-residenti qed jinġabru ftit ftit kollha f’Marsaskala. Kulħadd jaf il-kwantità ta’ ħmieġ u storbju li joħloq sit ta’ caravans.
Li ma nistax nifhem hu kif il-Kunsill Lokali hu sieket fuq kull proġett li qed jissemma li hu, bla dubju ta’ xejn, ta’ ħsara għal-lokal u tan-nies li jgħixu fih. Skont ir-rapport tal-Maltatoday, Mario Calleja qal li l-Kunsill qatt ma ġie kkonsultat u ma jaf b’xejn dwar dan il-proġett lanqas fejn se jsir. Qal biss li s-sit indikat bħalissa jintuża minn dawk li jinqdew bid-dlam biex jinnamraw.
Jiena ma nafx eżattament għalfejn tintuża dik iż-żona, anke jekk noqgħod ftit metri biss ’il bogħod minnha u qatt ma nqdejt bid-dlam tagħha biex immur ninnamra. Dik inħalliha għall-ġudizzju ta’ dawk li jiffrekwentawha
Li jinteressani hu kif min-naħa s-Sindku Calleja jgħid li l-Kunsill ma ġiex ikkonsultat u ma jaf b’xejn u min-naħa l-oħra, l-artiklu jgħid ċar u tond li kien l-istess Kunsill li ppropona li f’Wied il-Għajn isir caravan site. Mela l-Kunsill tagħna ma jaf b’xejn u donnu ma jinteressah b’xejn fuq it-tbażwir u t-tahwid li hu mdawwar bih l-impjant tar-riċikilaġġ ta’ Sant’Antnin, ma jaf b’xejn u ma giex ikkonsultat fuq il-kwistjoni tal-yacht marina, jidher li ma jinteressah xejn fuq il-fatt li l-fishfarms kollha ta’ Malta se jinġabru f’żona waħda f’Wied il-Għajn u jkun hu stess li jipproponi li ssir caravan site f’Marsaskala. Dan x’taħwid hu?
Nistgħu aħna r-residenti nkunu nafu eżattament x’kunsill lokali għandu jippreżentah? X’inhi l-pożizzjoni vera tal-Kunsill fejn għandhom x’jaqsmu dawn il-proġetti ta’ dannu għal-lokal tagħna u għalina li ngħixu fih? Veru jew mhux veru li l-Kunsill ma jaf b’xejn dwar il-yacht marina?
Veru jew le li kien hu stess li ppropona li jsir caravan site f’Wied il-Għajn? Ir-residenti għandhom id-dritt li jkunu jafu bit-tweġibiet ta’ dawn id-domandi. Il-Kunsill Lokali għandu l-obbligu li jgħid pubblikament x’inhi l-pożizzjoni tiegħu u x’qed jagħmel fejn jidħlu dawn il-proġetti li ħadd ma jridhom wara biebu.
L-impressjoni tiegħi hi li l-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn biss, għal xi raġuni jew oħra, qed jaċċetta dawn l-affarijiet. Is-silenzju tiegħu u l-kontradizzjonijiet tas-Sindku Calleja lili jikkonfermawli ħsibijieti.

 

 

Intervista
Ibqgħu sibuni bħala l-‘Guy’….

Karl Stagno-Navarra jintervista lil Karmenu Vella




Carmelo M. Bonnici
Blogs — tirannija jew demokrazija



Joe Ellis
Il-prezz tad-demokrazija



Toni Abela
Tabula Rasa


Il-Punt - Justyne Caruana
Kwistjoni ta’ benefiċċji soċjali jew ta’ natura soċjali?

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan