MediaToday

Intervista | 18 ta’ Ottubru 2009 Nr 156

Bookmark and Share

Ibqgħu sibuni bħala l-‘Guy’….

Karl Stagno-Navarra jintervista lil Karmenu Vella

In-nies tafu l-aktar bħala ‘l-Guy’ u ma jiddejjaq xejn li minflok it-titlu ta’ ‘l-onorevoli’ jew ‘perit’ jgħajtulu bil-laqam tiegħu.
Tliet darbiet Ministru ta’ Gvernijiet Laburisti u Membru Parlamentari għal dawn l-aħħar 33 sena, Karmenu Vella hu fost l-aktar politiċi meqjusa bħala moderati fi ħdan il-Parlament nazzjonali.
Jistqarr li għalih m’hemmx kuluri u n-nies li jkellmuh huma lkoll l-istess, “kulħadd Malti jew Għawdxi għalija u qatt ma emmint fil-kuluri. Huma min huma. Jien nilqagħhom u nismagħhom,” wieġeb hekk kif staqsejtu x’inhu s-sigriet tal-popolarità tiegħu.
Żurrieqi pur, Karmenu Vella jistqarr li raħal twelidu hu l-għajn tal-karattru tiegħu.
“Aħna ż-Żrieraq magħrufin għas-sempliċità u d-dħulija tagħna,” stqarr, waqt li spjega wkoll li ħafna f’pajjiżna għadhom ma għarfux ir-realtà ta’ dan ir-raħal fin-naħa t’Isfel ta’ Malta.
“Iż-Żurrieq hu mogħni b’diversità liema bħala, għaliex aħna komunità ta’ sajjieda, bdiewa, ħaddiema u professjonisti u f’Malta ftit li xejn m’hawn realtà simili daqsna,” jinsisti.
Għal Vella, din it-taħlita tagħmel miż-Żurrieq raħal uniku u fuq kollox nies b’karattru uniku.
Mhux faċli twaqqaf lil Vella milli jitkellem fuq iż-Żurrieq, u mhux faċli lanqas li taqbadhielu fuq il-politika.
Vella hu Laburist iva, kif ukoll Membru Parlamentari, iżda minkejja l-għeruq politiċi tiegħu, jippreferi jistqarr li hu anqas iffukat fuq il-politika llum milli kien fis-snin li għaddew.
“Il-politika hi importanti f’ħajti għaliex jien politiku u Membru Parlamentari. Iżda l-ħidma tiegħi l-lum twassalni nkun aktar iffukat fuq ir-responsabbiltajiet tiegħi fi ħdan kumpanija privata u ma nixtieqx ikolli xi kunflitt ta’ interess,” spjega Vella, waqt li żied isostni li għalih, “tinħtieġ distinzjoni ċara u bilanċ bejn dak li hu politiku u dak li hu kummerċjali.”
Vella llum hu wieħed mill-ogħla uffiċjali fi ħdan il-grupp Corinthia u bħalissa hu fdat bir-responsabbiltà ta’ proġett ta’ żvilupp estensiv fil-Libja.
B’reputazzjoni ta’ espert fis-settur tat-turiżmu, Vella hu wieħed mill-aktar persuni rispettati mill-operaturi fis-settur. Tant hu hekk li ħafna jduru lejh mhux biss għall-pariri iżda biex jitolbuh jintervjeni biex tinstema’ l-kawża tagħhom.
Filwaqt li jirrikonoxxi li s-settur tat-turiżmu f’Malta safa’ vittma tal-effetti tar-riċessjoni globali fejn is-swieq ewlenin tagħna spiċċaw fost l-agħar milquta, dan wassal biex matul din is-sena kien reġistrat l-agħar tnaqqis f’wasliet, f’nefqa u permanenza fil-lukandi f’dawn l-aħħar snin.
“Ħafna mill-għawġ li għaddejjin minnu żgur mhux it-tort tagħna. Iżda hemm ukoll ċerti responsabbiltajiet li jeħtieġ iġorr ukoll il-Gvern,” jgħid Vella, li żied li għalkemm hu vera li ġew anqas turisti lejn Malta mis-swieq ewlenin, il-Gvern ma għenx lill-operaturi f’dan il-mument diffiċli ħafna għalihom billi għolla l-ispejjeż, speċjalment fejn jidħol l-użu tal-enerġija.
“Jekk l-operaturi kollha qed jilmentaw li qed ibatu u l-impjieg ta’ mijiet ta’ ħaddiema hu mdendel, għaliex għandna ngħabbuhom b’aktar spejjeż?” staqsa Vella.
Iżda l-Gvern hu responsabbli wkoll tal-Awtorità dwar it-Turiżmu li fi kliem Vella, “għamel it-tajjeb, iżda wkoll għamel il-ħażin.”
Hawnhekk, Vella jinsisti li Malta teħtieġ tkun reklamata b’aktar għaqal u jħoss li minn dak li qed jara, jibqa’ ħafna vojt fl-ippjanar ta’ ċerti kampanji.
“Hu tajjeb li sar reklamar permezz ta’ sponsorship lit-team ta’ Coventry fl-Ingilterra, u kulmin iżur il-grawnd ta’ dan it-tim u jżur lil din il-belt ma jistax ma jarax reklami dwar Malta, iżda mbagħad min hu minn Coventry m’għandux aċċess faċli għal Malta, għaliex min irid jiġi Malta jrid jivvjaġġa lejn Manchester u hemm id-distanza,” qal.
Fi kliem Vella, dan hu żball strateġiku għal min ħoloq din il-promozzjoni tajba iżda “zoppa” u trendi fix-xejn kull sforz ta’ promozzjoni.
Vella mhux wieħed li jdur mal-lewża, anzi jistqarr ċar u tond li l-pajjiż ma jistax jaqbad u jaddotta politika esklussiva ta’ kwalità u mhux il-kwantità ta’ turisti.
“Malta teħtieġ bilanċ ġust bejn it-tnejn, u jekk wieħed jara li għall-pajjiż ikun aħjar li jiġu anqas turisti iżda li jonfqu aktar u dan jagħmilha aktar faċli fil-konsum ta’ enerġija u impatt fuq l-ambjent ġenerali, hemm iżda l-iżvantaġġ fejn jidħlu seats fuq l-Air Mlata u okkupazzjoni ta’ sodod fil-lukandi tagħna,” jispjega Vella.
Hawnhekk, Karmenu Vella jgħid li l-pajjiż jeħtieġ politika nazzjonali ċara li tippermetti lil kull settur fl-ekonomija tagħraf l-importanza tal-qasam tat-turiżmu.
“Darba kien hawn reklam li kien jgħid li mit-turiżmu jiekol kulħadd. Iżda waqt li dan hu minnu din l-għajta donnha qed tintesa’ minn bosta u għalhekk il-Gvern ma jistax jinjora l-fatt li l-iżbalji tiegħu f’ħafna setturi oħra għandu wkoll impatt negattiv fuq it-turiżmu.”
Karmenu Vella jgħid li t-trasport f’pajjiżna hu settur kruċjali għat-turiżmu u diġà qegħdin tard għaliex wara tant snin qed nindunaw li għandna problema fit-toroq u fis-servizzi tat-trasport bħala settur sħiħ.
“Kemm se ndumu nkarkru biex nirranġaw l-ambjent ta’ pajjiżna?” jistaqsi Vella waqt li jsostni fuq kif f’pajjiżna nibqgħu nkaxkru saqajna biex nieħdu l-azzjoni fejn tassew hu meħtieġ fl-aħjar interess tal-ekonomija?
Fi kliem Vella l-problema l-kbira li l-pajjiż qed iħabbat wiċċu miegħu fejn jidħol it-turiżmu hu l-fatt li jekk sa ftit tas-snin ilu 60 fil-mija tan-nefqa tat-turisti jibqa’ f’Malta u l-40 fil-mija l-oħra jinħarġu lejn ekonomiji barranin, din issa ġiet bil-maqlub għaliex ġara li l-ekonomija Maltija spiċċat vittma taċ-ċirkostanzi globali fejn niddependu fuq l-importazzjoni hekk kif il-manifattura f’Malta stess ċkienet.
“Neħtieġu bl-aktar mod urġenti politika nazzjonali biex indawru din it-tendenza li qed ikollha impatt negattiv ħafna fuq l-ekonomija ġenerali tal-pajjiż,” sostna.
Ma naqsitx referenza għal dak li fisser bħala “ir-realtà” tal-linji tal-ajru low cost fejn waqt li jirrikonoxxi li huma meħtieġa biex iġibu aktar turisti lejn Malta, il-fatt jibqa’ li l-Gvern mhux qed jagħti l-appoġġ xieraq lill-Air Malta għaliex qed jitfagħha f’kompetizzjoni nġusta.
“Kif tista’ taċċetta sitwazzjoni fejn il-low cost itir lejn destinazzjonijiet li ttir lejhom ukoll l-Air Malta?” staqsa Vella.
“L-Air Malta teħtieġ tkun stmata aħjar u mogħtija l-għarfien bħala kontributriċi netta lejn l-ekonomija tal-pajjiż u bħala talija qatt ma ngħatat sussidji,” nsista.
Minn dawk li huma mfissra bħala l-punti ewlenin li jolqtu lis-settur tat-turiżmu b’mod ġenerali hemm iżda l-affarijiet importanti l-oħra li jolqtu mhux lil Malta bħala prodott imma lil-livell ta’ għajxien tal-Maltin kollha kemm huma.
Hawnhekk Vella ma setax iżomm lura milli jitkellem fuq l-inkwiet f’moħħ il-kostitwenti tiegħu fil-Ħames Distrett li jinkludi fost l-oħrajn lil Marsaxlokk u lil madwar.
“Aħna fin-naħa t’Isfel ta’ Malta qisna sirna l-miżbla tal-pajjiż fejn spiċċajna b’power station li issa se titkabbar u ċentri ta’ dentenżjoni u miftuħin għall-immigranti rregolari, biex ma nsemmux ukoll l-inċeneritur li se jitpoġga dalwaqt.
“Ħadd m’hu qed jitkellem fuq ir-realtà tal-mard ġdid u mifrux li qed ibatu n-nies ta’ dawn l-inħawi, u ħadd m’hu qed jagħti kas l-inkwiet ta’ dawn
in-nies li bħall-Maltin l-oħra għandhom dritt li jkunu kumpensati b’xi mod – għallinqas
ambjentali – għall-isfreġju li qed iġarrbu,” sostna Vella.
Mingħajr ma jkun kontroversjali jew politiku, Vella jistqarr li l-inkwiet f’moħħ il-kostitwenti tiegħu mhux ġejjin minn min jivvutalu iżda mill-firxa wiesa’ tar-residenti li ġejjin mill-inħawi kollha li jgħaqqdu lill-Ħames Distrett.
“Għandi jiġi kulħadd u l-bieb tiegħi jibqa’ dejjem miftuħ beraħ għal kulħadd u ma niddejjaq xejn li nkun ta’ vuċi għal min jeħtieġha” sostna Karmenu Vella.
Minn żgħożitu fil-politika bħala attivista, u militant fi ħdan l-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti fis-Sittinijiet, Vella jibqa’ impenjat fil-politika u jsostni li żmienu fil-Parlament għadu “mhux mitmum” u jindikali li beħsiebu jkompli jikkontesta l-elezzjonijiet u “sakemm Alla jagħtini s-saħħa, ibqgħu sibuni bħala l-‘guy’.”

 

 

Intervista
Ibqgħu sibuni bħala l-‘Guy’….

Karl Stagno-Navarra jintervista lil Karmenu Vella




Carmelo M. Bonnici
Blogs — tirannija jew demokrazija



Joe Ellis
Il-prezz tad-demokrazija



Toni Abela
Tabula Rasa


Il-Punt - Justyne Caruana
Kwistjoni ta’ benefiċċji soċjali jew ta’ natura soċjali?

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075
Managing Editor - Saviour Balzan