Joe Ellis | 18 ta’ Ottubru 2009 Nr 156
Inkomplu fejn ħallejna l-ġimgħa l-oħra. Nhar it-Tnejn, The Times reġgħet ġabet artiklu tal-ġurrnalist Ivan Camilleri dwar il-fatt li l-Parlament Malti mhux qed jieħu sehem attiv fl-affarijiet Ewropej. Skont dan l-artiklu, it-tort mhu ta’ ħadd ħlief tal-Parlament Malti u speċjalment tal-Ispeaker li m’għamel l-ebda talba lill-Gvern biex il-Parlament ikollu l-finanzjament ħalli jkollu rappreżentant permanenti fi Brussell. Il-ġurnalist kompla jgħid li jekk issir tali talba, il-Ministeru tal-Finanzi jqisha.
Ma jistax ikun hemm stampa aktar ċara kemm il-Parlament mhux fil-fatt l-ogħla istituzzjoni fil-pajjiż meta l-ħtiġijiet tiegħu jiddependu fuq il-konsiderazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi. Qisu dipartiment tal-Gvern kwalunkwe.
Dan ma jfissirx li l-Parlament jista’ jonfoq kemm irid imma wieħed għandu jafdah li, bħalma jivvota fuq il-proposti tal-Gvern dwar kif jiffinanzja l-ħidma tiegħu, jivvota wkoll dik l-allokazzjoni xierqa li tiżgura l-ħidma effettiva tiegħu, u dan mingħajr indħil minn naħa tal-Gvern.
Fil-fehma tiegħi l-ġurnalist tat-Times enfasizza wisq il-kwistjoni li l-Parlament Malti m’għandux rappreżentant permanenti fi Brussell. Naħseb li hi ferm aktar serja li l-Parlament Malti ma rrisponda qatt fi tliet snin għal mijiet ta’ stediniet li sarulu mill-Kummissjoni Ewropea għall-kummenti dwar l-inizjattivi leġiżlattivi li tieħu. Imma bħal ħafna drabi f’dan il-pajjiż nisħqu aktar fuq il-kożmetiku milli fuq is-sustanza.
Għaliex din l-istorja turi nuqqas ta’ effettività tal-Parlament Malti li ma tistax tiġi tollerata. Inutli li wieħed joqgħod jara ta’ min hu t-tort. X’aktarx kulħadd ikollu biċċa tort. Imma l-akbar tort hu tal-fatt li rridu mmexxu pajjiż, verament żgħir, imma llum membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea, b’Parlament ta’ part-timers li jridu jirrikonċiljaw professjoni jew negozju jew impjieg mad-dmirijiet Parlamentari tagħhom. Meta diġà l-aġenda leġiżlattiva hi pjuttost mgħobbija, mhux ta’ b’xejn li l-patafluni ta’ dokumenti li jaslu minn Brussell ħadd ma jagħti kashom.
Jekk din is-sitwazzjoni ma tinbidilx pajjiżna jkun qed jitlef l-opportunità li se jagħtih it-Trattat ta’ Lisbona li jinfluwenza b’mod aktar effettiv il-leġiżlazzjoni Ewropea, ċertament aktar mis-sitt membru li se jkollna.
F’dan il-punt tajjeb li wieħed isemmi x’sar minnha l-inizjattiva li kienu ħadu l-partiti wara l-elezzjoni biex isiru diskussjonijiet dwar riformi kostituzzjonali. Ftit nafu dwar l-andament ta’ dawn id-diskussjonijiet għaliex mid-dehra, għalkemm jista’ jkun li għandi żball, it-taħditiet qed isiru bil-bibien magħluqin. Wieħed jifhem li diskussjonijiet bejn partiti jsiru fil-magħluq, imma mhux xogħol ta’ Kumitat Parlamentari. Fi kwalunkwe każ, x’sar minnu dan il-Kumitat?
F’sena u nofs, saret laqgħa waħda ma’ membri interessati tal-pubbliku, liema laqgħa kellha attendenza fqira, u mhux ta’ b’xejn ! Jien kont bgħatt proposta għal tibdil kostituzzjonali u xi erbat ijiem qabel din il-laqgħa rċevejt stedina biex nattendi din il-laqgħa. Ma stajtx nattendi, anke meta l-laqgħa nbidlet minħabba l-funeral ta’ Karl Chircop. Għalfejn l-affarijiet isiru fl-aħħar minuta, bil-għaġla biex imbagħad norqdu fuqhom is-snin?
Jekk dan il-Kumitat irid jagħmel biċċa xogħol siewja, irid jibda jibgħat għall-korpi kostitwiti u setturi oħra tal-pubbliku u jinstigahom joħorġu bi proposti għal tibdil kostituzzjonali. Sfortunatament tant kemm hawn
apatija u aljenazzjoni f’dan il-pajjiż li m’hemmx triq oħra. Insomma, irid jagħmel bħal Mawmettu u jmur hu ħdejn il-muntanja.
Dan għax 45 sena wara l-Indipendenza, il-ħtieġa ta’ riforma kostituzzjonali qiegħda ssir dejjem aktar urġenti. Nibdew bil-Parlament: jista’ jkollna Parlament b’inqas membri imma li jkunu Parlamentari l-ħin kollu. Hekk il-Parlamentari jkollhom il-ħin meħtieġ għall-ħidma leġiżlattiva tagħhom fil-qasam lokali u Ewropej. Riforma oħra għandha tkun kif jiġu rimunerati l-Parlamentari u kif għandhom jiġu determinati r-riżorsi għad-dispożizzjoni tal-Parlament.
Affarijiet oħra li jeħtieġu jinbidlu huma l-mod kif inhuma finanzjati l-partiti u l-infiq tal-kandidati fl-elezzjonijiet. Is-sitwazzjoni preżenti mhix aċċettabli. Il-partiti f’Malta llum huma l-uniċi entitajiet li m’għandhomx ħtieġa li jagħtu rendikont tal-finanzi tagħhom. Hu sigriet magħruf li l-partiti għandhom problemi finanzjarji enormi. Dan minkejja li għandhom attivitijiet kummerċjali biex jiffinanzjawhom. Bnew magni li mhumiex sostenibbli u li qed isoffulhom id-demm, speċjalment it-televiżjoni li għandhom. Din hi sitwazzjoni perikoluża għax se tassigura li l-partijiet jibqgħu jiddependu fuq id-donazzjonijiet ta’ benefatturi moħbija li ħafna drabi se jistennew xi ritorn għall-investiment li jagħmlu.
Jidher li fil-pajjiż hawn oppożizzjoni li l-partiti jkunu ffinanzjati mill-Istat. Fl-opinjoni tiegħi dan hu żball kbir li jkompli juri l-kultura dilettanteska ta’ dan il-pajjiż. Naqbel mal-President Guido De Marco li l-Ħadd li għadda stqarr li l-finanzjament tal-partiti mill-Istat jassigura aktar trasparenza u anqas dipendenza fuq “benefatturi” b’motivi ulterjuri.
Din mhix problema unikament Maltija għax il-finanzjament tal-partiti hi problema tad-dinja kollha. Imma li nfittxu soluzzjoni hi ħtieġa li ma nistgħux nibqgħu ninjorawha għax kif qal De Marco, dan hu l-prezz li ċ-ċittadin irid iħallas għad-demokrazija, prezz li ċ-ċittadin se jispiċċa jħallsu mit-taxxi tiegħu, ikun xi jkun il-każ, anke fis-sitwazzjoni attwali.
Allura nippreferi soluzzjoni li tassigura trasparenza mis-sistema moħbija tal-lum. Kundizzjoni waħda npoġġi bħala ċittadin komuni għall-finanzjament tal-partiti mill-Istat: il-partiti jridu jeħilsu mill-interessi kummerċjali tagħhom, inklużi dawk radju-televiżivi għax inkella dan il-finanzjament jammonta għall-għajnuna illegali tal-Istat.
L-istazzjonijiet radju-televiżivi tagħhom għandhom jiġu “privatizzati” u jiġu suġġettati għall-kontroll rigoruż tal-Awtorità tax-Xandir biex tassigura bilanċ u imparzjalità. Illum, din l-Awtorità qiegħda tabdika kompletament mir-responsabbiltà kostituzzjonali tagħha bit-teorija fażulla li stazzjon ta’ partit jibbilanċja l-istazzjon tal-partit l-ieħor.
Jekk niffinanzjaw il-partiti ma rridux inħallu li l-“benefatturi” jibdew minflok jiffinanzjaw lill-kandidati. Għadna b’limitu redikolu ta’ nfiq mill-kandidati fl-elezzjonijiet li mhux realistiku u li żgur qed jinkiser fil-parti l-kbira tal-każi. Tisma’ bi stejjer li kandidati jħallsu kontijiet tad-dawl u tal-ilma, anke funerali u b’rigali ta’ borom li jingħataw f’attivitajiet tal-kandidati.
Hi ħasra li hawn min ipartat il-vot tiegħu ma’ borma jew funeral (min jibqa’ ħaj, ovvjament) imma din hi Malta tal-lum. Qegħdin nirriskjaw li d-demokrazija tagħna taqa’ taħt il-kontroll ta’ min jiflaħ iħallas.
Wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, fejn l-eċċessi ta’ x’uħud mill-kandidati kienu jidhru ċari għal kulħadd, it-Times nediet kampanja dwar l-ispiża tal-kandidati u jekk il-limitu tal-Liġi kienx inqabeż.
Kien hemm xi kandidati li kienu onesti u ammettew li qabżuha. Imma dawk li telgħu kollha ħadu l-ġurament li l-limitu ma qabżuhx
Tajjeb li wieħed ifakkar li l-limitu ta’ nfiq fl-elezzjoni ġenerali jista’ jinbidel b’liġi ordinarja tal-Parlament bħal dawk li jsiru għexieren minnhom kull sena u l-limitu fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew jista’ jinbidel b’avviż legali tal-Prim Ministru li minnhom isiru mijiet kull sena.
Imma flok ma sar tibdil b’mod li kien jiżgura li kulħadd iwassal il-vuċi tiegħu mingħajr eċċessi, il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni kitbu lill-Ispeaker biex il-Kumitat tar-Riformi Kostituzzjonali jiddiskuti l-limiti ta’ nfiq mill-kandidati.
Għalkemm din il-kwistjoni jmissha dejjem kienet fuq l-aġenda ta’ dan il-Kumitat, hi tassew interessanti, biex ma nużax kelma oħra, li min suppost ħa deċiżjoni kif din il-materja għandha tiġi regulata u jevita il-ksur tal-Liġi, għoġbu jgħaddi l-kwistjoni lil ħaddieħor bil-konsegwenza li x’aktarx ftit li xejn se jkun hemm tibdil u nibqgħu għaddejjin bil-farsa tal-lum. Hu interessanti wkoll li wara din l-ittra lill-Ispeaker, il-kampanja tat-Times waqfet.
Il-punt hu li demokrazija Parlamentari tiswa u l-poplu jrid ikun lest iħallas għaliha. Inkella se nissugraw li d-demokrazija terġa’ ssir logħba li min hu sinjur biss jista’ jieħu sehem fiha. Irid ikun hawn regoli ċari li jevitaw kunflitti ta’ interessi, reali jew perċepiti.
Negozjant prominenti din il-ġimgħa stqarr, wara l-kontroversja li qamet dwar il-mawra tal-Ministru tal-Finanzi biex jara logħba futbol, li b’dan il-mod hu lanqas jista’ jibgħat il-hampers li tradizzjonalment jintbagħtu fil-Milied lill-Ministri, lill-Membri tal-Parlament u lill-uffiċjali għolja taċ-Ċivil. Ċertament jekk dawn il-hampers jew rigali f’din il-vena jingħataw biex jiżguraw trattament mhux ġustifikat lil tali “benefattur”, m’hemm xejn stramb fis-suġġeriment ta’ dan in-negozjant.
Differenti jekk dawn ir-rigali jkunu turija ta’ apprezzament tal-ħidma matul is-sena. Imma l-Membri tal-Parlament u l-Ministri kif ukoll l-ogħla uffiċjali taċ-Ċivil, bħall-membri tal-ġudikatura, m’għandhomx jistennew li l-ħidma tagħhom tiġi apprezzata b’dan il-mod u m’għandha tkun ikkundizzjonata b’xejn. Hekk jixraqlu pajjiż ċivilizzat.